Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #1310 Sitting 32 2003-09-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ta' Qali — Crafts Village - public convenience

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 424 u cioe' jgħid għaliex minkejja li nbniet latrina ġdida fil-Crafts Village ta' Ta' Qali din għadha magħluqa għad-detriment tat-turisti li jkollhom jużaw il-latrina mibnija mis-servizzi Ingliżi fi żmien it-tieni gwerra? Meta nbniet il-latrina ġdida u kemm swiet?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 10 PQ #995 Sitting 31 2003-09-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Rabat — Għar Barka - Kuntratti tal-plots

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 259 u cioe' peress li l-kuntratti tal-plots tar-residenti f'Għar Barka r-Rabat ilhom sa mis-snin tmenin fuq konvenju u dan minkejja li ħafna residenti saħansitra xtraw iċ-ċens, jista' il-Ministru jara li ma titkompliex tittawwal din l-anomalija u jawtorizza r-riċerki, arranġamenti oħra eċċ sabiex isiru l-kuntratti? Jista' jassigurani li fi żmien qasir isir dan il-proċess u cioe' jibdew isiru l-kuntratti kif ilha x-xewqa tar-residenti għal dawn l-aħħar 20 sena?

Response (BORG, TONIO)

Waħda mill-prioritajiet li għandha t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern hija li tħallas is-sidien ta` proprjeta` privata li ttieħdet sabiex tiġi żviluppata bħala oqsma tad-Djar. Dan seta` ikun possibli biss permezz tal-Att XI ta` 2002 li ġie fis-seħħ fil-5 ta` Marzu ta` din is-sena. Dan l-Att jemenda l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kapitolu 88). Mal-pubblikazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-President ta` Malta fil-Gazzetta tal-Gvern, il-Kummissarju tal-Artijiet isir il-proprjetarju assolut tal-art mingħajr ebda formalita` oħra u r-residenti ikunu jistgħu jersqu għal kuntratt mal-Awtorita` tad-Djar. L-Onorevoli Membru irid japprezza li din is-sitwazzjoni m`hiex biss f`Għar Barka, ir-Rabat imma tista` tgħid fl-oqsma kollha tad-Djar tal-Gvern f`Malta. Għaldaqstant it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tkun tista` tagħmel dan meta ikollha il-fondi meħtieġa.
Leg 10 PQ #1516 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Applikazzjoni għal work permit

Question

Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-numru ta' persuni barranin li applikaw għall-work permit fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 (sal-31 ta' Awissu) sena b'sena? Jista' jgħid għal kull sena kemm minn dawk li applikaw ingħataw work permit, x'tip ta' xogħol qegħdin jagħmlu u x'inhi ċ-ċittadinanza tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Biss qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm inħarġu/iġġeddu permessi ta` impjieg lill-barranin kif ukoll in-numru ta` dawk li ġew rifjutati għas-snin mitluba minnu. Ninfurmah ukoll li lista tal-persuni konċernati kienet tkun aġġornata kull xahar u din kienet toħroġ fil-Gazzetta tal-Gvern kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar. Mill-1 ta` Jannar 2002 din l-informazzjoni qed tidher biss fuq il-Website tad-Dipartiment ta` l-Informazzjoni. Din il-lista tinkludi x-xogħol li jkunu qed jagħmlu.
Leg 10 PQ #1517 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Visas

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw visas lill-persuni tas-sess femminil mir-Russja, l-Ukranja, is-Slovenja, il-Latvia, il-Litwanja, l-Estonia, is-Slovakkia, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, is-Serbia u l-Belorussia mis-sena 1990 sa l-2003 (sal-31 ta' Awissu)? Jista' jagħti l-eta' tagħhom? Jista' jgħid kemm minnhom ingħataw extensions u għal kemm-il darba? Jista' jagħti għal kull waħda r-raġuni għaliex il-permess ingħata għall-visa u għal kull extension? Jista' jgħid kemm minnhom ingħataw extension bis-saħħa ta' garanzija magħmula minn terzi persuni u jgħid jekk dawn it-terzi persuni humiex irġiel jew nisa?

