Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Security

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' security fl-isptar Mater Dei ngħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata u kemm hu stmat li jiswa dan il-kuntratt kull sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lil-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Tfal bid-dijabete

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29073 u jgħid għaliex familji li għandhom tfal żgħar li qed isofru mill-marda tad-dijabete mhux qed jingħataw labar tas-siringi size 4mm iżda qed jingħataw sizes akbar li mhux addattati għalihom? Jista' jgħid għaliex dawn il-familji mhux qed jingħataw glucose sticks li huma meħtieġa għalihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li siringi ta' l-Insulina 0.5cc u 1.00cc huma ta' qies standard ta' 13mm. Il-quota għal glucose sticks għal dijabetiċi dipendenti fuq l-insulina taħt l-eta' ta' 35 sena hija ta 50 strips fix-xahar.

Ikel b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalma hemm ikel b'xejn fuq Skeda V għat-tfal li huma allerġiċi għall-Gluten, jeżisti ikel b'xejn fuq l-istess skeda għat-tfal li huma allerġiċi għall-Wheat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-intolleranza għal gluten hi meqjusa bħala auto immune disease u hu għalhekk li persuni li huma intolleranti għal gluten jingħataw ikel gluten-free b'xejn taħt l-iSkeda V. Għal din ir-raġuni persuni li huma allerġiċi għal ikel speċifiku bħal qamħ jew anke lewz m'humiex intitolati għal dan l-ikel.

Għadira ilma u drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara jekk l-għadira ilma u d-drenaġġ li hemm ġol-bitha ta' Paola Flats, Emmanuele Galizia Street, ta' Xbiex tiġi rranġata mis-sid tal-bini billi din hi ta' ħsara għar-residenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li dan l-ilment ġie investigat minn uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali bejn April u Ġunju 2007 u minn kampjuni li ttieħdu ġie konfermat li l-preokkupazzjoni li hemm fil-bitħa ta' Paula Flats, Triq Emmanuel Galizia, Ta' Xbiex mhijiex drenaġġ iżda ilma nadif. Inħareġ avviż lis-sid tal-bitħa fejn ġie ordnat sabiex jitneħħa l-ilma qiegħed li kien qed jinġema fil-bitħa u ġie konfermat li saru x-xogħolijiet meħtieġa. Reġgħet saret spezzjoni oħra fit-18 ta' Diċembru 2007 u reġa ġie kkonfermat li hemm l-ilma qiegħed fil-bitħa tal-fond imsemmi hawn fuq. Għalhekk, reġa' inħareġ avviż ieħor lis-sid tal-bitħa sabiex jitneħħa l-inkonvenjent fi żmien ħmistax -il ġurnata. Fin-nuqqas li jitneħħa l-inkonvenjent ser tittieħed azzjoni legali.

Xiri ta' mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx mobile phones ġodda fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum, u f'każ li fl-affermattiv, kemm il-mobile inxtara, b'liema prezz separatament u għal min kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mobile phones li nxtraw ġodda minn Jannar sa Novembru kienu dawn: Prezz Ministeru Dekasteru Enti Lm80 Head of Secretariat Mount Carmel Hospital Lm39 Community Manager Lm78 Dir of Phsychiatry Lm89 Principal Social Worker

Karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x'ċilindrata għandha l-karozza f'kull każ separtament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karozza mikrija għall-użu tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid, jekk ġewx mikrija/leased karozzi għal użu tiegħu bħala Ministru minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, x'tip ta' karozza inkriet/leased, kemm hi r-rata li biha nkriet/leased il-karozza kull ġurnata u għal kemm żmien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ġiet mikrija BMW għall-Ministru mill-21 ta' Mejju 2007 sad-19 ta' Ġunju 2007 bir-rata ta' Lm18.25 kuljum waqt li l-karozza uffiċjali kienet għat-tiswija.

Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjal jew għal użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x'tip ta' karozza, l-prezz u x'ċilindrata huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba milll-Onor. Interpellant tinsab miġbura fit-tabella ta' hawn taħt: Nru Tip Ċilindrat Prezz Lm Użu 1 Fiat Panda Active 1108cc 13,700 Użu ġenerali fis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' 2 Fiat Panda Active 1108cc 13,700 Użu ġenerali għad-Dipartiment Saħħa Pubblika 1 Fiat Panda Active 1108cc 13,700 Użu ġenerali għad-Dipartiment Kura Primarja 1 VW Touran 1595cc 7,930 Użu ġenerali taċ-Ċentru Nazzjonali tad-Demm 1 Fiat Doblo Panorama 1300cc 8,770 Użu ġenerali ta' trasport, trasport ta' pazjenti, u home visits - Sptar Zammit Clapp 2 Nissan Note 1400cc 4,980 Użu ġenerali għad-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita'

Addolorata — Oqbra għall-bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu oqbra għall-bejgħ fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi x-xogħol fuq l-oqbra fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata wasal fil-fażi li jiġi assenjat it-tender fuq xogħol ta' tħaffir u skavar. Hemm il-ħsieb li meta jibda dan ix-xogħol jibda wkoll il-bejgħ ta' l-oqbra.

