Jista' il-Ministru jinvestiga u jagħti r-raġunijiet għala hemm diversi uffiċjali tal-ex dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent li jixtiequ li jitilqu mill-MEPA? Kien hemm interess minn naħa tal-Ministeru tiegħu biex jinvestigaw jekk kienx hemm xi diskriminazzjonijiet għal-favur x'uħud minn dawn l-uffiċjali? Meta ser jintlaħaq il-fteħim bejn il-MEPA u l-UHM sabiex jingħata l-aħħar pakkett liema negozjati issa ilhom li bdew minn Diċembru 2001? Veru li filwaqt li mpjegati tal-MEPA li għadhom kif ġew ingaġġati diġa ħadu il-fringe benefits u l-effiċiency bonus waqt li uffiċjali tal-ex Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent li kienu qegħdin jagħtu xogħolhom ma ingħataw xejn minn dan? Kemm kien hemm uffiċjali tal- ex Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent li xorta bbenifikaw minn dawn il-fringe benefits inklużi karozzi tal-kiri u min kienu dawn l-uffuċjali? Għaliex ma ngħatawx lill-impjegati oħrajn ukoll?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm numru ta` uffiċjali tal-ex dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent li esprimew ix-xewqa li jibqgħu maċ-ċivil. Ma jidhirx li dawn l-impjegati ħadu din il-pożizzjoni minħabba xi diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom.
Jidher li għad hemm xi punti li l-UHM iridu jiċċaraw fuq il-ftehim kollettiv, kif ukoll fuq l-assimilazzjoni ta` uffiċjali tal-ex dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent.
Il-kundizzjonijiet ta` impjieg li jgawdu l-impjegati ingaġġati mal-MEPA huma differenti minn dawk ta` impjegati maċ-ċivil. Sakemm l-offerta ta` impjieg mal-Awtorita` tiġi aċċettata, l-uffiċjal tal-ex Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent jibqgħu taħt il-provvedimenti ta` impjieg maċ-ċivil. L-Awtorita` ma allokatx fringe benefits inklużi karozzi tal-kiri lil impjegati li ma kienux jibbenefikaw minn dawn l-istess provvedimenti fid-Dipartiment tal-Ambjent.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fid-Direttorat għal-Ħarsien tal-Ambjent fil-MEPA impjega nies klerikali sa issa? Jsita' jagħti breakdown u figuri ta' kemm issa hemm uffiċjali ambjentali, spetturi ambjentali u skrivani fi ħdan dan id-direttorat? Beda xi forma ta' taħriġ għal dawn in-nies? Meta bi ħsiebu jibda it-Twinning Project li kellu jibda f'Ottubru 2002? Għaliex ma bediex u ma twettaqx dan il-proġett? Min fil-MEPA kien responsabbli? Kien hemm rapportati xi każ ta' mismanagment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Il-MEPA allokat sitt impjegati klerikali mad-Direttorat għall-Ħarsien ta` l-Ambjent . Fid-Direttorat ta` l-Ambjent hemm sitta u tletin uffiċjal, għoxrin spettur ambjentali u tnax-il uffiċjali klerikali.
L-impjegati ġodda ġew assenjati ma` impjegati oħra sabiex jibda proċess ta` skills transfer u taħriġ informali. Taħriġ formali huwa ppjanat li jsir bħala parti mit-Twinning Project u proġetti oħra fix-xhur li ġejjin. It-Twinning Project ġie ffirmat f`Jannar u ħa jibda fi Frar. Bejn Ottubru u Diċembru il-firmatarji tal-proġett irrevedew id-draft u ċċirkolaw id-dokumenti għall-firem u l-approvazzjoni finali mill-UE.
M`hemm l-ebda rapport ta` mismanagement f`dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid meta Malta bi ħsieba tirratifika il-Convention on Biological Diversity u kif bi ħsiebu jwettaq in situ u ex situ managment? Hemm xi pjanijiet kif l-obbligi taħt din il-Konvnezjoni ser jiġu mwettqa?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li Malta iffirmat il-ftehim fuq il-Biodiversita` (Convention on Biological Diversity) fit-12 ta` Ġunju 1992, u rratifikat dan il-ftehim fid-29 ta` Diċembru 2000 filwaqt illi fit-28 ta` Ġunju ta` l-2002, ġew ippublikati regolamenti ta` l-2002 li jinkorporaw il-Konvenzjoni dwar id-Diversita` Bioloġika (Convention on Biological Diversity).
Hemm pjanijiet biex dawn l-obbligi jiġu mwettqa, u diġa` hemm uħud li daħlu fis-seħħ. Qed jitħejjew pjanijiet ta` azzjoni dwar il-ħarsien ta` l-ambjent naturali u anke dwar l-ispeċi li, jkopru kemm dawk in situ kif ukoll dawk ex situ.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' membri fil-korp tal-pulizija bħalissa? Kemm minnhom għandhom aktar minn ħamsa u għoxrin sena servizz? Jista' jgħid kemm matul din is-sena se jagħlqu l-eta' li bilfors ikollhom jirtiraw? Ta' liema rank huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,790 membru fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn hemm 154 li fil-preżent għandhom 25 sena servizz, filwaqt li hemm 3 kuntistabbli oħra li matul din is-sena ser jagħlqu l-eta` ta` l-irtirar.