Response (BORG, TONIO)

Mill-pajjiżi kollha msemmija mill-Onor. Interpellant huma ċ-ċittadini mir-Russja, Serbja, Ukranja u Belorussja li llum għandhom bżonn il-viża biex jidħlu Malta. Minn dawn il-pajjiżi mis-sena 2000 sal-lum 88,093 ġew aċċettati u 1,110 ġew rifjutati. Mill-pajjiżi l-oħra kollha mill-1992 sal-lum gew rifjutati l-viża, 510 persuni fil-punt tad-dħul tagħhom f`Malta. Il-bqija tal-informazzjoni mhux disponibbli f`forma kompjuterizzata.
Leg 10 PQ #1518 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Impjiegi f'lukandi/stabilimenti ta' divertiment

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu f'lukandi u stabilimenti ta' divertiment? Jista' jindika l-eta' tagħhom? X'job designation għandhom? Kemm ilhom Malta? X'ċittadinanza għandhom? Jista' jgħid jekk isirx kontroll biex jiġi assigurat li fil-fatt dawn l-impjegati jkunu qegħdin jagħmlu x-xogħol deskritt fil-work permit tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Kif diġa` għidt fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1516 f`din l-istess Seduta, fuq il-Website tad-Dipartiment ta` l-Informazzjoni tiġi ppublikata kull l-ewwel Tnejn tax-xahar, lista aġġornata ta` dawk il-barranin li għandhom permess biex jaħdmu f`Malta. Din il-lista turi ukoll ix-xogħol li jkunu qed jagħmlu. Huwa d-dmir ta` Inspectors tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kif ukoll tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta` Impjieg li jassiguraw li l-barranin li qed jaħdmu Malta jkunu qed jagħmlu xogħol li għalih ingħataw permess.
Leg 10 PQ #1519 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Taqsima ta' l-Immigrazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li qiegħed isir sabiex it-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ikun konformi ma' l-esiġenzi ta' Schengen?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bi preparazzjoni għal meta Malta tkun parti mis-sistema ta` Schengen, il-membri kollha tat-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija matul is-sena l-oħra u l-bidu ta` din is-sena bdew jingħataw taħriġ meħtieġ. Dan kien fl-ambitu ta` Twinning Project bejn Malta, ir-Renju Unit u Spanja, bil-parteċipazzjoni ta` esperti minn pajjiżi oħra ta` l-Unjoni Ewropea. Parti minn dan it-taħriġ kien jinvolvi wkoll lil xi membri mit-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni kif ukoll tal-Forensika li ingħataw taħriġ barra minn Malta.
Leg 10 PQ #17 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

MIA — Karta tal-wasla

Question

Jista' il-Ministru jara li jiġu rtirati mill-aktar fis id-disembarkation cards li hemm l-ajruport li kważi ma jinqrawx minħabba t-tipa maħmuġa tagħhom li qed joħloq inkonvenjent għal min ikun irid jimlihom? Qed nibgħatlek disembarkation card under separate cover.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ttieħdet l-azzjoni meħtieġa sabiex jekk hemm xi disembarkation cards simili jitneħħew.
Leg 10 PQ #27 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