Ċimiterju ta' l-Addolorata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser isir aktar tħaffir għal oqbra fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? Jekk iva, kemm ser isiru u kemm talbu għall-oqbra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li huwa ntenzjonat li tinbena l-estenzjoni taċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata fil-futur viċin, billi jsir tħaffir għal 2782 abar ġdid. Minn dawn, 2500 ser ikunu għall-pubbliku, l-oħrajn ser jinżammu għall-komun. Ninforma li bħalissa hemm 3200 talba fil-waiting list għal xiri ta' qabar minn dan iċ-Ċimiterju.

Spizjara jaħdmu mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29137 u jgħid kemm hemm spiżjara mal-gvern illum? Jista' jgħid meta tibda l-iskema tal-POYC? Kemm se jkollu bżonn spiżjara? X'inhi l-ispispiża totali li l-gvern iħallas għall-ispiżjara tiegħu? Kemm kienet l-ispiża totali tal-gvern tal-mediċini li ta taħt schedule II u V kull sena fl-2005 u fl-2006?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Mal-Gvern hemm 152 spiżjar. L-ispiża totali tagħhom għall-2007 hija mistennija li tilħaq madwar Lm1 miljun. L-ispiża totali tal-mediċini li nħarġu għall-ispiżeriji (Outpatients) taċ-Ċentri tas-Saħħa u l-isptar San Luuqa matul 2005 kienet Lm7,964,826 u matul 2006 kienet Lm9,489,283. L-iskema tal-POYC se tibda minn Diċembru2007. Fl-istore ċentrali tal-POYC se jkun hemm bejn 2 u 3 spiżjara għall-ewwel fażi. L-iskema tal-POYC se titħaddem mill-ispiżjara tal-ispiżeriji privati liċenzjati li aċċettaw li jidħlu fl-iskema tal-POYC.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-canteen fl-isptar Mater Dei li hu miftuħ għall-pubbliku huwiex permess bejgħ ta' xorb alkoħoliku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-Visitors Restaurant ta' l-Isptar Mater Dei, il-kuntrattur huwa permess li jbiegħ xorb alkoħoliku skond kif tippermetti l-liġi u r-regolamenti tal-liċenzja tiegħu mill-Malta Tourism Authority. Dan il-kuntratt ġie negozjat mill-Ministeru tal-Finanzi.

OOPS — Operazzjonijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari 28937 u 29042 jista' l-Ministru jikkonferma jekk ma sarux operazzjonijiet ġo OOP3 fl-iSptar San Luqa madwar xahar ilu minħabba li ma kienx hemm bolts ta' l-istainless steel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Matul il-ġimgħa ta' bejn il-ħamsa u l-ħdax ta' Novembru 2007 kien hemm total ta' erba' (4) operazzjonijiet ta' Dynamic Hip Screw li ġew posposti għal jumejn fit-Teatri ta' l-Ortopedija minħabba nuqqas temporanju ta' screws.

Sptar Mater Dei — Parking

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta sar l-ewwel pagament tal-Concession Fee mill-car park manager ta' l-iSptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk wara li l-Prim Ministru ddeċieda li jiġu riveduti l-fees tal-parking ta' l-iSptar Mater Dei hux sejjer joħroġ tender ġdid jew jidħol f'diskussjonijiet mat-tender's kollha li kienu ħadu sehem f'tender FMS 528/mdh/06 peress li issa jidher li sejrin jitbidlu l-kondizzjonijiet ta' l-istess tender?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru tal-Finanzi.

Sptar San Luqa — Impjegati

Question

Peress li ħafna mill-ħaddiema tekniċi impjegati fl-iSptar San Luqa (inġiniera, tal-maintenance etc) ma ġewx mgħarrfa x'se jkun il-futur tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'hemm ippjanat għal dawn il-ħaddiema?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-ħaddiema kollha tekniċi ġew infurmati bi dmirijiet ġodda tagħhom fuq bażi individwali mill-Inġiniera u l-Operations Manager. Dan il-proċess seta' jiġi fis-seħħ malli intemmet il-migrazzjoni. Dawn il-ħaddiema tqassmu skond il-ħiliet tagħhom u l-ħtiġijiet tas-servizz bejn l-isptar Mater Dei u l-isptar Karen Grech.