Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għal Harsien Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Annwali tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali tas-sena 2006 flimkien ma' l-audited accounts?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali tippubblika rapporti bi-annwali għal-kull waħda mit-tliet Aġenziji li jaqgħu taħtha. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ l-aħħar rapporti ppubblikati. Ninsab infurmata wkoll li r-rapport bi-annwali li jkopri s-snin 2005-2006 ta’ l-Aġenzija Sedqa qiegħed fl-aħħar fażi biex jiġi ppublikat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l- Audited Accounts tal-Fondazzjoni.

Installazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid fhiex waslet l-applikazzjoni għall-installazzjoni tal-lift fi blokk ta' appartamenti, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li d-depożitu dwaru sar fil-1 ta' Settembru 2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi proċessata mill-MEPA. Ninsab infurmata wkoll li hekk kif l-Awtorita’ tad-Djar tirċievi l-permess meħtieġ tkun tista’ tibda tipprepara s-sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet.

Xiri ta' Chair Lifts

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji tal-Housing Authority dwar sussidju fuq xiri ta' chair lifts f'residenzi privati fejn hemm każi mediċi ġustifikati? Kemm ilha fis-seħħ din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li biex persuna tibbenefika minn sussidju għax-xiri ta’ chairlift taħt Skema 7 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar trid tippreżenta evidenza, permezz ta’ ċertifikat mediku, għall-ħtieġa ta’ tali apparat. Kriterji oħra biex jingħata dan is-sussidju huma li l-post fejn ikun ser jiġi stallat iċ-chairlift ma jridx ikun wieħed substandard u l-assi ta’ l-applikant ma jridux jaqbżu Lm10,000, jekk l-applikant ikun is-sid tal-post. Ninsab infurmata wkoll li din l-iskema daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 1999.

Hamrun — Nies bil-kartuna r-roża

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies fil-Hamrun li għandhom 'il fuq minn 65 sena bil-kartuna r-roża? Jista' jgħid ukoll kemm hemm nies fil-Hamrun li għandhom 'il fuq minn 75 sena bil-kartuna r-roża?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma tinżammx statistika kif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Mard kroniku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W366, tista' l-Ministru ġentilment terġa' tara ftit il-każ tal-persuna msemmija fil-mistoqsija oriġinali minħabba li meta l-istess persuna staqsa lid-dipartiment dawn qalulu li t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari hija skorretta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nigbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Numru W366 ma kienetx dwar xi persuna specifika izda dwar informazzjoni generali biex persuna tikkwalifika ghall-Ghajnuna tal-Mard imhallsa taht l-Att dwar is-Sigurta Socjali. Ninsab infurmata li t-taghrif moghti bhala Twegiba ghal dik il-Mistoqsija hu korrett. Nitlob lill-Onor. Interpellant jaghti parir lill-persuna li qed jaghmel referenza ghaliha li taghmel applikazzjoni ghal din l-ghajnuna biex tikkonferma jekk ghandiex dritt jew le ghall-ghajnuna.

Persuni bi bżonnijiet speċjali — Database

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-awtoritajiet Maltin għandhomx database dwar persuni bi bżonnijiet speċjali b’dettalji speċifiċi dwar id-diżabilita’ fiżika jew mentali li għandhom? Dan fil-fehma tiegħi huwa meħtieġ sabiex kwalunkwe gvern tal-ġurnata jkun jista' jippjana aħjar għall-ġejjieni, speċjalment għal dawk it-tfal jew persuni bi bżonnijiet speċjali li għandhom bżonn attenzjoni sħiħa u li jistgħu jispiċċaw waħedhom jekk jiġu nieqsa l-ġenituri tagħhom jew ma jkollhomx qraba li jistgħu jagħtuhom l-attenzjoni li jinħtieġu? Jekk le, x’hemm ippjanat għall-ġejjieni u liema kejl qed juża l-Gvern bħalissa biex ikun jaf il-gravita’ ta’ dawn il-problemi umanitarji u soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' żżomm database ta' persuni li, volontarjament, jirregistraw magħha bħala persuni b'diżabilita'. Din id-database tinkludi t-tip ta' diżabilita' tal-persuni reġistrati u l-istatistika minn din id-database tiġi ppubblikata fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni, liema rapporti jinstabu fuq il-website tal-Kummissjoni. Għalkemm m'hemmx dubju li l-ippjanar f'dan il-qasam jibbenefika minn statistika bi klassifikazzjoni ta' diżabilita' aktar komprensiva u dettaljata, żgur li l-Onor. Interpellant jifhem li dan mhux possibbli jekk ir-reġistrazzjoni ma tkunx waħda tassattiva, xi ħaġa li l-Gvern m'għandux ħsieb li jagħmel. Barra minn hekk, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li l-gravita' tad-diżabilita' tista' tinbidel matul iż-żmien wara li persuna tkun irreġistrat.

