Legislature:
Category:
Reset
Active:

Barrakka ta' Fuq — Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex beħsiebu jerġa' jagħmel il-lift fil-Barrakka ta' Fuq u jħaffef iċ-ċaqliq ta' passiġġieri mix-xatt għal ħdejn Kastilja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-konsorzju Renaissance, li hu l-konsorzju li ser jieħu ħsieb il-proġett tal-Connections, u dan il-lift jifforma parti mill-proposta li għamel dan il-konsorzju lill-Gvern. Għalhekk jekk id-diskussjonijiet ma' dan il-konsorzju jkunu pożittivi, il-lift isir bħala parti mill-proġett tal-Connections.

Bjar

Question

Fil-gżejjer ta' Malta u Għawdex u Kemmuna kemm hawn bjar skond ir-raħal, belt, jew taqsima u kemm hawn bjar li jintużaw mill-familji? Jistax ikun hawn reġistru bin-numru ta' bjar u l-qisin tagħhom u dan meta skond il-liġi Maltija kull dar suppost ikollha bir?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi jeżistu records antiki fuq bjar pubbliċi fl-irħula u fl-ibliet ta' Malta u Għawdex. Dawn ir-records qegħdin għand il-Water Services Corporation. Ninsab infurmat ukoll li ma jeżistux records ta' bjar fi djar privati.

Raħal Ġdid — Wied Blandun

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Wied Blandun, Raħal Ġdid/Fgura jitnaddaf jew jiġi żviluppat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Hu maħsub li l-parti li baqa' mhux żviluppata minn Wied Blandun tiġi riabilitata u ntegrata mal-Park Reġjonali tal-Kottonera, liema proposti jestendu mad-dawra tal-fortifikazzjonijiet ta' barra l-Kottonera kollha.

Imġarr — Torri tal-Lippija

Question

X'passi se jittieħdu biex jiġi salvat it-Torri tal-Lippija fil-limiti ta' l-Imġarr li jinsab fil-periklu li jiġġarraf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara li kienu riżolti xi kwestjonijiet ta' pussess minn terzi mid-Dipartiment konċernat, it-Taqsima tar-Restawr qed tagħmel it-tħejjijiet neċessarji biex fil-ġimgħat li ġejjin jinbeda x-xogħol meħtieġ fuq it-torri.

Arena ta' l-Indipendenza — Latrina Pubblika

Question

B'referenza għal PQ's 36964, 37080, 37243, 37385 dwar il-latrina pubblika fl-Arena ta' l-Indipendenza, Floriana, tistax titranġa peress li donnha ma taqa' taħt ir-responsabilita' ta' ħadd (Kunsill Lokali, Ministeru, Saħħa, Edukazzjoni u Intern)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li din il-latrina pubblika sarulha tiswijiet konsiderevoli u huwa maħsub li x-xogħol jitkompla matul din is-sena.

Triq il-Merkanti — Bieb tal-palazz

Question

B'refernza għall-mistoqsija parlamentari numru 37783 fejn qed nirreferi għall-loġġ tal-Bieb tal-Palazz fi Triq il-Merkanti il-Belt, jista' il-Ministru jirrispondi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata.

Rabat — Kunċizzjoni - Kappella storika

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni neċessarja fuq is-saqaf tal-kappella storika li hemm il-Kunċizzjoni l/o Rabat, peress li qiegħed jidħol l-ilma u jagħmel ħsara fl-istess knisja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li sa issa qatt ma kien hemm talba għal dan ix-xogħol. Madankollu, ser tiġi spezzjonata l-knisja bil-għan li jsir ix-xogħol meħtieġ.

WSC — Draft text

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' draft text tal-liċenzja li se tinħareġ lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' 'draft text' tal-liċenzja li l-Malta Resources Authority ressqet għal konsultazzjoni qabel ma tiġi finalizzata l-liċenzja għall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.

Tas-Sliema/San Ġiljan — Dawl tal-Milied

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol tad-dawl tal-Milied li tqiegħed mal-promenade ta' Tas-Sliema u San Ġiljan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż involuti fix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Manifattura u Servizzi huwa: Materjal tal-lampi Lm1,723. Conduit u wire Lm1,039. Ħlas ta' overtime: plumbers Lm1,081. Ħlas ta' overtime: electricians Lm1,666. ------------- TOTAL Lm5,509. -------------

Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura — Private securities

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kuntratti għal securities privati li għandu l-Ministeru, dipartimenti, kumpanniji, eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' sigħat u ta' flus li tħallsu għal dawn il-kuntratti matul is-snin 2002, 2001 u 2000, separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu ma hemm ebda kuntratt għal securities privati.

Manoel Island Yacht Yard

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi trattattivi sabiex tinbieh Manoel Island Yatch Yard u jekk fl-affermattiv ma' min qed isiru dawn it-trattativi u jekk hemmx Maltin jew barranin involuti f' dawn it-trattativi? Saret xi sejħa biex tinbieh Manoel Island Yatch Yard? Qatt irċieva xi offerti minn imprendituri Maltin li wrew interessi li jixtru xi sehem minn Manoel Island Yatch Yard?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Port il-Kbir — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jagħti ordni sabiex isir tindif ġenerali fl-area kollha ta' madwar il-Port il-Kbir, partikolarment fl-area tal-Menqa fejn persuni rresponsabbli qegħdin iħallu kull xorta ta' materjal għal għonq it-toroq ta' dawn l-inħawi? Jista' jikkonsidra li dan it-tindif isir bħala rutina matul is-sena kollha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-tindif ġenerali ta' madwar il-Port il-Kbir diġa' jsir fuq bażi regolari. L-area tal-Menqa hija post fejn isir l-iżjed ammont ta' dumping u għalhekk ser tingħata iżjed attenzjoni.