Jista' il-Ministru jgħid bħalissa fil-korp tal-pulizija hemmx min jieħu allowance talli jitkellem b'lingwa barranija? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm u liema lingwa jitkellmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m`hemm l-ebda membru tal-Korp tal-Pulizija li qiegħed jieħu allowance talli jitkellem b`lingwa barranija.
Kemm-il jum jirriżulta li nfetħet l-għassa tal-pulizija fil-Floriana matul Jannar 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar 2003 dejjem kien hemm kuntistabbli, u drabi anke surġent, dettaljat fl-Għassa imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, jista` jkun hemm drabi fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f`dawk il-ħinijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-lista' ta' Natura 2000 sites li kellha tkun lesta sal-aħħar tas-sena 2002 ġietx ffinalizzata jew ġietx ippublikata? Din il-lista', jekk ġiet preparata ġiet approvata mill-Kummisjoni Ewropea?
Response (BORG, TONIO)
Il-lista ta` Natura 2000 sites li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru hija kważi finalizzata, imma għadha ma ġietx ippublikata. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta` l-Onor. Membru li l-Kummissjoni Ewropea tapprova biss listi ta` din ix-xorta ta` pajjiżi li diġa` huma membri tagħha.
Jista' l-Onorevoli Ministru jagħmel l-invetigazzjoni u stħarriġ neċessarju sabiex jirrevela lill-poplu għala l-istazzjon mobbli għal-moniteraġġ tal-arja li kellu suppost jitlesta sa Diċembru 2001 dam daqshekk sabiex jitlesta'? Kien hemm xi nuqqassijiet minn impjegati tal-MEPA sabiex ixekklu dan il-proċess? X'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sejħa għall-offerti ta` stazzjon mobbli ġdid għall-monitoraġġ ta` l-arja kienet ser tagħlaq fis-7 t`Awissu, 2001 imma ġie deċiż mid-Dipartiment tal-Kuntratti li d-data tiġġedded sat-18 ta` Settembru, 2001.
L-ittra ta` l-aċċettazzjoni ħarġet fl-4 ta` Lulju, 2002 mid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jissupplixxi l-apparat ta` monitoraġġ li kellu jiġi delivered f`sitt ġimgħat minn din id-data. L-apparat wasal Malta f`Ottubru, 2002.
Saret ordni oħra separata għal housing u din ġiet kompluta riċentement.
Hemm aspetti oħra kontrattwali li qegħdin jiġu mistħarrġa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk art f'San Ġiljan immarkata fuq dokument li qed nibgħat separatament ma' din il-mistoqsija hijiex art tal-Gvern? Jista' jgħid jekk din l-art ħarġitx b'tender jew le u jekk fl-affermattiv meta? Jista' jgħid ukoll minn min intrebħet din it-tender jekk huwa l-każ u għal-liema prezz? Jista' jgħid x'kien il-prezz mitlub fit-tender maħruġa mid-dipartiment ikkonċernat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern jidher li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija proprjeta` tal-Gvern, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor. It-Taqsima ma ħarġet l-ebda tender fuq il-proprjeta` in kwistjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk art f'San Ġiljan immarkata fuq dokument li qiegħed nibgħat separatament ma din il-mistoqsija hijiex art tal-Gvern? Jista' jgħid jekk din l-art ħarġitx b'tender jew le u jekk fl-affermattiv meta? Jista' jgħid ukoll minn min intrebħet din it-tender jekk huwa l-każ u għal-liema prezz? Jista' jgħid x'kien il-przz mitlub fit-tender maħruġa mid-dipartiment ikkonċernat?