Pensjoni ta' invalidita'

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fejn ġie deċiż mill-Bord Mediku li l-pensjoni ta' invalidita' tiegħu mhix konsidrata meta dan il-każ tant hu serju li lanqas ma jerfa' b'idejh flixkun ilma? Tara li d-deċiżjoni ta' Bord Mediku li issa mhux appellabbli quddiem l-arbitru taħt il-Kap 318 hija fiha nnifisha inġustizzja doppja u xi tgħid dwar każ bħal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, meta ssir talba għall-Pensjoni għall-Invalidita’, qabel ma jagħti d-deċiżjoni tiegħu, id-Direttur hu tenut li jikkonsulta dwar l-aspetti mediċi tat-talba lil persuna waħda jew aktar li jkollhom il-warrant biex jeżerċitaw il-professjoni medika, maħtura biex jagħtu parir dwar dawn il-każijiet. Il-parir li ngħata d-Direttur dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kien li, mill-aspett mediku, il-persuna ma kienetx tikkwalifika għall-Pensjoni għall-Invalidita’. Ninsab infurmata wkoll li, skond ir-rekords tad-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali, il-kundizzjoni medika tal-persuna ndikata ma taqbilx ma’ kif deskritta mill-Onor. Interpellant. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tikkuntattja d-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali biex tagħmel appuntament ħalli tiddiskuti l-każ u tingħata l-parir meħtieġ dwar it-talba tagħha..

Akkwist ta' proprjeta'

Question

Tista' l-Ministru tara x'inhi r-raġuni għaliex il-kuntratt fuq l-akkwist tal-proprjeta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma jistax issir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-kuntratt għax-xiri tal-proprjeta’ indikata mill-Onor. Interpellant ma jistax isir qabel ma’ l-Awtorita’ tad-Djar ikollha t-titolu legali ta’ l-art li fuqha hi mibnija din il-proprjeta’.

Kirja ta' fond

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi riveduta l-kirja tal-fond f'isem il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, billi dan l-aħħar l-inkwilin tilef lil martu li kienet intitolata għall-pensjoni wkoll u b'hekk id-dħul totali naqas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma nfurmatx lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali bit-tibdil fiċ-ċirkostanzi tagħha. Għalhekk nitolbu jagħtiha parir li tmur it-taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment biex tirrapporta dan it-tibdil u tieħu magħha id-dokumenti li juru d-dħul tagħha preżenti u ċ-ċertifikat tal-mewt tal-konjuġi.