ALE — Dingies

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li d-dingies il-ġodda ta' l-administrative law enforcement baqgħu ma ġewx utilizzati minkejja li ninsabu f'nofs is-sajf u li dawn jinsabu maħżunin fil-compound ta' St. Andrews? Jista' jagħti r-raġunijiet għala ma ġewx utilizzati? Jista' jikkonferma wkoll li l-vetturi Korandos mogħtija lill-istess taqsima mhux qed jiġu wżati u li dawn jinsabu maqfulin fil-garage tal-pulizija? Jista' jagħti r-raġunijiet għala għadhom ma ġewx utilizzati ħlief għal parata tal-police day?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħmir imsemmi mill-Onorevoli Interpellant beda jintuża.
Leg 10 PQ #41 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Qrati — Imħallfin li qed jippresjedu s-Sekond'Awla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-Imħallfin li qed jippresiedu s-Sekond’Awla tal-Qorti Ċivili jew x’arranġamenti jeżistu f’dan is-sens?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jikkonċerna l-Qorti ta` Malta, ninsab infurmat illi, minbarra l-Onorevoli Imħallfin Joe Azzopardi u Anton Depasquale, saru arranġamenti temporanji li permezz tagħhom is-Sinjurija Tiegħu il-Prim Imħallef Vincent DeGaetano u l-Onorevoli Imħallfin Joseph D. Camilleri, Joseph A. Filletti u Philip Sciberras joqgħodu wkoll separatament fil-Qorti Ċivili, Sekond`Awla. Dawn l-arranġamenti għandhom ikunu fis-seħħ biss għall-perijodu ta` bejn is-16 ta` Lulju 2002 u l-15 ta` Settembru 2003, biż-żewġ dati magħduda. Infurmat ukoll illi fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), Ġurisdizzjoni Volontarja, (Sekond`Awla) hija assenjata u tippresiedi l-Maġistrat Dottor Consuelo Scerri Herrera u dan b`effett mill-10 ta` Marzu 2003. Ir-rikorsi li kienu għadhom pendenti f`dik id-data quddiem il-Maġistrat Dottor Paul Coppini u Dottor Antonio Micallef Trigona baqgħu sabiex jieħdu konjizzjoni tagħhom l-istess żewġ maġistrati.
Leg 10 PQ #42 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Qrati — Rikorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati: (1) rikorsi għal separazzjoni, f’dawn l-aħħar sitt xhur; (2) rikorsi rigward kwistjonijiet tal-familja jew kura u kustodja, pero` mhux separazzjonijiet, matul dawn l-aħħar sitt xhur; (3) rikorsi oħra quddiem is-Sekond’Awla fl-aħħar sitt xhur Kemm minn dawn ġew degretati? Meta ġew preżentati? Dawk li ġew appuntati, wara kemm ġew appuntati? Kemm mir-rikorsi preżentati għadhom ma ġewx appuntati jew degretati? Għandha tingħata informazzjoni wkoll dwar meta ġew preżentati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- Qorti ta` Malta 1. Rikorsi għall-separazzjoni f`dawn l-aħħar sitt xhur 557 2. Rikorsi rigward kwistjonijiet tal-familja jew kura u kustodja (jinkludu wkoll rikorsi għal manteniment, aċċess għall-minuri u provvedimenti simili) 170 3. Rikorsi oħra quddiem is-Sekond`Awla fl-aħħar sitt xhur 399 Fir-rigward tar-rikorsi msemmija fil-paragrafu 1, dawn kollha ġew appuntati u dan ifisser li l-Qorti diġa` ħadet konjizzjoni tagħhom u parti sostanzjali minnhom ġew degretati seduta stante u ċioe` fis-seduti tal-11, 12 u 19 ta` Lulju, 2003, kif ukoll f`seduti li nżammu f`Marzu, April, Mejju u Ġunju. Fir-rigward tar-rikorsi msemmija fil-paragrafu 2, ir-rikorsi kollha ġew degretati f`dawn l-aħħar xahrejn, u ċioe` f`Ġunju u Lulju. Dawk li ma ġewx degretati finalment u ċioe` madwar 30 rikors, dawn kollha qed jistennew lir-rikorrent li jagħmel xi atti oħra, bħal notifika, tweġiba jew jagħti aktar informazzjoni. Fir-rigward tal-rikorsi msemmija fil-paragrafu 3, aktar minn 230 ġew degretati finalment u l-Qorti ħadet konjizzjoni tal-kumplament kollu. F`dawn ta` l-aħħar ir-rikorrent ikun irid jimxi ma digrieti provviżorji, p.e. preżentata ta` dokumenti u proċeduri oħra li għandhom x`jaqsmu mar-rikors relattiv. Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) 1. Rikorsi għal separazzjoni personali f`dawn l-aħħar sitt xhur (18/01/2003 – 18/07/2003) 31 2. Rikorsi rigward kwistjonijiet tal-familja jew kura u kustodja, pero` mhux separazzjonijiet f`dawn l-aħħar sitt xhur 12 3. Rikorsi oħra quddiem is-Sekond`Awla fl-aħħar sitt xhur (18/01/2003 – 18/07/2003) 55 Total 98 Kemm minn dawn ġew degretati 51 Kemm mir-rikorsi preżentati għadhom ma ġewx degretati (konklussivament) ** 29 Rikorsi appuntati iżda mhux degretati finalment 17 Irtirati 01 Total 98 ** Dawn qed tittieħed azzjoni fuqhom iżda m`humiex degretati finalment.
Leg 10 PQ #45 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Kummissarji tal-ġustizzja — Avukati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-avukati illi ġew appuntati kummissarji għall-ġustizzja, meta bdew jokkupaw dan l-inkarigu tagħhom, u meta jiskadi tali terminu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #46 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Avukati — Prosekuzzjoni - Tribunali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-avukati illi jmexxu l-prosekuzzjoni quddiem it-Tribunali, f'liema sena ħadu l-lawrja u x'inhu l-onorarju tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għat-Tribunali Lokali, it-tagħrif mitlub dwar l-avukati illi jmexxu l-prosekuzzjoni quddiem it-Tribunali hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif rigward is-sena ta` meta ħadu l-lawrija mhux disponibbli.
Leg 10 PQ #47 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta Arbitration Centre — Arbitri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-arbitri tal-Malta Arbitration Centre? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa biex sar dan iċ-ċentru? Jista' l-Ministru jgħid kemm iqum flus dan iċ-ċentru kull sena?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1342. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi n-nefqa biex sar iċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ kienet ta` Lm109,421.45, filwaqt li ċ-Ċentru rċieva sovvenzjoni mingħand il-Gvern kull sena kif jidher hawn taħt:- Sena Ammont (Lm) 1998 50,000 1999 70,000 2000 50,000 2001 30,000 2002 30,000 2003 28,000 L-Arbitri taċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ huma dawk li jidhru fid-"Domestic Arbitration Panels" taċ-Ċentru. Dawn il-persuni intgħażlu skond policy stabbilita miċ-Ċentru bbażata fuq esperjenza u/jew taħriġ. F`dan ir-rigward qed tiġi ppreżentata lista ta` persuni li jinsabu fl-imsemmija "Domestic Arbitration Panels" taċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ.
Leg 10 PQ #48 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Għajnuna legali — Flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Gvern fis-snin 2000, 2001 u 2002 fuq l-għajnuna legali?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellant b`nefqa qed jifhem l-ispiża fis-salarji u honoraria li tħallsu fir-rigward ta` l-Uffiċċju ta` l-Avukat għal Għajnuna Legali, ninsab infurmat illi din kienet kif ġej: Sena Ammont Lm 2000 13,892 2001 18,201 2002 17,484
Leg 10 PQ #58 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Sajjied Sqalli

