Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4079 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Servizz ta' mobile phone

Question

Jisa' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus imħallsa xahar b'xahar, matul is-sena 2003 għas-servizz ta' mobile phones fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma dawk il-persuni li għandhom l-użu ta' mobile phone uffiċjali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #4085 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-sanita' — Containers bit-tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm ġew meqruda containers bit-tiġieġ maqbuda mid-dipartiment tas-sanita' matul din is-sena u s-sena li għaddiet 2003? Jista' jinformani bit-tunnellaġġ ta' tiġieġ li nqerdu wara li ġew maqbuda mid-dipartiment tas-sanita'? Jista' jipprovdi l-informazzjoni għas-snin 2002, 2001 u 2000 separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul din is-sena w s-sena li għaddiet ġew maqbuda tlitt (3) containers bit-tiġieġ minn uffiċċjali tas-sanita'. Il-kontenut ta' wieħed minn dawn il-containers li kien jammonta għal 2850 kilo, ġie meqrud b'ordni tal-qorti. Il-piż tal-kontenut taż-żewġ containers l-oħra, m'hux stabbilit għaliex kien diffiċli li tali tiġieġ jintiżnu, peress li kienu ammonti kbar. Dawn it-tiġieġ għadhom ma' nqerdux, għaliex il-każ għadu sub-judice. L-ammont ta' tiġieġ illi ġew maqbuda mid-dipartiment tas-sanita', matul is-snin 2000, 2001, u 2002, hu kif jidher hawn taħt: 2000- 588.7 kilogrammi 2001- 600 kilo 2002- 200 kilo Fis-sena 2003, ġew maqbuda 4560 kilo. Dawn jinkludu l-2850 kilo li ġew meqruda, kif diġa msemmi.
Leg 10 PQ #4055 Sitting 98 2004-02-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tas-Saħħa

Entitajiet pubbliċi — Dħul ta' fondi matul l-2003

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienu jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament? Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-awtoritajiet, reġolaturi u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa ma kien hemm l-ebda dħul li daħal direttament fil-fond konsolidat fir-Revenue tal-Gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament.
Leg 10 PQ #4030 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Xiri ta' mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa sena sena separatament bejn l-1997 u l-2003 għax-xiri tal-mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa u l-pagamenti mid-Dipartiment Farmaċewtiċi tal-Gvern għax-xiri ta' mediċini biss mill-1997 sal-2003 huwa kif ġej: SNIN NEFQA(Lm) PAGAMENTI(Lm) 1997 7,105,794 7,105,794 1998 7,093,192 6,862,489 1999 7,131,416 6,765,454 2000 8,893,495 8,570,179 2001 9,208,389 9,890,733 2002 11,178,582 9,030,619 2003 11,762,466 9,095,462
Leg 10 PQ #3970 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Tiswija ta' ħajt — Ċimiterju tal-Mellieħa

Question

X'passi se jittieħdu biex urġentament jissewwa ħajt tal-ġenb fiċ-ċimiterju tal-Mellieħa peress li jinsab fil-periklu li jaqa' u jekk iċedi jiġbed miegħu u jiftaħ l-oqbra ta' dik in-naħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li spezzjoni fis-sit indikat diġa' saret mill-uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika inkarigat miċ-Ċimiterji tal-Gvern u hemm arranġamenti għaddejjin mal-perit sabiex jiġu deskritti x-xogħlijiet neċessarji għall-manutenzjoni meħtieġa. Hekk kif jiġu mħejjija l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati w jinġabru stimi neċessarji, ix-xogħol fuq dan il-ħajt ikun jista' jinbena.
Leg 10 PQ #3997 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Kumpannija SIMED — Proċess ta' kjarifiki

