Legislature:
Category:
Reset
Active:

UE — Prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sistema tal-kontrolli fuq il-livelli tar-residwi fuq il-prodotti agrikoli li se tibda tapplika l-Unjoni Ewropea 11-il xahar oħra fuq ħxejjex importati lejn l-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-Unjoni Ewropea ilha sa mill-1976 tapplika livelli massimi għar-residwi ta' pestiċidi fil-prodotti ta' ħxejjex u frott. Dawn il-livelli jiġu emendati mill-Kummissjoni Ewropea skond kriterji xjentifiċi kull meta jkun hemm bżonn. L-aħħar tibdil li sar f'dawn il-livelli kien permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni Numru 98/82/EC tas-27 ta' Ottubru 1998. Il-miżuri ta' din id-direttiva jibdew japplikaw fl-1 ta' Awwissu 1999. Kopja ta' din id-Direttiva qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub. Ta' min isemmi wkoll li l-livelli tar-residwi stabbiliti mill-Kummissjoni japplikaw kemm għal-kummerċ bejn il-membri ta' l-Unjoni, kemm għall-importazzjoni lejn l-Unjoni, kif ukoll għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Rigward is-sistema ta' kontrolli fuq dawn il-livelli nixtieq nirriferi lill-Onor. Membru għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Novembru 1997 rigward il-programm koordinat ta' kontroll għas-sena 1998 applikat mill-Unjoni. Kopja ta' din ir-Rakkomandazzjoni qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-programm għas-sena 1999 għadu mhux ippubblikat.

UE — Sussidju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa kkalkolat li kull familja fl-Unjoni Ewropea tħallas taxxa sabiex l-istess Unjoni Ewropea tissussidja l-biedja jew aħjar il-CAP? X'kienu r-raġunijiet li minkejja li titħallas daqstant taxxa mill-popli tal-pajjiżi membri, tul is-snin numru kbir ta' bdiewa, raħħala u sajjieda u nies tax-xogħol fil-mistier tilfu l-għajxien tagħhom?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-mistoqsijiet ma jappartjenux lid-Direttorat li jaqa' taħt il-Ministeru tiegħi.

Ambaxxati — Ambaxxaturi

Question

Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li hemm il-ħsieb li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament terġa tinħatar Ambaxxatur ta' Malta f'xi missjoni diplomatika barra pajjiżna? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din il-persuna hijiex se tintalab tirrifondi l-flus li rċeviet żejda meta kienet ambaxxatur ta' Malta f'Pariġi u li ma setgħux jintalbu lura legalment minħabba preskrizzjoni, jkollha kredenzjali aħjar din il-persuna jekk tirritorna lill-kaxxa ta' Malta dak li ħadet meta kienet taf li ma kienx tagħha bħala salarju?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Pubblikazzjoni ta' diskorsi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-Ministeru bħalma għamel is-sena l-oħra, jippubblika f'volum wieħed id-diskorsi u l-istatements li saru dwar il-politika barranija mill-Ministru/i matul is-sena 1998?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-istampar ta' kotba li jiġbru fihom diskorsi u stqarrijiet dwar politika barranija ta' Ministri responsabbli mill-Affarijiet Esteri mhux regolat la minn proċedura amministrativa, la minn regolament u lanqas minn prassi. F'Settembru 1996, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ippubblika l-ktieb bl-isem "Foreign Policy in the Nineties" li kien selezzjoni ta' diskorsi u stqarrijiet importanti dwar il-politika estera ta' Malta tul l-ewwel nofs tad-Disgħinijiet. Fil-bidu tas-sena li għaddiet, il-Ministeru kien ippublika ġabra oħra ta' stqarrijiet simili li saru bejn Ottubru 1996 sa Diċembru 1997, bit-titlu "Malta's Foreign Policy - Stability, Security, Prosperity". Naħseb li l-valur ta' dawn il-pubblikazzjonijiet qiegħed fl-attwalita' tagħhom fl-iżvilupp u fir-rilevanza li jkollhom għall-politika barranija li miexi biha l-Gvern tal-Gurnata. Għalhekk is-suppriment ta' l-Onor. Membru qiegħed jiġi konsidrat fil-kontest tal-fuq espost.

