Jista' l-Ministru jgħid kemm qed isiru rondi mill-pulizija matul il-lejl fil-arja tal-wied ta' B'Kara?
Dan jinkludi rondi tal-mobile?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda regolarment kemm fil-lokalita` msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Jista’ l-Ministru jghid kemm saru applikazzjoni mal-Pulizija biex jinfethu hwienet f’Jannar 2001 u f’Jannar 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` applikazzjonijiet għall-ftuħ ta` ħwienet li rċeviet il-Pulizija f`Jannar 2001 u f`Jannar 2002 kien ta` 39 u 21 rispettivament.
Jista’ l-Ministru jghid kemm hemm ufficcjali tal-Pulizija addetti mal-Mounted Police? Jista’ l-Ministru jghid jekk dawn ir-rizorsi umani humiex jigu uzati għal xogħol iehor fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u jekk iva fejn qegħdin jintbaghtu? Jekk dawn ir-rizorsi umani qegħdin jintuzaw għal skopijiet oħrajn ta’servizz jista’ l-Ministru jghid kemm matul is-sena 1999, 2000 u 2001 inħadmu sigħat maż-żwiemel u kemm inħaddmu sigħat f’imkejjen ohra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 18-il membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati fit-Taqsima tal-Kavallerija. Bħal membri f'kull Taqsima oħra tal-Korp, meta jkun meħtieġ u skond il-ħtiġijiet attwali tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali, il-membri ta' din it-Taqsima wkoll jiġi assenjat lilhom xogħol ieħor, bħal per eżempju kontrol tat-traffiku, attendenza l-Qorti, rinforzi u assistenza lill-Taqsimiet oħra tal-Korp. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mir-records disponibbli jirriżulta illi matul l-1999 mill-ħin kollu maħdum mill-membri ta' din it-Taqsima, 91.6% kien konness direttament mat-Taqsima, filwaqt li matul l-2000 dan kien ta' 82.8% u fl-2001 kien ta' 92.8%.
Jista’ l-Ministru jghid kemm inghataw visas lil cittadini mir-Russja, Ukrajna u mill-pajjizi Baltici fis-sena 2001? Kemm minnhom ghadhom Malta u ghaliex ghadhom Malta? Kemm hargu b’xahar xahar visas ghal cittadini Russi, Ukrajni u mill-pajjizi Baltici fl-ajruport ta’ Malta flok il-procedura solita ta’ applikazzjoni hmistax-il gurnata qabel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001, it-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija ipproċċessat u approvat il-ħruġ ta` 15,876 visa għal ċittadini Russi u 2,787 visa għal ċittadini Ukrajni, filwaqt li ċittadini tal-pajjiżi Baltiċi ma jeħtiegux visa sabiex jivjaġġaw lejn Malta. Minn dawn il-persuni, dawk li jgħażlu li jivjaġġaw lejn Malta, jew tinħariġilhom il-visa f`xi waħda mill-Ambaxxati ta` Malta, jew inkella mal-wasla tagħhom f`Malta. Pero` dawn xorta waħda jkunu applikaw għal visa ta` lanqas ħmistax-il ġurnata qabel. In-numru ta` ċittadini Russi u Ukrajni li nħarġitilhom il-visa mal-wasla tagħhom, kif ġa spjegajt kienu kif ġej:-
RUSSI
UKRAJNI
Jannar
443
51
Frar
201
49
Marzu
410
82
April
655
142
Mejju
829
305
Ġunju
2,270
282
Lulju
2,494
501
Awissu
2,194
490
Settembru
2,156
160
Ottubru
824
108
Novembru
613
37
Diċembru
263
43
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jerga’ jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar is-Servizzi ta’ Salvatagg gewwa pajjizna billi saret biss laqgħa wahda qabel is-sajf tas-sena 2001? Ma jaħsibx il-Ministru li biex dan il-Kumitat ikun proattiv għandu jiltaqa’ ferm aktar ta’ spiss?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dan il-kumitat ser jerġa jiltaqa` fi żmien qasir.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw residence permits lil cittadini mill-UE mill-1990 sas-sena 2001, sena sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru hija kif jidher hawn taħt:-
Sena
Numru ta` persuni inklużi d-dipendenti tagħhom li ngħataw