Question

Billi fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3785, Seduta 88 tad-19/01/2004 il-ministru tas-saħħa stqarr li "peress li d-dokumenti mitluba jistgħu jippreġudikaw lill-kumpannija SIMED ma jidhirlix li huwa għaqli li f'dan l-istadju jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra ...." U billi f'ittra li jiena rċevejt mill-managing director tal-kumpannija SIMED International bv, u li qed nibgħat kopja tagħha separatament, dan jgħid li ".... SIMED International bv declares that it has no objection to the publication of, and the placement of all the documents related to the tender in question on the table of the House of Representatives. It is indeed our wish that all related documents are made available for examination by anyone interested in the case." Jista' il-Ministru jirrispondi fit-totalita' tagħha l-mistoqsija parlamentari 3785 li għamiltlu fl-14 ta' Jannar, 2004?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Onor. Interpellant jirrealiżża li hemm interessi oħra li jistgħu jiġu preġudikati barra dawk ta' SIMED b.v. L-offerta magħmula lill-Onor. Interpellant biex jara d-dokumenti li qiegħed jitlob għadha miftuħa.
Leg 10 PQ #4004 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Apparat mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-ftehim bejn il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u l-kumpannija INSO spa ta' l-Italja biex dawn jipprovdu l-apparat mediku u s-servizzi relatati miegħu? Jekk fl-affermattiv, jistaż jqiegħed dan il-ftehim fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat fit-23 ta' Jannar 2004.
Leg 10 PQ #3572 Sitting 94 2004-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Mard

Question

Jista' il-Ministru jinformani bil-mard rari li ġie rreġistrat fl-isptarijiet tal-gvern u fl-isptarijiet tal-privat matul din is-sena? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002, rispettivament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li m'hemmx reġistru nazzjonali ta' mard rari.
Leg 10 PQ #3947 Sitting 94 2004-01-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Każi ta' bird flu

Question

Malta ingħaqdet mal-EU BAN fuq l-importazzjoni ta' poultry products mis-South Korea, il-Ġappun, il-Vietnam u t-Tajlandja minħabba li ġew skoperti każi ta' bird flu fin-nies ġewwa t-Tajlandja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #3948 Sitting 94 2004-01-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Mard ta' l-influwenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar l-inċidenza qawwija ta' influwenza li kien hemm din is-sena? Kif jipparagunaha ma' dik ta' snin oħra u għaliex il-firxa kienet wiesgħa minkejja li ħafna nies kienu ħadu l-vaccine meħtieġa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waqqaf Influenza Surveillance Scheme fi Frar 2003. Din l-iskema tiġbor statistika dwar numru ta' każijiet ta' influwenza li kkonsultaw tabib. L-inċidenza ta' l-influwenza fil-bidu ta' Frar 2003 kienet ta' 179.5 persuna kull 1000 persuna li kkonsultaw tabib filwaqt li l-ogħla inċidenza dan l-istaġun kienet fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar fejn laħqet 137.1 persuna kull 1000 persuna li kkonsultaw tabib. Għalhekk m'huwiex minnu li l-inċidenza kienet iżjed qawwija minn tas-sena l-oħra. It-tilqima li ntużat kienet dik rakkomandata mid-WHO għas-sena 2003.
Leg 10 PQ #3876 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Marda infettiva fuq in-nagħaġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex il-marda nfettiva "scrapie" li qed tolqot lin-nagħaġ ta' pajjiżi oħra ma tidħolx ukoll f'pajjiżna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #3877 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

dipartiment tas-saħħa — Tobba

Question

Fid-dawl tas-sentenzi riċenti tal-qorti Ewropea tal-ġustizzja li l-ħin on call tat-tobba mal-gvern, anke x'ħin ma jkunux jaħdmu, se jibda jitqies bħala parti mill-working time ta' mhux iżjed minn 48 siegħa skond il-working time directive ta' l-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm huwa maħsub li l-gvern għandu bżonn tobba iżjed milli għandu bħalissa mas-servizz tas-saħħa pubblika meta jidħlu fis-seħħ fis-snin li ġejjin dawn ir-regoli f'pajjiżna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bhalissa qegħdin jiġu studjati sewwa s-sitwazzjoni fid-dixxiplini kliniċi differenti fis-settur tas-Saħħa Pubblika u bdew isiru diskussjonijiet mal-kapijiet tad-Dipartimenti Kliniċi f'dan ir-rigward. Qed ukoll jiġi evalwat x'kienet l-esperjenza ta' pajjiżi differenti, fl-Unjoni Ewropeja, biex dak li jgħodd għal Malta jkun jista jiġi adattat għas-sitwazzjoni lokali. Dan ix-xogħol qed jiġi koordinat min Task Force li ġie mwaqqaf għal dan il-għan. Ta' min wieħed isemmi li minkejja li mhux eżkluż li jkun hemm bżonn li jiżdiedu xi tobba f'ċertu gradi u f'xi dixxiplini partikolari, jista' jkun hemm lok ta' tibdil fil-mod kif jsir u jitqassam ix-xogħol minn kif isir fil-preżent. Tibdil ta' din ix-xorta jiġi diskuss mal-partijiet ikkonċernati jekk jiġi biex jidħol fis-seħħ.
Leg 10 PQ #3939 Sitting 92 2004-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Regolamenti dwar "no smoking"