Response (BORG, TONIO)
Nikkonferma li l-art f`San Ġiljan li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt hija proprjeta` tal-Gvern. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern kienet qasmet din l-art fi tnax-il plot differenti bi skop li dawn ikunu jistgħu jinbiegħu. Fil-fatt minn dawn il-plots it-Taqsima ħarġet disgħa għall-bejgħ bit-tender, tnejn tħallew għal żmien iżjed opportun, u waħda nbiegħet direttament lil Enemalta sabiex tinbena substation. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi, skond kif applikabbli, id-dati ta` meta nħarġu it-tenders, min rebaħ it-tender, il-prezz tal-art u meta ġie iffirmat il-kuntratt.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għamlitx xi studju tal-impatt tal-bill boards fuq il-livell tas-sewwieqa fit-toroq? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma sarux studji speċifiċi dwar l-impatt imsemmi. Iżda qabel ma` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tawtorizza billboards kummerċjali, tiżgura li dawn mhux se jitqiegħdu f`postijiet li jkunu ta` periklu għas-sewwieqa bħal, ngħidu aħna, f`roundabouts jew f`salib it-toroq. Billboards oħrajn, bħalma huma dawk politiċi, ma jeħtiġux awtorizzazjoni mingħand l-Awtorita`. Billi uħud minn dawn qegħdin f`postijiet li jistgħu jkunu ta` tiġrib għas-sewwieqa, l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qegħda wkoll tiddiskuti ma` l-Aworita` dwar it-Trasport sabiex tinstab soluzzjoni usa` għall-problema.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni rigward il-ħġieġ skur tal-karozzi i)jekk hux permess u taħt liema kundizzjonijiet, ii)min jawtorizza tali sitwazzjoni, iii)jirriżultax li jista' jkun hemm konflitt bejn permessi li jinħarġu mill-Awtorita' tat-Trasport u r-regolamenti tal-pulizija rigward it-traffiku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-responsabbilita` għall-ittestjar, reġistrazzjoni u liċenzjar ta` vetturi bil-mutur u s-sewwieqa tagħhom illum hija vestita fid-Direttorat għal Liċenzji u Testijiet fi ħdan l-Awtorita` dwar it-Trasport ta` Malta. Għaldaqstant, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Kemm-il persuna barranija ngħatat sentenza ta' priġunerija matul 2002? Ta' liema nazzjonalita' kienu, pajjiż, pajjiż?
Response (BORG, TONIO)
Matul is-sena 2002 il-qrati ta` Malta u Għawdex taw mitejn u tmenin (280) sentenza karċerarja.
Dawn ingħataw lill-persuni ġejjin mill-pajjiżi kif jidher hawn taħt:-
Malta
197
Renju Unit
5
Marokk
3
Libja
33
Italja
2
Ċina
5
Alġerija
5
Niġerja
2
Iraq
1
Ukrajna
2
Palestina
1
Tuneżija
17
Yugoslavja
2
Bangladesh
3
Sudan
2
Jikkonferma il-Ministru li l-pulizija qed tagħmel investigazzjoni dwar parties li qed jiġu organizzati fejn anke qed jitħallew jidħlu tfal taħt l-eta' legali ta' sittax-il sena fejn jinbiegħ l-alkoħol u dan speċifikament f'Baħar iċ-Ċagħaq? Jaf il-Ministru li wieħed minn dawn il-parties ma sarx nhar il-Ġimgħa 24 ta' Jannar għaliex meta marru fil-post imsemmi separatament sabu il-bieb magħluq għaliex qalulhom li beżgħu li kien ser isir rejd tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-ġurnata msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija kienet diġa` għaddejja bl-investigazzjoni dwar ir-rapport imsemmi, bħal ma diġa` infurmajt lill-Onorevoli Interpellant fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38285. Kien għalhekk illi l-post imsemmi kien ordnat li jinżamm magħluq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jista' jkollha żmien persuna sabiex tagħmilha ta' disc jockey f'post ta' divertiment? Jikkonferma il-Ministru li hemm rapporti li tfal taħt is-sittax-il sena qed jorganizzaw discos u parties f'postijiet tad-divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol? Il-Pulizija qed tagħmel investigazzjoni dwar dan speċjalment fil-post imsemmi separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemmx regolamenti dwar l-eta` li jrid ikollhom disc jockeys. Biss kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, ir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f`lokalitajiet ta` divertiment jipprojbixxu li persuni taħt l-eta` ta` sittax-il sena jitħallew jidħlu ġewwa lokalita` ta` divertiment. Infurmat ukoll illi l-Pulizija irċeviet informazzjoni dwar disco minn żagħżagħ taħt is-sittax-il sena fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, liema informazzjoni qed tiġi investigata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx jew hux qed issir inkjesta dwar il-permess li ngħata sabiex titwaqqa' l-faċċata ta' bini storiku li kien magħruf bħala Villa De Fremaux fi Triq Santa Katarina fiż-Żejtun u dan wara li fis-snin li għaddew kien inqered il-post minn ġewwa? Jista' jpoġġi kopja tal-investigazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma saritx inkjesta mill-MEPA dwar il-ħruġ ta` dan il-permess. Il-MEPA talbet parir legali dwar dan il-każ u irriżulta skond dal-parir li l-Kummissjoni ta` l-Iżvilupp aġixxiet fil-parametri tal-liġi u il-permess li nħareġ huwa wieħed validu.
B'referenza għall-mistoqsija numru 38002, jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub u cioe' kemm kienet in-nefqa fil-manutenzjoni u f'għamara ġdida f'hekk imsejħa Għassa ta' Marsaskala?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001, kemm ix-xogħol ta` manutenzjoni kif ukoll l-għamara f`dik li hija l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn sar kollu mill-membri stazzjonati fit-Taqsima tat-Trades tal-Korp tal-Pulizija stess. Għalhekk in-nefqa kienet dik tal-materjal użat sabiex inħadmet l-għamara u sabiex saret il-manutenzjoni.