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għadu jimpedixxi lill-awtoritajiet konċernati milli jneħħu lis-sajjied Sqalli ta' nazzjonalita' Taljana li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, mill-blacklist ta' dawk il-persuni li m'għandhomx permess jidħlu f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-talba ta` l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata.
Leg 10 PQ #888 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħabsin ta' ċittadinanza Maltija u barranija? Kemm minnhom se jiskontaw il-piena tagħhom din is-sena? Jista' il-Ministru jgħid ukoll x'inhu n-numru ta' refuġjati u klandestini li jinsabu f'pajjiżna? Kemm minnhom huma rġiel, nisa, tfal u żgħażagħ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi preżentament hemm mitejn u ħamsa u sebgħin (275) priġunier fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin. Priġunieri Maltin hemm mija u erba` u tmenin (184) filwaqt li barranin hemm wieħed u disgħin (91). Hemm madwar sebgħin priġunier li huwa maħsub li jispiċċaw is-sentenza tagħhom sa l-aħħar tas-sena. Infurmat ukoll illi n-numru ta` persuni li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati u li jinsabu pajjiżna fil-mument huwa ta` 177. Dawn jikkonsistu f`122 persuna (61 raġel, 19 nisa u 42 persuni taħt it-18-il sena) b`ċertifikat tal-UNHCR; u 55 persuna (34 raġel, 15 nisa u 6 persuni taħt it-18-il sena) b`ċertifikat maħruġ mill-uffiċċju Malti tal-Kummissarju għar-Refuġjati. Hemm ukoll 351 persuna li għandhom status umanitarju. Dawn jikkonsistu f`9 (kollha rġiel) b`ċertifikat tal-UNHCR; u 342 (179 irġiel, 53 nisa u 110 persuni taħt it-18-il sena) b`ċertifikat ta` l-uffiċċju lokali tal-Kummissarju għar-Refuġjati. Dwar l-immigranti illegali ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li qed jinżammu mill-forzi tas-sigurta` hu ta` 405 li minnhom 316 huma irġiel, 54 huma nisa u 35 (21 subien, 14 bniet) għandhom taħt is-16-il sena.
Leg 10 PQ #889 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Inċidenti tat-traffiku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 106 u cioe` jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rapportati lill-pulizija matul ix-xahar ta' Mejju, 2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa s-segwenti: Bla feruti Bil-feruti Fatali Total Mejju 2003 1,167 75 2 1,244
Leg 10 PQ #1326 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: JOSEPH ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Test ta' l-alkoħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie amministrat it-test ta' alkohol fuq sewwieqa suspettati li huma bl-influwenza ta' xorb alkoholiku matul is-sena li għaddiet u matul l-ewwel nofs ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Għar-rigward is-sena l-oħra, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1325. Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ġunju ta` din is-sena kien hemm 45 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta` l-alkoħol. Minn dawn 23 irriżultaw fil-pożittiv, 2 irriżultaw fin-negattiv, filwaqt li 20 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.
Leg 10 PQ #1327 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: JOSEPH ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizij — Tfal li nqabdu jiffrekwentaw Paceville