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi tħejjijiet saru bħala parti minn programm edukattiv ta' tħejjija sabiex l-istabbilimenti kollha jaddottaw mingħajr xkiel ir-regolamenti dwar "no smoking" li se jiġu fis-seħħ f'anqas minn tliet xhur oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda bosta kampanji biex jeduka lill-pubbliku dwar il-periklu li jikkawża t-tipjip passiv. Sa mill-1993, tħejjew kampanji edukattivi dwar kif it-tipjip passiv jikkawża l-kanċer. Id-Dipartiment dejjem offra għajnuna għal kull min ried iġib fis-seħħ l-iSmoke Free Policy fl-istabbilimenti, anke qabel ma ħarġet il-liġi dwar it-tipjip fil-postijiet pubbliċi. Id-Dipartiment iltaqa' mal-MHRA biex jiddiskuti din il-liġi. Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda ktejjeb ta' informazzjoni li jipprovdi dak li hemm miktub fl-avviż legali 244 ta' l-2003, fi kliem adattat għall-pubbliku. Dan ser jitqassam ma' Malta u Għawdex. Dan il-ktejjeb huwa mingħajr ħlas u qed jiġi reklamat fil-media bħal gazzetti u revisti.
Leg 10 PQ #3663 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tipjip f'postijiet projbiti

Question

Issa li f'April se jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda dwar il-projbizzjoni tat-tipjip f'ċerti postijiet, jista’ il-Ministru jelenka dawk il-postijiet li l-liġi tiddefinixxi bħala postijiet li jagħtu xi servizz bi ħlas jew mingħajr'? X'kampanja se ssir mid-dipartiment tas-saħħa biex kemm is-sidien, kemm l-impjegati kif ukoll il-klijenti jkunu jafu r-responsabbiltajiet tagħhom dwar it-trażżin tat-tipjip f’ċerti postijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk kull ħanut, post tad-divertiment u bini ieħor għandux ikollu xi messaġġ fejn jidher mill-pubbliku u mill-ħaddiema li ma jistax isir tipjip?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-tipjip ma' jitħalliex jsir f'postijiet magħluqa, kif msemmija hawn taħt (Liġi ta' Malta fl-att dwar il-kontroll tat-tipjip tat-tabakk Kap 315 Artiklu 3.1). Postijiet fejn jingħata servizz lill-pubbliku, sew bi ħlas sew b'xejn, inkluż il-bejgħ ta' oġġetti, Sptarijiet, bini fejn tingħata kura medika, Bini għal persuni anzjani, Skejjel u postijiet oħra fejn imorru tfal jew żgħażagħ, Bini fil-magħluq fejn jingħataw edukazzjoni għolja u taħriġ vokazzjonali, Bini fil-magħluq li jintuża għad-divertiment bħal bini tar-radju u t-televiżjoni, Bini fejn jintwerew esibizzjonijiet, Bini u postijiet fejn isir l-isport, Portijiet u ajruporti. Ser issir kampanja fejn ser jitqassam ktejjeb żgħir sabiex jgħarraf il-pubbliku dwar il-kontenut ta' din l-amenda li saret fil-liġi. Il-persuni responsabbli mill-ħanut, post ta' divertiment u bini ieħor għandhu jinforma b'mod ċar kemm lill-impjegati kif ukoll lill-pubbliku, li t-tipjip mhux qed jitħalla fil-bini, billi jwaħħal avviżi li jkunu jidhru ċari. Dawn l-amendi jiddeskrivu r-responsabbilta' tal-Persuna responsabbli mill-istabilliment li jiżgura li ħadd ma jitħalla jpejjep f'dawk iż-żoni fejn it-tipjip huwa projbit. Iż-żoni fejn jitħalla t-tipjip għandhom jkunu sseparati minn dawk fejn ma jitħalliex tipjip u t-tipjip jitħalla jsir biss f'kamra magħluqa. Il-Prinċipal huwa responsabbli li jassigura li l-impjegati ma għandhomx ikunu meħtieġa li jidħlu f'dawk il-kmamar ukoll waqt li jkunu qegħdin jaqdu dmirijiethom. Dan ifisser li ħadd ma jitħalla jpejjep fil-post tax-xogħol jew f'post pubbliku li jkun taħt il-kontroll tal-prinċipal ħlief f'kamra msemmija fejn jista' jsir it-tipjip.
Leg 10 PQ #3844 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Aredia (biphosphonate injection) hux qegħda tingħata b'xejn fl-isptar San Luqa llum il-ġurnata? Jekk fl-affermattiv jista' il-Ministru jgħid x'inhuma dawk il-kundizzjonijiet mediċi li jagħmlu pazjent jew pazjenta eliġibbli għaliha, u jekk hemmx xi klassijiet ta' pazjenti li huma preklużi milli jirċievu dan it-tip ta' trattament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li Disodium pamidronate (Aredia) qegħda tingħata b'xejn mid-Dipartiment tas-Saħħa għal dawk il-pazjenti li jsofru minn Paget's Disease, pazjenti li għandhom kanċer mifrux fl-għadam, pazjenti li qed isofru minn hypercalcaemia (malignant jew non-malignant), kif ukoll pazjenti li għandhom osteoporosis li hija dovuta għal xi marda li taqa' fil-lista ta' Schedule V jew mit-trattament tagħha. Pazjenti li għandhom idiopathic osteoporosis ma humiex eliġibbli għal din il-mediċina.
Leg 10 PQ #3848 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Inkjesta — Mewt ta' tifel

