Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7961 u 7557 u jgħid kemm lill-Korporazzjoni Enemalta fil-preżent jiġiha l-prezz biex tiġġenera u tiddistribwixxi unit ta’ elettriku ġġenerat mill-impjant ta’ Delimara? Jista’ jgħid kemm hu l-prezz li bih jiġi mibjugħ kull unit?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża tal-elettriku minn Delimara hija ta’ 19-il ċenteżmu per Kwh. L-informazzjoni l-oħra tinsab fuq il-website tal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk konsegwenza tal-ħażna tal-gass fuq vapur fil-port ta’ Marsaxlokk hux se taffetwa xi kamra jew kmamar tan-nar liċenzjati li hemm fil-viċinanzi? Dawn se jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu anki meta jkun hemm din il-ħażna ta’ gass?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7153 u ċjoè: Ġaladarba d-direttur tal-kumpanija Maltija, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandha sehem ta’ 30% fil-consortium li rebħet it-tender għall-istallazzjoni ta’ LNG Terminal, il-power purchase agreement u l-ħażna ta’ gass, li skont il-ġurnal The Times of Malta fl-14 t’Ottubru 2013 kien diġà qal li “the specialised storage ship has already been contracted”, u issa l-Gvern iffinalizza ma’ dan il-consortium, jista’ l-Ministru jagħti l-isem tal-vapur li ġie kkuntratjat, fejn hu rreġistrat u meta inbena dan il-vapur? Jista’ jipprovdi visual ta’ dan il-vapur u l-qisien tiegħu? Jista’ jgħid jekk il-bastiment hux self-propelled?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tingħata fiż-żmien opportun.
Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma – impjegati ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, skont it-tabella li qed tidher separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox ġew impjegati 16-il ruħ fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament peress li hemm problema bid-drenaġġ fit-triq?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu ġie ikkuntatjat u immedjatament bdew l-ispezzjonijiet fit-triq imsemmija fejn il-problema ġiet identifikata f’qasir żmien. Dan is-sadd ġie imneħħi u saret tindifa metikoluża tal-istess medda bħala azzjoni preventiva.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara– studju tar-riskju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li fl-istudju tar-riskji li sar fuq il-proġett tal-bini ta’ terminal tal-LNG u l-ħażna tal-LNG f’Delimara, biex jiddetermina kif se jinfirex il-gass f’każ li jkun hemm leak, ġie użat mudell ta’ art lixxa meta, kif kulħadd jaf f’Delimara dan mhux il-każ għax il-power station qiegħda taħt l-irdumijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-QRA mexa ma’ standards internazzjonali.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — mudell fuq gass inqas perikoluż
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li l-mudell li ntuża fl-EIA għall-impjant u l-ħażna ta’ LNG f’Delimara biex jiġi determinat kif jista’ jinfirex il-gass f’każ li jkun hemm leak huwa mudell li jintuża għall-gass li huwa ferm inqas perikoluż mil-LNG (it-tip ta’ gass li se jkun qiegħed jintuża għall-power station)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe studju li sar ħa in kunsiderazzjoni l-LNG.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — studju dwar impatt fuq attività marittima
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt fuq l-attività marittima fil-bajja ta’ Marsaxlokk permezz tal-proġett tal-bini ta’ LNG terminal, ħażna permanenti ta’ FSU u l-effett ta’ supply ships? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet simulazzjonijiet ta’ manuvrar ta’ vapuri fil-bajja biex ikun determinat jekk il-manuvrar ta’ vapuri terzi hux se jkun affetwat.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — studju fuq riskju ta’ kollużjoni bejn vapuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar ir-riskju ta’ kollużjoni bejn il-vapuri għall-proġett tal-bini ta’ terminal tal-LNG u l-ħażna ta’ LNG ġewwa Delimara? Peress li l-vapur tal-ħażna b’dan il-gass perikoluż huwa twil madwar 300 metru, veru li l-possibilità ta’ ħabta bejn dan il-vapur u l-vapuri li jżuru l-Freeport hija waħda għolja? Jekk sar tali studju jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-probabilità ta’ ħabta bejn il-vapuri se tiġi kkontrollata bl-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni fil-port, bħal per eżempju l-impożizzjoni ta’ limitazzjoni fuq il-veloċità tal-vapuri li jimmanuvraw fil-port.