UE — Sħubija

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u s-sitwazzjoni tas-settur tal-biedja fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ikkawża t-telf ta' 3.9% fil-farm income tal-EU għas-sena 1998?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Bħala medja, l-"agricultural income" tal-Unjoni Ewropea niżel bi 3.9% fl-1998 meta mqabbel ma' dak tas-sena ta' qabel. Wieħed irid jikkonsidra li żviluppi fil-volum ta' produzzjoni kif ukoll fil-prezzijiet li t-tnejn għandhom mpatt fuq "agricultural incomes" ivarjaw minn prodott għall-ieħor kif ukoll minn pajjiż għall ieħor u dan partikolarment minħabba li ħafna mill-prodotti agrikoli jaffettwahom il-kondizzjonijiet tat-temp. Għidt mhux fil-prodotti kollha u mhux f'kollox l-istess. Bħal, per eżempju, fil-patata l-kwantita naqqset bi kważi 4% filwaqt li l-prezzijiet telgħu b'33%. B'riżultat li l-bidwi daħħal 25% aktar mill-patata. Kien hemm żidiet ta' 6% fl-inbid, 4% fil-frott frisk u 2% fil-fjuri filwaqt li kien hemm tnaqqis fiż-żejt taż-żebbuġa (20%), zokkor (8%) u ċereali (5%). Peress li qed nirriferu għal-medja, wieħed irid jgħid li mhux il-pajjiżi Membri kollha kellhom l-istess riżultati. Kien hemm numru ta' pajjiżi fejn l-"agricultural income" tela' (bħall-Italja u l-Ġermanja) filwaqt li kien hemm oħrajn (bħad-Danimarka u l-Ingilterra) fejn niżel. It-tnaqqis fl-"agricultural income" huwa attribwit lil għadd ta' fatturi: 1. l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli għal-konsum ("output prices") niżlu b'medja ta' 4.7% partikolarment dawk tal-majjal; 2. żieda żgħira fil-volum tal-"output" ("output" finali tal-agrikoltura żdied 1.0%); 3. tnaqqis fil-prezzijiet reali tal-prodotti intermedjarji partikolarment dak ta' l-ikel ta' l-annimali; 4. tnaqqis f'termini reali fis-sussidji ta' 6.2 % l-aktar minħabba t-termini tal-ftehim milħuq mad-WTO fl-1995 kif ukoll minħabba li ċerti sussidji (li jingħataw ġeneralment biex titjieb il-produzzjoni jew biex tinqered xi marda) ma reġgħux ingħataw fl-1998 wara li kienu ngħataw fl-1997 għax ma kienx hemm bżonnhom; 5. il-livell ta' żvalutar tal-munita li tintuża fl-agrikoltura u tal-pajjiz konċernat baqa' kważi l-istess (f'termini reali) kif imqabbla mal-1997; 6. rata iktar baxxa fit-tnaqqis fil-volum tax-xogħol fl-agrikoltura fl-1998 ta' 1.6% meta mqabbla ma dik ir-rata ta' tnaqqis li kienet il-medja bejn 1990 u l-1996 li kienet ta' 3.8%. It-Tlieta 26 ta' Jannar 1999

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtu? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nirriferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li diġa tajt fuq dan is-suġġett għall-interpellanza No. 3450.