Baħrija — Triq Ġnien tan-Nigra - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li fi Triq Ġnien tan-Nigra, fil-Baħrija ssir sistema tad-drenaġġ adegwata biex ir-residenti t'hemmhekk ma jibqgħux jitfgħu d-drenaġġ fil-fosos?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern m'għandu ebda pjan immedjat biex iqabbad il-Baħrija (inkluż Triq Ġnien tan-Nigra) ma' l-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ f'Malta. Fil-fatt, il-Baħrija hija moqdija b'sistema adekwata għaliha permezz ta' fossa komuni li titbattal mill-Gvern stess. Qiegħed isir studju sabiex tiġi mistħarrġa l-possibbilta' li ssir fossa komuni oħra addizzjonali.

Valletta — Mina ta' Marsamxett

Question

Jista' l-Ministru jindaga l-istat u l-aċċess mill-mina ta' Marsamxett, il-Belt minn fejn jgħaddu n-nies għall-Ferry għal Tas-Sliema għaliex hija fi stat imkabar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar preċiż u jgħid għal liema ħsara qed jirreferi. Ninsab infurmat li l-mina tinsab fi stat tajjeb u l-post kollu hu miżmum fi stat raġonevoli. Jista' jkun li hemm bżonn xi xogħol minimu ta' tikħil u tindif u għalhekk se jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Qormi — Triq Dun Mario - drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex kemm ilha li saret Triq Dun Mario, f'Ħal Qormi, hemm problema ta' dħul ta' drenaġġ fil-fond nru. 52? Id-dipartiment responsabbli ħa azzjoni? Jekk le, meta se jieħu azzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fond numru 52 jinsab taħt il-livell tat-triq. Għalhekk meta tagħmel ix-xita u l-main tad-drenaġġ ikun mimli jkun hemm backflow. L-unika soluzzjoni prattika hija li sid il-fond jinstalla non-return valve mas-sistema tiegħu biex ma jseħħx dan il-backflow meta tagħmel ix-xita.

Ħsarat fil-bieb tal-palazz

Question

Jista' il-bieb tal-palazz fi Triq il-Merkanti l-Belt, jitranġawlu l-ħsarat li hemm fih?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar preċiż u jgħid għal liema ħsara qed jirreferi. Il-bieb u l-ħajt ta' madwar il-palazz kienu ġew restawrati tliet snin ilu.

Laqgħat ta' Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru separatament mill-bordijiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita` tal-Ministeru matul din is-sena? X'proposti ġew rikmandati u liema ġew milquha u liema miċħuda u/jew għadhom pendenti.

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sakemm ma ningħatax raġuni konvinċenti 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li nitlob li jinħela ħafna ħin biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onorevoli nterpellant fl-ewwel parti u, iżjed u iżjed, fit-tieni parti tal-mistoqsija.

Toroq — Xogħol f'ħitan tas-sejjiegħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta' toroq sar f'ħitan tas-sejjiegħ madwar Malta u Għawdex u f'liema lokalita' saru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Iċ-ċifri t'hawn taħt huma kemm tiswijiet ta' ħitan kif ukoll ħitan ġodda. Lokalita' Tul f'Kilometri Attard (Ta' Qali) 0.1115 Attard 0.029 Birzebbugia 0.945 Dingli 0.1244 Gharghur 0.5203 Kalkara 0.00474 Marsascala 0.1146 Mdina 0.0326 Mellieha 0.008 Mgarr (Malta) 0.0462 Mosta 0.5973 Rabat (Malta) 0.18325 San Giljan 0.195 San Gwann 0.575 Siggiewi 0.132 Swieqi 0.8594 Xghajra 0.05 Zabbar 0.745 Zejtun 0.37 Zurrieq 0.322 TOTAL 5.966

Taqsima/Ċentru Malti tar-Restawr — Proġetti

Question

Matul is-sena 2002, jista' l-Ministru jgħid xi proġetti saru bis-sħab bejn it-taqsima tar-Restawr li taqa' taħt il-Ministeru u ċ-Ċentru Malti tar-Restawr? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol ta' koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proġetti li fihom hemm kollaborazzjoni bejn it-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u ċ-Ċentru Malti għar-Restawr matul il-2002 kienu dawn: Il-Monument ta' Ball fil-Barrakka t'Isfel, Valletta; In-Niċċa ta' San Pawl, Rabat; Il-Funtana ta' l-Ajkla, Ġnien ta' San Anton, Attard; Ġnien is-Sindku, Żejtun; Statwa ta' Santa Marija, Balzan; Kappella tas-Salvatur, Kalkara. Fuq dawn il-proġetti, ħaddiema miż-żewġ istituzzjonijiet li qed jitħarrġu fis-sengħa tar-restawr wettqu xogħol taħt supervizzjoni ta' nies b'esperjenza fir-restawr.