In oltre, tajjeb niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li qiegħed jinganna meta jirreferi għal dan il-gass bħala perikoluż għaliex dan huwa wieħed mill-aktar gassijiet b’rekord għoli ta’ sigurtà.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — studju dwar siti alternattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx studju dwar siti alternativi ta’ fejn seta’ jitpoġġa l-bastiment bil-ħażna tal-gass LNG? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saret analiżi dettaljata ta’ alternattivi differenti. Dawn l-alternattivi gew ikkunsidrati fl-EIS li huwa dokument pubbliku.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — ċertifikat mill-COMAH
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li l-awtorità kompetenti nazzjonali dwar il-kontroll ta’ periklu minn inċidenti kbar (COMAH) għadha ma ċċertifikatx ir-risk assessment li sar fuq il-proġett tal-bini ta’ terminal tal-LNG u l-ħażna tal-LNG f’Delimara għax dan mhux komplut? Sa meta hu mistenni li jingħata tali ċertifikat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti kollha li għamlet l-awtorità kompetenti nazzjonali dwar il-kontroll ta’ periklu (COMAH) fuq dan il-proġett?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti.
Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema bl-arloġġ tal-ilma u qiegħed jiġiha għoli ħafna u dan minkejja li rrapurtat il-każ lill-ARMS kemm-il darba?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijenta fejn din ġiet infurmata li l-każ huwa marbut ma’ meter tal-ilma. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġiet infurmata sabiex tinsab soluzzjoni adegwata b’effett immedjat.
Fl-istess ħin l-ARMS diġa’ irrevediet il-kont tal-klijenta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset id-ditta ta' periti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'direct order biex għamlet il-pjanti eċċ. b'relazzjoni mal-impjant il-ġdid tal-elettriku f'Delimara?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont imħallas lill-kumpanija iAS huwa ta’ €189,504.28 (mija disgħa u tmenin elf, ħames mija u erbgħa, u tmienja u għoxrin ċenteżmu).
B' referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 6251 fejn il-Ministru qal li waqt ix-xogħol li kienet qed tagħmel il-Korporazzjoni Enemalta fi Triq l-Inkurunazzjoni, Ħaż-Żabbar instabu xi fdalijiet arkeoloġiċi, jista’ l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-Cultural Heritage fir-rigward ta' dawn il-fdalijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — contract for service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati xi persuni fid-dekasteru tiegħu fuq bażi ta’ contract for service? Jekk saru dawn il-kuntratti, kemm-il persuna ġiet ingaġġata minn Marzu 2013 sal-lum? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna? X’perijodu jkopri kull kuntratt? X’inhu l-ħlas marbut ma’ kull kuntratt?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7557 u jgħid fil-preżent kemm jiġiha lill-Korporazzjoni Enemalta l-prezz biex tiġġenera u tiddistribwixxi unit ta’ elettriku ġġenerat mill-impjant ta’ Delimara? Jista’ jgħid kemm hu l-prezz li bih jiġi mibjugħ kull unit?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6251, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol li suppost għamlet il-Korporazzjoni Enemalta fi Triq l-Inkurunazzjoni, Ħaż-Żabbar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fit-toroq li għandhom x’jaqsmu mas-substation li kienet responsabbli minnhom il-Korporazzjoni Enemalta fit-Triq l-Inkurunazzjoni u Triq Bajada, Ħaż-Żabbar issa huma lesti. Il-kumplament tax-xogħlijet bħal ma hu l-kisi tat-tarmak tat-Triq l-Inkurunazzjoni huwa responsabbli minnhom il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Xi xogħlijiet li għadhom għaddejjin bħalissa jaqaw taħt ir-responsabbilita ta’ entitajiet oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinħareġ l-avviż legali dwar il-feed-in tariff tal-istabilimenti kummerċjali stante li dak li kien in vigore skada f’Settembru li għadda u minn dakinhar sal-lum għalkemm għaddew 5 xhur dan baqa' ma ġiex ppubblikat? Jaf il-Ministru li dan qed iwassal biex diversi kumpaniji li jissupplixxu u jistallaw pannelli foto-voltajiċi jinsabu f’diffikultà u jistgħu jispiċċaw jitterminaw l-impjieg ta’ diversi persuni li jaħdmu f’dan il-qasam?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-avviż legali dwar il-feed-in tariff li japplika għal stabilimenti kummerċjali li ma bbenifikawx minn grant għandu jiġi ppublikat fil-ġimgħat li ġejjin.