residence permit
1990
91
1991
95
1992
77
1993
91
1994
115
1995*
71
1996
114
1997
178
1998
134
1999
118
2000
147
2001
216
TOTAL
1,447
*In-numru ta` pajjiżi żdied minn 12 għal 15.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew deportati matul is-sena li għaddiet? X'nazzjonalita u x'etajiet kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001, ġew deportati 735 persuna li l-eta` tagħhom tvarja bejn is-16-il sena u 59 sena. In-nazzjonalita` tagħhom kienet kif ġej:
Mic-Chad, mir-Repubblika Ċeka, Filippina, Tuneżina, Marokkina, Pakistana, Eġizzjana, Libjana, Ingliża, Rumena, Russa, Ukrajina, Bulgara, Sirjana, Jugoslava, Torka, minn Bangladesh, Bosnijaka, Ciniża, Ġermaniża, Ġordaniża, Lebaniża, Palestinjana, Peruvjana, Sudaniża, Franċiża, mill-Latvia, Niġerjana, Portugiża, minn Sierra Leone, Somala, mis-Sri Lanka.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati barranin mas-San Lawrenz Resort Complex f'Għawdex li għandhom work permit? Liema huma? Jista' jikkonferma jekk dawn l-impjegati li isimhom qed jintbagħatu separatament ma l-istess lukanda għandhomx permess tax-xogħol? Jekk iva meta inħarġilhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm impjegata waħda barranija bil-permess li qed taħdem mas-San Lawrenz Resort Complex u li isimha jidher fil-lista uffiċjali ta` barranin li għandhom permess jaħdmu Malta.
Ninsab infurmat ukoll li bħalissa d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates qed jipproċessa 4 talbiet sabiex barranin ikunu jistgħu jaħdmu ma` dan il-kumpless. Jidher li dawn il-persuni huma erbgħa minn dawk indikati mill-Onor. Membru.
Id-Dipartiment m`għandu ebda informazzjoni dwar il-barranin l-oħra indikati mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu mill-awtoritajiet maltin wara rapport li ixxandar fuq Rai Due nhar il-Ħadd 10.02.2002 filgħodu fejn ġie allegat li fil-Casino di Venezia tal-Kottonera qed jiġu riċiklati flus maħmuġin konnessi mal-kriminalita taljana?
Jista' l-Ministru jgħid in vista tar-rapporti li dehru fuq l-instazzjonijiet tar-RAI dwar pressjoni li seta kien hemm biex iwettqu irregolaritajiet fl-operat tal-Casino Di Venezia, x'passi ha il-Gvern biex dawn l-affarijiet kif allegati ma jsirux?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi waħda mill-funzjonijiet tal-Bord maħtur mill-Ministru skond l-Att ta` l-1998 dwar il-Logħob (Kap. 400) huwa li jissorvelja l-operat ta` kull casino. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat u nirreferi għat-tweġiba li ta l-Onor. Ministru tal-Finanzi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31475. L-uniku rapport li rċeviet il-Pulizija Maltija ma kienx dwar pressjoni allegata fil-Mistoqsija Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija wara l-PQ 30811 u cioe, jista' l-Ministru jgħid kif kummissjonant tal-funerali partikolari qed ikun fis-swali ta' l-isptar San Luqa meta persuna tkun ġiet nieqsa? Kif dan il-kummissjonant tal-funerali qed ikun infurmat qabel kulħadd?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija ma rriżultax li kien hemm lok li jinbdew proċeduri kriminali. Infurmat ukoll illi l-eżitu' ta' l-investigazzjoni tal-Pulizija kien ġie ikkomunikat lill Ministeru tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni sabiex tinbena washroom fuq il-bejt ta' Flt 16, Blk 1, Scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola (PA 5880/01) - spejjes tal-inkwilin u bil-kunsens tar-residenti fl-istess blokk?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 5880/01 tirreferi għal Block 2 Scheme 2 Flat 16, Paola. Din l-applikazzjoni għal washroom ġiet fil-fatt rifjutata mid-DCC fid-29 ta` Jannar 2002.