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal jiffrekwentaw postijiet tad-divertiment f'Paceville minn Jannar 2002 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 51 persuna taħt is-sittax-il sena li nqabdu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment ġewwa Paċeville, filwaqt li bejn Jannar u Ġunju ta` din is-sena kien hemm 13.
Leg 10 PQ #1344 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta Arbitration Centre — Fondi ttappjati mill-UE

Question

Jista’ l-Onorevoli Ministru jikkonferma li matul l-aħħar snin sar eżercizzju akkurat fuq inizjattiva tal-Malta Arbitration Centre sabiex jiġu ttappjati xi fondi mill-UE? Jista’ il-Ministru jikkonferma kienux pożittivi jew le dawn l-isofrzi u jekk fl-affermattiv f’kemm jikkonsistu?

Response (BORG, TONIO)

Iċ-Ċentru għamel riċerka dwar il-programm FP6 - Marie Curie li, jipprovdi fondi għal taħriġ u "transfer of skills/knowledge" permezz ta` attivitajiet konġunti bejn istituzzjonijiet Ewropej. Saru kuntatti mal-International Chamber of Commerce ta` Pariġi u dawn ikkonfermaw li "in principle" kienu lesti jikkonsidraw dan it-tip ta` kooperazzjoni. Bħalissa hemm persuna li qed issegwi kors ta` taħriġ fil-Permanent Court of Arbitration f`The Hague. L-intenzjoni taċ-Ċentru hi li wara li jsir assessment ta` din l-esperjenza titfassal proposta biex iċ-Ċentru jkun jista` jipparteċipa fil-programm imsemmi u jilħaq l-għanijiet li jkun iddefinixxa.