Germanja — Ambaxxata Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġiex deċiż definittivament li l-ambaxxata Maltija f'Bonn tiġi trasferita għal Berlin? Jista' jgħid fejn se tkun l-ambaxxata l-ġdida, f'liema parti ta' Berlin? Kemm se jkun il-prezz tal-proprjeta' magħżula, jew kemm se tkun il-kera? Kemm huwa stmat li se tqum lill-Gvern Malti din iċ-ċaqlieqa? Meta huwa maħsub li din iċ-ċaqlieqa tiġi attwata?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Peress li kważi l-Ministeri kollha ewlenin tal-Gvern Ġermaniż, flimkien mal-Parlament, se jkunu trasferiti għal Berlin sa l-aħħar ta' din is-sena, nħasset il-ħtieġa sabiex l-ambaxxata Maltija ġewwa Bonn tiġi hi wkoll rilokata - bħalma se jagħmlu l-maġġoranza kbira ta' ambaxxati ta' pajjiżi oħra - għal-Berlin. Huwa previst li r-rilokazzjoni ta' l-ambaxxata Maltija titwettaq wara s-sajf li ġej. Uffiċċjali mill-ambaxxata diġa żaru numru ta' postijiet f'Berlin u identifikaw xi postijiet li jistgħu jkunu addattati għal użu bħala ambaxxata. L-għażla finali mistennija ssir fil-ġimgħat li ġejjin, konsultazzjoni sħiħa bejn l-ambaxxata u l-Ministeru. Fl-estimi finanzjarji tas-sena fiskali korrenti, ġiet ivvutata somma ta' Lm85,000 biex tkopri spejjeż ta' depożiti fuq kirjiet (kemm għall-ambaxxata kif ukoll għar-residenza uffiċċjali), spejjeż għall-arredar tal-postijiet kif ukoll spejjeż tal-ġarr minn belt għall-oħra għal din ir-rilokazzjoni.

UE — Infiq ta' flus

Question

Billi hija x-xewqa tal-Gvern preżenti li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus direttament jew indirettament mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, minn meta Malta applikat biex l-għan tal-Gvern preżenti jintlaħaq? Kif intnefqu u fuq xiex, il-flus in kwestjoni?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Billi politika governattiva ma tistax tikkwantifikha, risposta f'dan il-kuntest mhiex possibili li tingħata.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Viċi Prim Ministru għandu ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma hemm ebda bord governattiv li jaqa direttament taħt ir-responsabilita' tieghi.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista tal-persuni kollha li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjat privati tiegħu u tas-segretarji parlamentari fejn dan japplika? Għal kull persuna, jista' l-Ministru jindika d-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom u d-dmirijiet li qegħdin jaqdu bħalissa?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Qed nagħti fuq iż-żewġ Skedi annessi, immarkati 'A' u 'B', l-informazzjoni mitluba għar-rigward ta' l-impjegati fis-Segretarjati Privati kemm tiegħi kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru. Id-dmirijiet tad-diversi gradi msemmija huma skond ir-responsabbilitajiet elenkati għal dawn il-karigi fid-diversi Segretarjati Privati tal-Ministeri tal-Gvern, kif spjegat fil-ktejjeb li kopja tiegħu diġa' tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fil-bidu ta' din il-leġislatura. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra ż-żewġ skedi 'A' u 'B'.

UE — Kwestjonarju

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1235, jaħseb il-Viċi Prim Ministru li issa wasal il-waqt li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kwestjonarju mibgħut lilu mill-Unjoni Ewropea kif ukoll it-tweġiba tal-Gvern Malti?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-interpellanza Nru. 1235. It-Tnejn 11 ta' Jannar 1999

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Flus minfuqa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-ministeri biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Bejn il-5 ta` Settembru 1998 u s-17 ta` Diċembru, intefqet is-somma ta` Lm2,425.52 għal xogħolijiet ta` manutensjoni, tiswijiet u rranġar ġenerali ta` l-uffiċċji tal-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin f`Malta.

Indja — Traġedja tal-għarqa tal-Yiohan

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti mal-ministeru min-naħa ta' persuni mill-Indja dwar it-traġedja ta' l-għarqa tal-Yiohan f'Diċembru 1996? X'għajnuna ntlabet u x'għajnuna ngħatat?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-qraba tal-vittmi ta' din it-traġedja ħolqu Għaqda bl-isem ta' 'Malta Boat Tragedy Sufferers' Association'. Permezz tal-Gvern Indjan huma talbu li jibagħtu delegazzjoni fl-Italja, il-Greċja u Malta biex tiġbor tagħrif mill-viċin dwar l-istħarriġ li sar f'dan il-każ. Il-Ministeru tiegħi ta l-permess meħtieġ u għamel l-arranġamenti li kien hemm bżonn biex delegazzjoni ta' erba' min-nies żaret Malta x-xahar li għadda u ltaqghet ma' l-awtoritajiet kompetenti li kellhom sehem mill-qrib fl-istħarriġ ta' din il-ġrajja traġika.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Flus minfuqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-ministeri biex jiġu rranġati mal-5 ta' Settembru, 1998?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra. Qed nassumi li l-perijodu li jixtieq li jkun kopert huwa dak bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Diċembru 1998.