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' inkjesta interna fil-mewt tat-tifel fit-28 ta' Frar 2001 ( li ismu qiegħed jintbgħat separatament ma din il-mistoqsija ) liema inkjesta kienet sare fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, mid-Director Public Ħealth u żewġ persuni oħra? Jista' jikkonferma li fis-26/02/01, fis-sala Fairyland ta' l-isptar San Luqa ħadd ma kien inkarigat minflok il-konsulent tas-Sala għall-ġurnata sħiħa? Jista' jikkonferma ukoll li skond ir-records ta' l-isptar il-konsulent kien ħareġ bis-sick leave mis-26/02/01? Jista' jgħid ukoll għaliex il-kirurgu li operat lit-tifel għall-appendiċite fit-22/02/01 ma tidhirx fuq ir-roster tal-medical staff? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' an ir-roster ta' dik il-ġurnata? Jista' il-Ministru jikkonferma li waqt l-operazzjoni ta' l-appendiċite t-tifel ma kienx ingħata antibiotiċi u li waqt li t-tifel kien l-isptar ma saru ebda eżamijiet bħal kultura tad-demm ħlief wara illi saritlu t-tieni operazzjoni tal-laparotomy?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Inkjesta interna issir sabiex l-Amministrazzjoni tanaliżża l-proċeduri interni involuti fil-każ partikolari bl-għan li ttejjeb is-servizz għall-pubbliku. La darba tali inkjesti m'humiex pubbliċi ma tistax tingħata risposta.
Leg 10 PQ #3654 Sitting 89 2004-01-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżeriji — Bejgħ illegali ta' sustanzi wżati f'ċertu sport

Question

Jista’ il-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm fl-investigazzjoni li qed issir kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 3086 dwar bejgħ illegali minn spiżeriji ta' sustanzi użati f'ċertu sport?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-investigazzjoni li qiegħda ssir f'dawk l-ispiżeriji li jbiegħu dawn it-tip ta' mediċinali għadha għaddejja. Infurmat ukoll li s'iisa ġew referuti erba' kontravenzjonijiet lill-Kummisarju tal-Pulizija biex jinstemgħu quddiem il-Qorti.
Leg 10 PQ #3655 Sitting 89 2004-01-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tilqim kontra l-influwenza

