Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni indikati bħala Third Country Nationals li huma reġistrati biex jaħdmu f’dawn il-gżejjer fl-2016 u jista’ jindika dan skont in-nazzjonalità tagħhom u kemm minnhom huma self-employed u x’inhuwa s-sess tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni reġistrati bħala Third Country Nationals u li kienu qed jaħdmu f’Malta u f’Għawdex fl-aħħar ta’ Settembru 2016, skont in-nazzjonalità u sess tagħhom, huwa kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mit-total ta’ 9,042 persuna reġistrati bħala Third Country Nationals li kienu qed jaħdmu f’Malta u Għawdex fl-aħħar ta’ Settembru 2016, kien hemm 387 persuna li kienu jaħdmu bħala self-employed. Minn dawn kien hemm 290 raġel u 97 mara.
Attachments:PQ 32196 - Third Country Nationals li jaħdmu f'Malta.pdf
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni indikati bħala EU Nationals li huma reġistrati biex jaħdmu f’dawn il-gżejjer fl-2016 u jista’ jindika dan skont in-nazzjonalità tagħhom u kemm minnhom huma self-employed u x’inhuwa s-sess tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni reġistrati bħala EU Nationals u li kienu qed jaħdmu f’Malta u Għawdex fl-aħħar ta’ Settembru 2016, skont in-nazzjonalità u sess tagħhom, huwa kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mit-total ta’ 25,115-il persuna reġistrati bħala EU Nationals u li kienu qed jaħdmu f’Malta u Għawdex fl-aħħar ta’ Settembru 2016, kien hemm 2,958 persuna jaħdmu bħala self-employed. Minn dawn kien hemm 1,748 raġel u 1,210 mara.
Attachments:PQ 32197 - EU Nationals li jaħdmu f'Malta.pdf
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti li din is-sena akkademika qed jattendu l-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija (Kulleġġ San Tumas More)? Jista’ jindika x’lingwi qed jiġu mgħallma?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija (Kulleġġ San Tumas More) hemm jattendu studenti kif jidher fit-tabella:
Sena
Subien
Bniet
Total
9 (Form 3)
76
96
172
10 (Form 4)
149
149
11 (Form 5)
264
264
Total
76
509
585
Fl-iskola jiġu mgħallma l-Għarbi, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-iSpanjol. Dan minbarra l-Malti u l-Ingliż.
Jobsplus – persuni li waqfu jirreġistraw mill-Ewwel Parti tar-Reġistru għax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni waqqfu jirreġistraw mill-Ewwel Parti tar-reġistru għax-xogħol mal-Jobsplus tul is-sena li għaddiet l-2016? Kemm persuni ġew maqtugħa fl-istess perjodu u kemm irtiraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ġentilment nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 30181.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-proġetti indikati fil-mistoqsija parlamentari 27285? Kemm hemm persuni li jieħdu sehem f'dawn il-proġetti? X'għandu wieħed jagħmel biex jieħu sehem f'dawn il-proġetti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba dwar il-proġetti msemmija fil-mistoqsija parlamentari 27285 u kif ukoll informazzjoni dwar l-eliġibbiltà ta’ dawk li jixtiequ jieħdu sehem fl-imsemmija proġetti, tinsab imniżżla b’dettal fis-sit elettroniku tal-Jobsplus (www.jobsplus.gov.mt) fis-sezzjoni tal-iskemi.
Fir-rigward ta’ kemm kien hemm persuni li ħadu sehem f’dawn il-proġetti matul is-sena 2016, it-tabella ta’ hawn taħt turi n-numru ta’ parteċipanti jew applikazzjonijiet milqugħa taħt kull skema msemmija:
Skema
Numru ta’ Parteċipanti jew Applikazzjonijiet milqugħa
Training for Employment
Work Exposure
352
Traineeship
382
Work Placement Scheme
49
Access to Employment
399
Work Programme Initiative
984
Youth Guarantee 2.0
NEET
48
SEC Revision Classes
770
Remedial Classes
83
Alternative Learning Programme
81
L-iskema “VASTE Programme” għadha ma ġietx varata u għaldaqstant m’hemmx informazzjoni f’dan l-istadju. L-iskema “Investing in Skills” ġiet varata fis-27 ta’ Marzu u għaldaqstant l-applikazzjonijiet għadhom se jibdew jiġu milqugħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Żgħażagħ organizzawx programmi ta' empowerment speċifikament għaż-żgħażagħ li għandhom nuqas ta' saħħa mentali jew diżabilità intelletwali? jekk iva, meta saru dawn il-programmi u fejn saru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li Aġenzija Żgħażagħ ma organizzatx programmi ta' empowerment kif speċifikat mill-Onor. Interpellant.