Laqgħat ma' l-ex Deputat Dom Mintoff

Question

B'riferenza għad-domanda parlamentari numru 1031 u t-tweġiba li ta l-Ministru, jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi d-domanda skond ma jippermettu l-proċeduri u r-regoli tal-Kamra?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Peress li l-proċedura u r-regoli tal-Kamra, ma jippermettux l-interpellanza kif magħmula, fid-domanda parlamentari 1031, ma għandi xejn x'inżid mar-risposta gja magħmula.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ispejjeż involuti għaż-żjarat li saru fl-14/11/98, fid-29/10/98, fil-05/11/98 u fil-11/11/98 li ma ngħatawx fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 982? Jista' l-Ministru jinkludi l-ispejjeż tal-biljetti ta' l-ajru fejn dawn ġew esklużi?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għalhekk ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Mobile Phones

Question

B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-10 ta' Novembru, 1998 u għad-dekasteru li għalih il-Viċi Prim Ministru huwa responsabbli, jista'jgħid: (a) kemm hemm mobile phones użati; (b) kemm minn dawn huma mixtrija u kemm mikrija mingħand min u b'liema prezz/rati; (c) minn min qed jintużaw dawn il-mobile phones f'kull każ; (d) kemm minn dawn il-mobile phones bdew jiġu użati mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Fil-perijodu ndikat mill-Onorevoli Membru, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin kien qed jagħmel użu minn seba' mobile phones fl-Uffiċċju Ċentrali, u għaxra fil-Missjonijiet Maltin ta' barra. L-apparati f'Malta, li huma kollha mixtrija, jintużaw mill-Ministru u mis-Segretarjat Privat tal-Ministru, mis-Segretarju Parlamentari, mis-Segretarju Permanenti, mill-Kap tal-Protokoll u minn uffiċċjali tal-Ministeru, fuq bażi ta' roster, li jagħtu servizz lil min jeħtieġ xi għajnuna mill-Ministeru wara l-ħinijiet normali tax-xogħol.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Hospitality

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefaq bħala hospitality mid-dekasteru li għalih huwa responsabbli mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru, maqsuma skond il-Ministeru, Segretarjat, dipartiment jew enti?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Jien infurmat li, bejn il-5 ta' Settembru u l-10 ta' Novembru 1998, ġie kommess infieq għal ospitalita' fid-diversi uffiċċji u Missjonijiet Maltin tal-Ministeru tiegħi kif se nghid: Uffiċċju Prinċipali Lm 5,063 li minnhom, somma ta' Lm3,892 tħallset wara l-10 ta' Novembru 1998 Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea Lm 38 Missjonijiet Maltin fil-kapitali -------------------------------- Baghdad Lm - Beijing Lm 211 Bonn Lm 385 Brussell Lm 1,263 Kajr Lm 76 Canberra Lm 294 Ġinevra Lm - Londra Lm 24 Madrid Lm 106 Moska Lm 13 New York Lm 574 Pariġi Lm 262 Riyadh Lm 654 Ruma Lm 87 Strasburgu Lm 268 Toronto Lm 149 Tripli Lm 148 Tuneż Lm 27 Vjenna Lm 84 Washington Lm 36

Ministeru għal Affarijiet Barranin — Kuntratti

Question

B'riferenza għal perjodu mill-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 u għad-dekasteru li għalih il-Viċi Prim Ministru hu responsabbli, jista' jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika; (a) x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv, fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm suppliers/kuntratturi li kienu jagħtu s-servizz tagħhom lill-istess dekasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru, 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu u x'servizz/prodott kienu joffru? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad minflokhom?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Fil-perijodu iċċitat mill-Onorevoli Interpellant, il-Ministeru tiegħi ma kellu l-ebda ħtieġa li joħroġ xi kuntratt għall-provvisti jew għal servizzi permezz ta' direct order.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Kuntratti

Question

Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nirriferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 2157, meta għidt li bejn Settembru u l-1 ta' Diċembru 1998, il-Ministeru tiegħi ma ta ebda kuntratt b'ordni diretta jew xort'ohra.