Jista' l-Ministru jgħid lil min hija mikrija l-Victoria Shooting Range ta' Ħal Qormi?
Meta saret din il-kirja u x'inhu l-valur tal-kirja?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt tal-kirja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt qiegħda f`Ħaż Żebbuġ. Din kienet inkriet lil Victoria Shooters Club fit-30 ta` Marzu 1987 b`kera ta` Lm161.00 fis-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kirja kif ukoll pjanta tas-sit.
Peress li f'Malta nsibu irġiel u nisa li jbatu minn marda msejħa gender dysphoria u li biex dawn iċ-ċittadini biex jikkuraw ruħom jeħtiġilhom ifittxu trattamenti twal minn terapisti u psikoloġi, kif wkoll jissottomettu ruħhom għal xi interventi kirurġiċi, ħalli b'hekk jiġu magħrufa li jappertjenu għas-sess differenti min dak li twieldu bih u peress li dawn ċ-ċittadini mbagħad isibu l-intopp fir-Reġistru Pubbliku, minħabba l-liġi f'Malta kif għadha sa llum, ma jridux jagħmlulhom in-nota korrettiva neċessarja li tkun tindika s-sess attwali bil-konsegwenza li dawn ċ-ċittadini jkollhom jidħlu għal aktar spejjeż u taħbit billi jirrikorru għall-kawża kostituzzjonali sabiex ir-reġistru pubbliku jiġi ordnat jagħmel nota korrettiva fl-att tat-twelid taċ-ċittadin konċernat, jista' l-Ministru jikkonsidra li ssir l-emenda legali neċessarja li tkun tkopri sewwa d-dritt għall-privatezza ta' dawn iċ-ċittadini Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma teżisti ebda ħtieġa li jsiru xi emendi legali rigward is-sistema ta` korrezzjoni ta` Atti diġa` reġistrati. Dan peress li s-sistema li tintuża ġewwa r-Reġistru Pubbliku hija waħda ġenerali li ma jsiru ebda korrezzjonijiet/annotazzjonijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti. Dana anki fir-rigward ta` bidliet relattivament insinifikanti. Hija l-Qorti li trid dejjem tiddeċiedi. Allura ma hemm xejn barra minn loku li tibdil fl-indikazzjoni ta` sess jirrikjedi tali proċedura.
Mill-bqija nista` nassigura l-Onor. Membru li minn naħa tar-Reġistru Pubbliku qed isir kull sforz, inkluż dak amministrattiv, sabiex dawn l-individwi ma jiġux imbarazzati u jinqdew bl-aktar mod diskret/kunfidenzjali kemm qabel kif ukoll wara l-ordni tal-Qorti.
Fl-aktar każ reċenti id-Dipartiment, fuq parir mogħti lilu, ma appellax mid-deċiżjoni tal-Qorti, prima stanza.
Jista' l-Ministru jispjega kif inħareġ compliance certificate u fil-fatt ingħata s-servizz ta' l-elettriku lil persuni li qegħdin jagħmlu użu mill-bini illegali fl-Imqabba (Triq il-Konvoy ta' Santa Maria/Valletta Raod) kif muri fis-site plan meta fuq l-istess sit hemm żewġ enforcement notices ECF 446/01, ECF 447/01?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fuq is-sit li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ma inħareġ ebda Compliance Certificate minn naħa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jingħata s-servizz tad-dawl.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerta lokalitajiet f'Malta ntalbu jimlew skema msejħa volontarja ta' l-artijiet fuq dettalji tad-djar ta' l-irħula?
Liema huma dawn il-lokalitajiet?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' flus li qed jiġu mitluba jħallsu wara li jkunu mlew il-formola?
Response (BORG, TONIO)
F`Novembru 2001, ir-Reġistru ta` l-Artijiet (Ministeru ta` l-Intern) u l-Uffiċċju tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni (Ministeru ta` l-Ambjent) b`kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali nedew skema ta` reġistrazzjoni volontarja fir-rigward tal-proprjeta` li tinsab fil-konfini tal-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, Floriana, Birgu, Bormla u l-Isla.