San Pawl il-Baħar (Il-Qawra) – Sit ta’ skola ġdida
Question
Billi matul is-sajf li għadda, ukoll matul il-perjodu ta’ żmien meta hu stabbilit li ma jistax isir qtugħ ta' blat u twaqqiegħ ta' bini, sar il-qtugħ ta' blat fis-sit fejn suppost għandha tinbena skola ġdida f'San Pawl il-Baħar (il-Qawra), jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-qtugħ tal-blat hux lest kollu u xi ħlas sar, u kemm fadal kontijiet pendenti għal dan ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll x’qed iżomm milli jinbeda l-bini tal-istess skola? Billi boards li kienu jindikaw x’inhu l-proġett inqalgħu mis-sit numru ta' xhur ilu, suppost 'biex jiġi rranġat l-istess dehra tal-proġett', jista’ jagħti tagħrif dwar meta se jerġgħu jitwaħħlu l-istess boards, u meta se jinbeda x-xogħol fuq il-post? Jista’ jagħti wkoll tagħrif dwar x’talbiet kellu biex taħt l-iskola jiġi żviluppat car park ikbar minn dak li hemm propost fil-proġett tal-iskola, u x’kienet ir-reazzjoni tal-Ministeru għal dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-qtuħ tal-blat fis-sit tal-Iskola Primarja l-ġdida f'San Pawl il-Baħar tlesta. Il-ħlas, li jammonta għal €351,903.34, sar. Il-kuntrattur jonqsu jitħallas €18,521.23. Dan l-ammont hu r-retention money ta' 5% tal-ispiża globali, kif stipulat fil-kuntratt.
Rigward ix-xogħol ta’ kostruzzjoni, it-tender ġie evalwat u aġġudikat. Ma jidhirx li ġew irreġistrati xi appelli minn tali aġġudikazzjoni u għalhekk id-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed għaddej bil-proċeduri sabiex jiġi ffirmat il-kuntratt mal-kuntrattur u x-xogħol ta’ kostruzzjoni jkun jista’ jibda minnufih.
Malta Racing Consortium – Memorandum of Understanding
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Marsa Racetrack Consortium? Jista’ jgħid minn min hu magħmul il-Malta Racing Consortium?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-konsorzju li l-isem korrett tiegħu huwa ‘Malta Race Track Ltd (MRTL)’, huwa ftehim bilaterali li jesprimi konverġenza ta' rieda bejn il-Gvern u l-MRTL. Għaldaqstant, l-iżvelar tal-kontenut ta’ dan l-MOU huwa pprojbit minħabba s-sensittività tan-negozjar bejn iż-żewġ partijiet f’dan il-perjodu, liema negozjar għandu jwassal sabiex jintlaħaq ftehim aħħari għall-iffirmar tal-ftehim ta' konċessjoni.
L-informazzjoni dwar minn min hu magħmul il-konsorzju hija pubblika u tista’ tinstab fuq il-website tal-MFSA, taħt isem il-konsorzju Malta Racing Track Ltd, bin-numru tar-reġistrazzjoni C80096.
Żgħażagħ ta’ 16-il sena li jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan imfassal ta’ konsultazzjoni biex iż-żgħażagħ mill-età ta’ 16-il sena jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-Elezzjoni Ġenerali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir pjan sabiex fiż-żmien li ġej tiġi mnedija konsultazzjoni pubblika. Tajjeb li wieħed japprezza li kien dan il-gvern li ta id-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u dan kif imwiegħed fil-Manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Marsaxlokk — Skola Primarja – tfal li jeħtieġu l-għajnuna tal-LSAs
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm tfal li jattendu l-Iskola Primarja f’Marsaxlokk fis-sena akkademika preżenti li jeħtieġu l-għajnuna ta’ LSA kif approvati mid-Dipartiment? Jista’ jgħid kemm hemm LSAs? Jista’ jara li t-tfal kollha jiġu pprovduti b’LSA?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-iskola primarja tal-Marsaxlokk hemm ħmistax-il (15) student li għandhom bżonn is-sapport ta’ Learning Support Assistant (LSA). Biex jagħtu s-sapport meħtieġ lil dawn l-istudenti fl-iskola hemm għaxar (10) LSAs. Infurmat li l-istudenti li għandhom bżonn l-għajnuna kollha għandhom is-sapport ta’ LSA.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu min-naħa tad-Direttorati biex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni xejn faċli għall-għalliema fl-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) qiegħed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fl-iskola msemmija. Infurmat li ttieħdu dawn il-miżuri:
· Saru laqgħat mal-MUT u wara wkoll mas-
Senior Management Team
(SMT) kif ukoll mal-istaff u l-Prinċipal tal-Kulleġġ biex inkomplu nassistu s-sitwazzjoni.
· Ġiet organizzata aktar ir-
reception area
fejn qabel kien hemm messaġġier li jilqa’ n-nies imma issa ssaħħet b’persuna mħarrġa fuq sigurtà.
