Filwaqt li napprezza li l-maġġoranza tan-nies fin-negozju huma nies serji u ma jippruvawx jabbużaw mill-konsumatur, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hiex, u jekk le għaliex mhix, policy tal-Gvern li juża name and shame policy ma' dawk in-negozji fejn jiġi stabbilit mingħajr ebda dubju li abbużaw fil-prezzijiet tal-oġġetti mpurtati tagħhom, b'mod partikolari fejn jirriżulta li jkunu qegħdin jbiegħu prodotti - speċjalment mediċinali - 'l fuq ferm mill-medja Ewropea? Għaliex ma sarx dan diġa' fejn irriżultaw każi simili?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29491 u jikkonferma jekk ix-xogħol ta' security fl-isptar Mater Dei ngħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata u kemm hu stmat li jiswa dan il-kuntratt kull sena?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29492 u jikkonferma jekk il-parkeġġ fl-isptar Mater Dei ngħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv lil min ingħata u kemm inkera għal kull sena? Kemm hemm parking slots f'dan il-parkeġġ?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29493 u jgħid jekk x-xogħol ta' maintenance fuq il-bini u l-equipment ta' l-isptar Mater Dei ingħatax lill-kuntratturi privati? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-valur ta' dan il-kuntratt fis-sena u lil min ngħata?
B’referenza għall-ftehim li ġie milħuq dan l-aħħar ma' l-organizazzjoni ta’ riċerka CERN fl-Isvizzera, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk dan kienx ftehim formali jew biss memorandum of understanding li għad irid iwassal għal sensiela ta’negozjati intensivi qabel ma l-kollaborazjoni tiġi fis-seħħ u ċ-ċittadini Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu? Meta huwa mistenni li jintlaħaq il-ftehim bejn iż-żewġ naħat ħalli jkun jista' jibda jiġi attwat?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċerimonja li saret fid-29 ta' Ġunju, 2007 fl-isptar Mater Dei? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi:
· It-tlestija u l-Handling Over ta’ Sptar Mater Dei minn għand Skanska Malta JV għal għand il-Gvern ta’ Malta ġiet iċċelebrata b’numru ta’ attivitajiet li seħħew bejn id-29 ta’ Ġunju 2007 u l-1 ta’ Lulju 2007. Il-kunċett ġenerali kien wieħed ta’ promozzjoni tal-kura tas-saħħa.
· L-attivitajiet prinċipali kienu: 1). Ċelebrazzjoni dinjituża tat-tlestija ta’ l-akbar proġett nazzjonali. 2). Eżerċizzju ta’ familjarizzazjoni permezz ta’ Open Weekend fejn il-poplu ġie mistieden iżur u jara b’għajnejh dan il-proġett ta’ sptar state of the art. 3). Eżerċizzju ta’ Promozzjoni tas-Saħħa fejn ġie organizzat Health Festival biex wara li wieħed ikun ra l-faċilitajiet disponibbli, jiġi mħeġġeġ jieħu ħsieb saħħtu permezz ta’ mezzi ta’ prevenzjoni: primarjament billi jiekol ikel bnin, jagħmel eżerċizzju fiżiku, jibża’ għall-ambjent, jagħmel screening tal-kundizzjonijiet tiegħu u billi jevita dak li jagħmillu l-ħsara.
· L-attivitajiet kienu ta’ suċċess kbir tant li huwa stmat li 1). Aktar minn 80,000 persuna żaru dan il-proġett matul dawn it-tlett ijiem. 2). 2,500 għamlu testijiet mediċi ta’ prevenzjoni. 3). Eluf oħra ħadu sehem f’attivitajiet ta’ eżerċizzju fiżiku u sport filwaqt li kielu ikel bnin mir-restaurant armat għall-okkażjoni.
In-nefqa totali, eskluż il-VAT għal dan il-weekend, kienet ta’ Lm56,797.48 jew 71 ċenteżmu għal kull persuna li pparteċipat f’dawn l-avvenimenti.
Il-breakdown ta’ l-ispejjeż qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27065 u jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċerimonja li saret fid-29 ta' Ġunju, 2007 fl-isptar Mater Dei? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27065.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu f'kontijiet ta' mobile phones fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament u xahar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu (inkluż safar ministerjali) minn Jannar 2007 sal-lum separatament, xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B ta’ nefqa fuq safar li l-kontijiet ġew magħluqa għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna li tkun irtirat mill-Armata ta' 55 sena tkun mitluba tirreġistra mal-ETC filwaqt li persuna li tkun għamlet mill-inqas 25 sena servizz ma għandhiex obbligu simili, minkejja li ta' l-ewwel ġieli ħallsu NI Contributions akbar minn ta' l-aħħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond ir-regolamenti tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, persuna li ddeċidiet hija li tieqaf mill-impjieg bħal ma huwa l-każ tal-persuna li għamlet 25 sena servizz u ddeċidiet li titlaq qabel iż-żmien ma tistax tirreġistra fuq l-ewwel parti imma fuq it-tieni parti tar-reġistru. Dan jekk dejjem il-persuna tixtieq terġa’ taħdem xogħol full time u għadha qegħda.