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' influwenza fl-2003? Kemm kien hemm nies li ngħataw it-tilqim b'xejn kontra din il-marda? Jista’ jgħid kemm kien hemm aktar nies li ngħataw din it-tilqima minn tobba privatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li peress li ħafna mill-każijiet ta' influwenza ma jiġux notifikati, mhux possibbli li jingħata n-numru ta' każi ta' influwenza fil-popolazzjoni ġenerali. Għalhekk, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waqqaf Influenza Sentnel Surveillance sabiex jiġbor statistika dwar in-numru ta' każijiet ta' influwenza fejn ġie kkonsultat tabib. L-inċidenza ta' l-influwenza varjat matul Ottubru sa Diċembru 2003 - minn 11.21 persuni kull 1,000 persuna li kkonsulta tabib, sa 99.58 kull 1,000 persuna. In-numru ta' ta' nies li ngħataw it-tilqim b'xejn kontra l-influwenza kien ta' 24,900. Ninsab infurmat li ma jinżammx record ta' kemm jingħata tilqim kontra l-influwenza fil-privat.
Leg 10 PQ #3784 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Kumpannija SECTA — Evalwazzjoni ta' l-offerti għal xiri ta' apparat mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura ntużat u kif il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi waslet biex il-kumpannija SECTA tqabbdet tagħmel l-evalwazzjoni ta' l-offerti mitfugħa għat-tender għall-apparat mediku u s-servizzi anċillari? Jista' jgħid kemm tħallset s'issa din il-kumpannija u kemm hu l-ammont pendenti ma' din il-kumpannija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-evalwazzjoni tat-tender għal xiri ta' apparat mediku għal Sptar Mater Dei saret fuq tlett aspetti jiġifieri l-aspett Finanzjarju, Legali u Tekniku. L-evalwazzjoni finanzjarja saret minn Grant Thornton li huma l-awdituri tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi filwaqt li l-evalwazzjoni legali saret minn G.Muscat Azzopardi & Associates li huma il-konsulenti legali tal-FMS. L-aspett tekniku ma ġiex evalwat mit-tekniċi tal-FMS, fuq prinċipji ta' etika u korrettezza, peressli t-tender ġie mfassal mill-istess nies. Għalhekk sar shortlisting ta' erba' kumpanniji esperti f'din il-materja. SECTA intagħżlet mill-Adjudication Board tal-Medical Equipment Tender ta' l-FMS wara li ġiet meqjusa bħala kumpannija kompetenti, b'esperjenza kbira f'dan il-qasam. L-ammont li tħallas lil SECTA mill-FMS kien ta' Lm67,724. L-istess kumpannija baqalha tieħu Lm2,700 minbarra ħlas ieħor li għad irid jiġi invoiced għal konsulenza li saret biex isir il-proċess ta' kjarifikazzjoni li ntalab mill-PCAP fuq l-offerta ta' SIMED.
Leg 10 PQ #3785 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Kumpannija SIMED — Proċess ta' kjarifiki

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra: 1) il-korrispondenza kollha bejn il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u l-kumpannija SIMED bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum; 2) ir-rapporti u l-korrispondenza ta' l-esperti finanzjarji, legali u tekniċi, dwar il-kjarifiki mitluba mill-kumpannija SIMED, bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum; 3) il-korrispondenza li għaddiet bejn l-adjudication committee u l-bord tal-F.S.M. bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum dwar il-proċess ta' kjarifiki mingħand il-kumpannjia SIMED: 4) il-korrispondenza li għaddiet bejn il-bord tal-F.S.M. u d-direttur tal-kuntratti bejn it-3 ta' Novembru 2003 u llum dwar il-proċess ta' kjarifiki mill-kumpannija SIMED?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li d-dokumenti mitluba jistgħu jippreġudikaw lill-kumpannija SIMED ma jidhirlix li huwa għaqli li f'dan l-istadju jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Pero jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jarahom għall-informazzjoni tiegħu lest li nurieh id-dokumenti li qed jitlob.