· Biex nassistu lill-iskola, intbagħtu żewġ għalliema rġiel tal-PE biex jgħinu fir
-replacements.
· Kwistjonijiet żgħar ta’ natura amministrattiva bħal
Class Lists
ġew riżolti u ssetiljati.
· Qiegħda ssir emfasi kbira biex l-uniformi tal-istudenti tinżamm kif suppost. Dan barra l-preżenza tal-SMT fil-kuriduri bejn il-lezzjonijiet.
Sadanittant, id-Direttur Ġenerali, DES qiegħda ssegwi b’mod dirett din l-iskola flimkien mal-Prinċipal tal-Kulleġġ.
Anzjani residenti fi Djar tal-Anzjani – self ta’ kotba mil-libreriji
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’tip ta’ servizzi jistgħu jużaw anzjani residenti fi Djar tal-Anzjani għall-self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi direttament fil-post fejn huma residenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Libreriji Maltin f’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità jagħti servizz ta’ self ta’ kotba lill-anzjani li hemm fid-Dar tal-anzjani fil-Mellieħa.
Isiru wkoll sessjonijiet ta’ qari lill-anzjani ta’ din id-Dar u estendejna dan is-servizz lid-djar tal-anzjani tal-Imtarfa u tal-Mosta. Bħalissa wkoll Libreriji Maltin qegħda tagħti l-opportunità lil studenti tas-Sixth Form ta’ San Alwiġi jagħmlu sessjonijiet ta’ qari fid-Dar tal-anzjani tal-Imtarfa bħala parti mill-proġett tagħhom tas-Systems of Knowledge. Fil-futur qrib Libreriji Maltin se tkun qegħda toffri servizz ieħor għal dawk li huma housebound.
Persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali — xogħol full-time u part-time
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali li qed jaħdmu fuq bażi full-time kif ukoll fuq bażi part-time? Kemm minnhom għandhom impjieg mal-Gvern?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ Ottubru 2016 in-numru ta' persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali li kienu qed jaħdmu fuq bażi full-time kien ta’ 79 persuna filwaqt li dak part-time kien ta’ 47 persuna. Minn dawn kien hemm 34 persuna li kienu impjegati mal-gvern u mal-entitajiet pubbliċi.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Staff – reduced hours u teleworking
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jaħdmu b’reduced hours jew għandhom faċilitajiet ta’ teleworking?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Gudja — Skola Primarja – tfal li jeħtieġu l-għajnuna tal-LSA
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm tfal li jattendu l-Iskola Primarja tal-Gudja fis-sena akkademika preżenti u li jeħtieġu l-għajnuna tal-LSA kif approvat mid-dipartiment? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm LSAs? Jista’ jara li t-tfal kollha jiġu pprovduti b’LSA?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-iskola primarja tal-Gudja hemm tmien (8) studenti li għandhom bżonn is-sapport ta’ Learning Support Assistant (LSA). Biex jagħtu s-sapport meħtieġ lil dawn l-istudenti fl-iskola hemm tmien (8) LSAs. Infurmat li l-istudenti li għandhom bżonn l-għajnuna kollha għandhom is-sapport ta’ LSA.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja tal-Fgura li qegħdin fil-Kindergarten u jistax jara jekk huwiex possibbli li jsir ix-xogħol neċessarju sabiex ikun hemm klassijiet aktar sabiex ma jibqax ikun hemm żewġ klassijiet f’kamra waħda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li jattendu l-Kindergarten fl-Iskola Primarja tal-Fgura hu ta’ 264, maqsuma kif ġej:-
K1: 147
K2: 117
Fix-xhur li ġejjin il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ser ikun qed jistudja l-possibiltajiet ta’ estensjonijiet tal-binjiet tal-Iskejjel Primarji fosthom ukoll dik tal-Fgura.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — każijiet ta' inġustizzja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li ebda entità fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma trattat każijiet ta' inġustizzja.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – individwu – konflitt ta’ interess
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux konflitt ta’ interess fil-fatt li tqabbad mill-IAID (Internal Audit and Investigations Department) biex jagħmel xogħol ta’ quantity surveying b’rabta mal-investigazzjoni rigward it-tender tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntrattur b’konnessjoni ma’ tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi), liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju, meta l-individwu sa ftit taż-żmien ilu kien impjegat tal-istess FTS?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ir-responsabbiltà li jitqabbad il-persuna indikata mill-Onor. interpellant ma kenitx f'idejn dan il-Ministeru.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30540, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn is-sejħiet għall-Malta Libraries ma sarux interni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li s-sejħiet ma sarux interni minħabba l-fatt li l-entità riedet iżżid il-headcount tagħha biex tagħmel tajjeb għal żieda fil-ħidma tal-operat tagħha, mingħajr ma jsir tnaqqis fl-istaff complement tal-Entità.