Permezz ta` din l-iskema, apparti li qegħda titħaddem il-liġi dwar ir-Reġistrazzjoni ta` l-Artijiet, qed isir ukoll eżerċizzju sabiex jiġu identifikati l-problemi li hemm marbuta ma` proprjeta` f`dawn il-lokalitajiet. Fil-fatt, parti minn din l-iskema tipprovdi li min jirreġistra l-proprjeta` tiegħu taħt din l-iskema purament volontarja, jkun intitolat li jipparteċipa fi kwalunkwe skema ta` inċentivi li l-Gvern jista` jniedi `l quddiem, biex jiffaċilita n-negozju u/jew riġenerazzjoni ta` proprjeta` li tinsab fil-Kunsilli li għalihom tapplika l-iskema.
Tajjeb jingħad, li ma` l-applikazzjoni qed titħallas is-somma ta` Lm10. B`dan il-pagament l-applikant ikun intitolat li l-pjanti jsiru minn uffiċjali Governattivi minflok ma jqabbad lill-perit tiegħu. Din is-somma tkopri l-ispejjeż amministrattivi, inkluż l-akkwist tal-pjanta għall-iskop ta` reġistrazzjoni fir-Reġistru ta` l-Artijiet. Huwa biss f`każ ta` proprjeta` kundannabbli li l-pjanti jridu jiġu mħejjija minn perit imqabbad mill-applikant u li d-drittijiet tal-perit jitħallsu mill-istess applikant.
L-applikanti jibbenefikaw ukoll minn sussidju ta` nofs l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni tal-proprjeta` fir-Reġistru ta` l-Artijiet. Dan ifisser li meta eventwalment tkun ser issir ir-reġistrazzjoni, l-applikant ikun mitlub iħallas Lm10 flok Lm20. Sidien ta` proprjeta` rekwiżizzjonata li japplikaw taħt din l-iskema ma jħallsu xejn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu sottomessi applikazzjonijiet għall-iżvilupp (PA Applications) fuq siti sitwati fuq il-gzira ta' Malta u kemm kienu dawk fil-gżira t'Għawdex fis-snin 2001? Kemm minn dawk f'Għawdex kienu minn periti li għandhom uffiċċju f'Malta, fis-sena 2001? Kemm minn dawn ġew deċiżi fi żmien 4 xhur mid-data tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni? Kemm-il perit li għandu l-warrant għandu l-uffiċju tiegħu f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001, ġew sottomessi 6,678 applikazzjoni lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar: 5,801 għal żvilupp f`Malta, u 877 għal żvilupp f`Għawdex.
120 applikazzjoni mit-877 li saru għal żvilupp f`Għawdex fl-2001, saru minn Periti li għandhom uffiċċju f`Malta.
Minn dawn il-120 applikazzjoni, 15 ġew deċiżi f`inqas minn 120 ġurnata mid-data minn meta l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Ninsab infurmat ukoll illi t-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux disponibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċjali tal-Korp tal-Pulizija li jaħdmu fit-Taqsima tat-Traffiku jistgħux izommu mutur għax-xoghol għalihom biss mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħadduh lil sħabhom? Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt bħalissa hemm ufficcjal tal-Pulizija partikolari mis-Siggiewi li l-mutur tax-xogħol ma jista’ jmissulu ħadd?
Response (BORG, TONIO)
Fl-1997 kienet ġiet introdotta miżura li biha mutur jiġi assenjat lil żewġ pulizija, u żdiedu il-pulizija tat-traffic. Inxtraw diversi muturi ġodda (21) f`dawn l-aħħar tliet snin, li kollha issostitwew muturi qodma. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li ma jirriżultax li dan hu il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex fejn m’hemmx Għassa tal-Pulizija? Jista’ l-Ministru jindika l-lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`Malta u Għawdex hawn 73 Għassa tal-Pulizija. Dawn jinsabu fil-lokalitajiet murija fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.