Drittijiet tat-tfal

Question

Fl-okkażjoni tal-jum dinji tat-tfal bil-ftaħir kollu tal-Gvern, tista' l-Ministru tgħid x'qiegħed jagħmel favur it-titjib tal-qagħda tat-tfal f'dan il-pajjiż? Tista' tgħid meta l-Gvern beħsiebu jimplimenta permezz ta' leġislazzjoni bi provvedimenti tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-snin, dan il-Gvern ħa diversi passi biex, bil-fatti, itejjeb il-qagħda tat-tfal f’dawn il-Gżejjer. Fost dawn kien hemm: · l-ippromulgar tal-liġi għall-ħatra ta’ Kummissarju tat-Tfal bis-setgħa li jinvestiga kull ksur jew kontravvenzjoni tad-drittijiet tat-tfal; · il-ħatra ta’ Kummissarju tat-Tfal u t-twaqqif ta’ l-Uffiċċju tal-Kummissarju; · l-ippromulgar tal-liġi li tirregola l- fostering u t-twaqqif ta’ l-istrutturi u l-bordijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din il-liġi; · l-ippublikar ta’ liġi ġdida dwar l-adozzjoni; · ir-ratifikar ta’ Konvenzjonijiet internazzjonali li jirrigwardaw it-tfal bħal ma huma l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ulied u Kooperazzjoni f’Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor u l-Konvenzjoni dwar Aspetti Ċivili fis-Sekwestru Internazzjonali ta’ Minuri; · investiment finanzjarju qawwi fuq servizzi relatati mat-tfal inkluż dawk provduti mill-Aġenzija Appoġġ u diversi entitajiet mhux Governattivi; · twaqqif u tħaddim ta’ programmi u servizzi ġodda, fosthom Programm Innoċenti, Home Start , il- High Support Service u hotline kontra l-abbuż ta’ tfal mill- internet ; · it-twaqqif ta’ Smart Kids fil-kumpless Aċċess fil-Kottonera u ieħor f’Birkirkara u ser jiftaħ child care centres f’postijiet oħra ta’ Malta; · l-ippublikar ta’ regolamenti għaċ- Child Care Centres ; · ir-reviżjoni tas-sistema taċ- Children's Allowance ; u . ir-revizjoni ta' beneficci ohra relatati mat-tfal. Minbarra dawk imsemmija hawn fuq, il-gvern diga ha diversi mizuri legali u amministrattivi ohra li jirriflettu l-provvedimenti ta' din il-Konvenzjoni. Dan il-Gvern mhux se jieqaf hawn u ser ikompli b’aktar ħidma u inizjattivi, inkluż dawk leġislattivi, li jkunu ta’ fejda għat-tfal.

Tfal esportati barra

Question

F'realta' fejn jeżisti numru kbir ta' żweġijiet mħallta, tista' l-Ministru tgħid kif sejjer il-Gvern Malti jassigura d-drittijiet ta' tant tfal Maltin li jiġu esportati mill-ġenituri tagħhom bħala riżultat ta' proċeduri meħudin fl-esteru li għaliha t-tfal Maltin la qatt ipparteċipaw u wisq anqas ingħataw l-opportunita' li juru x-xewqa tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif bla dubju jaf l-Onor. Interpellant, il-proċeduri u d-drittijiet li jirrigwardaw tfal, kemm Maltin kif ukoll barranin, li jittieħdu barra minn Malta b’riżultat ta’ deċiżjonijiet ta’ Qrati barranin huma regolati minn diversi trattati internazzjonali li Malta aderiet għalihom, bħal ma huma l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ulied u Kooperazzjoni f’Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor u l-Konvenzjoni dwar Aspetti Ċivili fis-Sekwestru Internazzjonali ta’ Minuri. F’dawn il-każijiet, il-Gvern Malti jimxi mal-provedimenti u l-proċeduri ta’ dawn l-istrumenti internazzjonali, bħal ma jrid jagħmel kull Gvern ieħor li aderixxa għal dawn l-istrumenti.

Ordnijiet minn barra

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif beħsiebu jirreaġixxi l-Gvern Malti għas-sitwazzjoni fejn minn banda irid jobdi u jesegwixxi tramite l-organi ġudizzjarji ta' l-Istat Malti, direttivi u liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea, ordnijiet tal-Qrati barranin li jaffettwaw it-tfal Maltin u l-ġenituri Maltin tagħhom, mingħajr dawn ma kellhom l-opportunita' li jikkontestaw fl-esteru dawn l-ordnijiet, u dan minħabba diversi raġunijiet, fosthom u forsi l-aktar mportanti l-kwestjoni finanzjara?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29147, f’din l-istess Seduta.

Xiri ta' post

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' xiri ta' post minn persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li diġa' għamel il-konvenju fid-19 ta' Jannar 2007 u qed jistenna biex isir il-kuntratt? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tistenna li jkollha t-titolu legali tal-post indikat biex tkun tista’ tipproċedi.

Hal Far — Tined

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed iqumu t-tined mikrija jew mixtrija u li hemm f'Hal Far fejn qed jiġu akkomodati l-immigranti irregolari? Tista' tgħid għal kemm-il xahar iservu dawn it-tined, jiġifieri kull meta jkun hemm ħtieġa li jinbidlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tined li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti, minbarra tinda waħda, nxtraw mill-Forzi Armati ta’ Malta u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Prim Ministru. Dik mixtrija mill-fondi tal-Ministeru tiegħi swiet Lm550. Ninsab infurmata wkoll li dawn it-tined iservu bejn tmien xhur u sena.

