Jista' il-Ministru jgħid kemm hu bħalissa t-tunnellaġġ totali rreġistrat taħt il-bandiera Maltija? Jista' jgħid kif inhuma mqassma skond tankers, vapuri tal-merkanzija, jottijiet, eċċ.?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 3,368 bastiment reġistrati Malta b'tunellaġġ gross totali ta' 25,755,705. Minn dawn 1,568 kienu jottijiet, 325 kienu dgħajjes tas-sajd u 1,475 kienu bastimenti merkantili.
L-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant tista' tinġabar biss mid-database eletroniku li mhuwiex ir-rekord uffiċjali. Għalkemm dan jibqa' wieħed validu xorta hu suġġett għal xi varjazzjoni mir-reġistru miżmum bil-kitba li huwa dak uffiċjali. Fil-fatt it-tweġiba moħtija għal din id-domanda turi xi differenzi mill-informazzjoni mogħtija f'Mistoqsija Parlamentari 3924.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-safar li sar fuq xogħol uffiċjali minn uffiċjali governattivi jew oħrajn li tħallsu mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu matul is-sena 2003? Min siefer? Fejn kienet kull safra? Kemm kienet l-spiża ta' kull safra? Min awtorizza kull safra? Min minn dawk li siefru mar first class jew club class?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li tikkonċerna s-safar ta' l-uffiċjali fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 4323, jista' il-Ministru ġentilment jinformani x'passi ħa jew se jieħu d-direttorat għall-immaniġjar tat-traffiku ladarba din it-triq saret no parking mingħajr l-approvazzjoni ta' l-istess direttorat?
Jaħseb il-Ministru li d-direttorat għandu obbligu li jieħu passi f'każijiet bħal dawn għax hu inaċċettabbli li ċerti kunsilli lokali saru jiddeċiedu huma fejn jagħmlu one way jew fejn issir no parking? Jista' jinformani x'passi qed jieħu d-direttorat f'dan il-każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta għamlitha ċara kemm il-darba kemm ma' Kunsill Lokali individwali kif ukoll ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali li kull miżura li tittieħed minn Kunsilli fir-rigward ta' immaniġjar tat-traffiku jrid ikun hemm l-approvazzjoni ta' l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta.
Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ser jieħu l-passi meħtiega biex jitneħħa n-no parking li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li fil-ġnub tal-bypass ta' Burmarrad ma nbnewx ħitan karatteristiċi tas-sejjieħ flok dawk tal-franka?
Għaliex il-Ministru ma jarax li f'toroq bħal dawn f'arterji ta' zona rurali, jinbnew ħitan tas-sejjieħ flok tal-franka mal-ġnub tat-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif jaf sew l-Onor. Interpellant il-ħitan imsemmija nbnew (fejn inbnew) minnflok ħitan tal-franka oħra li kienu jeżistu.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol matul din is-sena sabiex isir il-bini il-ġdid ta' Naxxar Road mill-HSBC ta' B'Kara saċ-ċimiterju ta' Ħal Lija? Kemm huwa stmat li se tkun in-nefqa u kemm se jdum ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1868.
Jista' il-Ministru jgħid meta jsir ix-xogħol fuq Naxxar Road Birkirkara jista' jiġi studjat jekk huwiex possibli li jiġu nstallati traffic lights fejn ir-roundabout li hemm f'tarf Vjal it-Tasfigurazzjoni biex b'hekk isir kontroll aħjar tat-traffiku u dan jimxi hafna aħjar mil-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1868.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4237 cioe' jista' jagħti breakdown tad-dħul tad-dipartiment tal-liċenzji u ttestjar għas-sena 2003? X'ammont ta' flus matul is-sena 2003 huma dovuti għal cheques li ma ssarrfux? Kemm hu l-ammont totali ta' flus li għandu jiġbor dan id-dipartiment bħala arretrati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-dħul matul is-sena 2003 kien:
Motor Vehicle Licensing Lm 11,278,593
Driving Licenses Lm 733,861
Motor Vehicles Registration Tax Lm 23,116,065
VRT Licenses Lm 111,631
Registration Number Plates Lm 474,313
Miscellaneous Reimbursements Lm 23,542
TOTAL Lm 35,738,005
L-ammont ta' flus dovut għal cheques li ma ssarfux huwa ta Lm1,598.
L-ammont totali ta' flus li għandu jiġbor bħala arretrati huwa ta' Lm2,581,555.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-Dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk l-awtorita' għall-immaniġjar tat-traffiku ġietx ikkonsultata biex Triq Santa Tereża, f'Ħaż Żabbar issir no parking, bil-konsegwenza li r-residenti m'għandhomx fejn jipparkjaw?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, irriżulta li d-Direttorat kien approva l-għeluq ta' Triq Santa Tereża, Żabbar għall-ħinijiet ta' l-iskola biss bejn is-7:30-8:30 u 14:00-15:00, bħal ma saru f'ħafna lokalitajiet għar-rigward tas-sigurta' ta' tfal ta' l-iskola.
Għar-rigward ta' No Parking li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ma ta l-ebda approvazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq l-Għarram, f'Ħaż-Żebbuġ (Malta) tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir? Jista' jindika jekk hemmx bżonn li jsiru xi xogħlijiet oħra f'din it-triq qabel ma jingħata t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi fil-preżent għadu kif sar ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ sabiex ikunu jistgħu isiru Triq Ġdida fi Triq il-Gandlora, Triq Ġdida fi Triq l-Għasfura, Triq Gulliermu Lorenzi u Triq Luiġi Fontana.
Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Jista' il-Ministru jara li tintlaqa' it-talba tas-saċerdot bi bżonnijiet speċjali, li ismu qed jintbagħat separatament li kienet saret ftit ilu sabiex tkun irranġata l-bankina quddiem id-dar tiegħu sabiex ikun jista' jidħol faċilment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq il-Pellegrinaġġ hija triq asfaltata u għalhekk il-manutenzjoni tal-bankini tagħha taqa taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali.
Għaldaqstant l-Awtorita' dwar it-Trasport għaddiet il-kumment ta' l-Onor. Interpellant lill-Kunsill Lokali sabiex jara xinhu l-aħjar li jsir.
Jogħġbu l-Ministru jinformani fiex wasal il-proċess sabiex Triq Dun Ġużepp Calleja f'Ħal Tarxien tiġi asfaltata stante l-istat perikoluż immens tagħha kif jidher fir-ritratti ta' din it-triq li qed jintbagħtu separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tad-dħul tad-dipartiment tal-liċenzji u ttestjar għas-sena 2003? X'ammont ta' flus matul is-sena 2003 huma dovuti għal cheques li ma ssarrfux? Kemm hu l-ammont totali ta' flus li għandu jiġbor dan id-dipartiment bħala arretrati?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Chairman ta' l-awtorita' tat-trasport pubbliku — Safar
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm il-darba siefer iċ-chariman ta' l-Awtorita' tat-trasport pubbliku matul is-sena 2003? Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' x'tip ta' lukandi ntużaw (jiġifieri jekk hux lukandi ta' 5 stilel, 4 stilel jew 3 stilel) u kif ukoll jagħti rendikont ta' kemm swiet l-akkomodazzjoni għal kull safra matul is-sena 2003?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-petizzjonijiet li tressqu fil-parlament f'isem ir-residenti Ta' Mlit, fil-Mosta matul il-leġislatura parlamentari preċedenti u fid-dawl tas-sitwazzjoni kif espressa mis-Sur Anthony Pace fil-ġurnal The Tiems of Malta ta' nhar is-27 ta' Jannar, 2004 li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jifhem l-urġenza tax-xogħlijiet u jgħarrafni mingħajr iktar telf ta' żmien meta se jitlestew it-toroq żdingati fl-inħawi Ta' Mlit, fil-Mosta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport nidhiet diversi proġetti ta' toroq fil-Mosta li jinkludu t-toroq fl-area ta' Xkora, il-bini tal-bypass il-ġdida bejn il-Mosta u n-Naxxar, il-bini mill-ġdid ta' Triq il-Belt Valletta u l-kostruzzjoni ta' Triq il-Ħtajriet. Ma' dawn irid jiżdied ix-xogħol li tlesta' mill-Awtorita' dwar it-Trasport flimkien mal-Kunsill Lokali fi Triq il-Kbira sabiex titnaqqas ukoll il-problema ta' l-għargħar waqt ix-xita.
Fil-preżent ingħataw kuntratti biex ikunu jistgħu isiru toroq Walter Salamone, Ġużeppi Hyzler, Ġanni Vella, l-Awrora u parti minn Mons. M. Azzopardi, Dun Ang Dingli, Triq il-15 t'Awissu, Triq il-Kulleġġ u Triq Carmelo Schembri, filwaqt li ser jitkompla x-xogħol biex isiru Triq Ċinju, Barjol Waqqafa u Antini.
Dawn ix-xogħolijiet ilaħħqu spiża ta' aktar minn Lm1.8 miljun.
Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat tat-Toroq.
Jista' il-Ministru jinformani kemm mill-fondi tal-protokoll Taljan se jintużaw sabiex isiru toroq fil-lokal tar-Rabat u l-limiti tiegħu, l-Imtarfa u l-Mosta? Jista' jinformani liema toroq se jiġu rranġati?
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar il-progress ta' mistoqsija parlamentari 3474 u cioe' meta d-dipartiment jew l-awtorita' tat-trasport se jħallas il-fondi dovuti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jara x'inhi s-sitwazzjoni f'dan il-każ.
Jista' il-Ministru jikkonferma l-eżistenza jew mod ieħor ta' water culvert li jgħaddi minn fost l-oħrajn toroq l-20 ta' Jannar, Ġorg Borg u Mifsud-Ellul, kollha f'Ħal Qormi? Jekk dan il-culvert jeżisti, jista' jikkonferma jekk jgħaddix minn taħt bini eżistenti u jekk iva, minn taħt liema? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-culvert? Meta tnaddaf l-aħħar dan il-culvert? Jippreżenta xi periklu għar-residenti dan il-culvert? Meta jidher li ilma minn dan il-culvert sbokka f'xi residenzi, x'assigurazzjonijiet jista' jagħti l-Ministru sabiex iserraħ ras l-istess residenti li ilmentaw mad-dipartiment sa minn Settembru li għadda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport waslitilha nformazzjoni li hemm culvert għaddej minn taħt il-bini fit-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant u qiegħda tivverifika x'wassal għal din is-sitwazzjoni, u fiċ-ċirkostanzi x'jista jsir biex din tkun tista' tiġi rrimedjata.