Persuna li għandha 55 sena u spiċċat mix-xogħol mhux għax riedet hija imma għax għalaq il-kuntratt hekk kif stabbilit fil-liġi, ma tilfitx ix-xogħol għax riedet hija imma għax hekk huwa mitlub. Għalhekk persuna bħal din li dejjem tixtieq terġa’ taħdem xogħol full time u li hija bla mpjieg, tista’ tirreġistra fuq l-ewwel parti tar-reġistru.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28742 u għall-fatt li Lm17.7 miljun ġew allokati għall-programmi ta' taħriġ li ġew allokati għalihom l-istess fondi, jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 29207, 29291 u 29494 u jgħid kemm inħolqu mpjiegi full time bħala riżultat ta' l-istess taħriġ? Min kienu l-entitajiet jew aġenziji privati u jew pubbliċi li mplimentaw dawn l-programmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant illi mis-17,794,614.01 miljun lira Maltin li għalihom irreferejt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 28742, Euro 6,337,161.25 biss huma relatati ma’ programmi ta’ taħriġ. Bħala riżultat ta’ l-istess taħriġ, 781 persuna sabu impjieg full-time. L-entitajiet li implimentaw dawn il-proġetti kienu:
FES - Fondazzjoni għal-Servizzi Edukattivi
ETC - Korporazzjoni għax-xogħol u t-Taħriġ
APPOĠĠ
WSM - WasteServ Malta
MGOZ - Ministeru għall-Għawdex
ACCESS
MCAST - Kulleġġ ta’ Malta għall-Arti, ix-Xjenza
u t-Teknoloġija
ME - Malta Enterprise
NCPE - Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni
ta’ l-Ugwaljanza
FSWS - Foundation for Social Welfare Services
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29256, 29348 u 29512 u cioe' : B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari 27278, jista' jgħid jekk huwiex ċert li t-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 29129 hija sħiħa u li m'hemmx partijiet li tħallew barra?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29504 u jgħid kemm għandu boards l-Gvern? Liema huma? Kemm jimpjegaw nies dawn il-boards? Kemm huwa l-qliegħ, deficit ta' kull board? Jekk l-impjegati/membri ta' dawn il-boards humiex kunsidrati bħala mpjegati tac-Civil?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29503 u jgħid kemm hawn awtoritajiet? Liema huma u meta twaqqfu? Kemm qed iħaddmu total ta' nies u kemm huwa l-qliegħ, deficit ta' kull awtorita'? Jekk l-impjegati ta' dawn l-awtoritajiet humiex kunsidrati bħala impjegati tac-Ċivil?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'persentaġġ tal-budget attwali tal-Forzi Armati qed jintnefaq fuq l-immigranti irregolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persentaġġ tal-budget tal-Forzi Armati li ntefaq fuq l-immigranti irregolari fl-2007 kien ta’ 14% tan-nefqa Rikurrenti u 40% tan-nefqa Kapitali. Il-valur tan-nefqa Rikurrenti jinkludi persentaġġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-Forzi Armati u tal-pagi tas-suldati li jagħmlu xogħol relatat ma’ l-immigranti irregolari.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29303 u ċioe': B'referenza għax-xogħlijiet li saru fl-Isptar Mater Dei jista' l-Prim Ministru jgħid
x'volum ta' materjal u blat ġie eskavat għall-proġett kollu,
kemm ġie jiswa x-xogħol ta' skavar
kemm ġew jiswew x-xogħljiet ta' twaqqigħ ta' bini li kien diġa' sar wara li ried jitwaqqa' minħabba bdil fil-pjanta?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29311 u jgħid jekk il-kuntratt għall-fornitura ta' ikel lill-pazjenti ta' l-Isptar Mater Dei ingħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata u x'inhu stmat li hu l-valur ta' dan il-kuntratt kull sena?
Jista' l-Prim Ministru jinfurmani jekk dawk li għaddew mill-eżami ta' clerks in Public Service fil-2007 hux se jiġu ngaġġati mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, hemm xi data?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Issa li beda l-proċess biex dawk li għaddew mill-eżami ta’ l-Executive Officers jingħataw il-ħatra u jitqassmu skond l-esiġenzi tas-Servizz, f’qasir żmien ser jibda wkoll l-ingaġġ ta’ numru ta’ skrivani.