Kuruduri

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir dak ix-xogħol neċessarju sabiex il-kuruduri ta' l-appartamenti f'St Nicholas Married Quarters, Bormla jerġgħu jibdew jixgħelu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Bord

Question

Tista l-Ministru tghid minn min hu kompost il-bord li se jaghmel l-interviews ghall-psikologi nhar il-Hamis 29 ta' Novembru 2007? Tista' tghid minn min hu kompost il-bord li se jaghmel l-interview ghal-chief psychologist nhar il-gimgha 30 ta' Novembru? Tista jghid xi kriterji se jintuzaw biex issir l-ghazla minn bejn il-kandidati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti taghmel il-Mistoqsija taghha lill-Ministru kkoncernat.

Mrieħel — Bini ta' blokk

Question

Tista' l-Ministru tirreferi għall-każ tas-sinjur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separament, li ġie allokat appartament fl-Imrieħel, Block 3, Triq il-Kanonku Indri Galea skond l-issue ta' Settembru 2006 u għalkemm l-konvenju ġie ffirmat nhar l-14 ta' Ġunju, 2007 ninsab nfurmat li sal-lum, skond huma, ma jidher li hemm ebda indikazzjoni ta' xogħol ta' bini fuq dan il-plot, u meta staqsew lid-dipartiment qalulhom li x-xogħol mhuwiex mistenni jitlesta qabel id-data approssimattiva ta' Marzu 2009? Billi l-persuna konċernata qed jgħix f'appartament bil-kera flimkien mal-partner tiegħu u t-tifel tagħhom ta' tliet snin xtaq jkun jaf jekk din il-completion date hiex korretta u x'jista' qed jwassal għal dan id-dewmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-dewmien biex jibda l-bini tal-blokk indikat mill-Onor. Interpellant kien kaġunat mill-ħtieġa li, meta sar l-iskavar tal-plot, kellha ssir aktar investigazzjoni fuq il-kwalita’ tal-blat biex isir disinn ta’ pedament addattat għall-istruttura tal-bini. Din l-investigazzjoni issa tlestiet kif tlestew wkoll id-disinn u l-istima tax-xogħlijiet. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ tad-Djar qed jistenna l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq il-proġett, li hu mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena d-dieħla.

Bdil ta' saqaf

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju waslet it-talba għal bdil ta' saqaf tal-post, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li dan is-saqaf qiegħed fi stat strutturali perikoluż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar m’għandu ebda talba biex jinbidel saqaf ta’ l-appartament indikat mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li l-imsemmi Dipartiment għandu talba għall-bdil tas-saqaf tat-tromba tat-taraġ fl-istess blokk. Din it-talba ġiet approvata, ħarġet sejħa għall-offerti u x-xogħlijiet mistennija jsiru s-sena d-dieħla.

Installazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif l-inkwilini ta' blokk ta' appartamenti tal-gvern jistgħu japplikaw għall-installazzjoni ta' lift? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti bħalissa u f'liema lokalita' jinstabu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Biex inkwilini fi blokk ta’ appartamenti tal-Gvern japplikaw għal stallazzjoni ta’ lift trid issir talba fuq formola apposta li tinġabar mill-Awtorita’ tad-Djar. Applikazzjoni tiġi kkunsidrata jekk: · ta’ lanqas wieħed mill-applikanti jkun kerrej rikonoxxut; · wieħed mill-applikanti jew familjari li jgħixu miegħu jkun isofri minn diżabilita’ ta’ mobilita’, liema diżabilita’ tkun ikkonfermata minn bord imwaqqaf apposta b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal blokki fil-Belt Valletta, il-Furjana, Bormla, il-Birgu jew l-Isla; · il-blokk ikun ta’ tlett sulari jew aktar; · tkun ġiet iffurmata assoċjazzjoni tar-residenti; · l-istallar tal-lift irid ikun strutturalment possibbli mingħajr xkiel għat-tromba tat-taraġ. Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Talba għal akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet ilha tistenna l-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex jingħata akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29066, f’Seduta Numru 593, dwar l-istess persuna suġġett ta’ din il-Mistoqsija.