Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir public convenience fl-akwati fejn isir il-monti fil-Birgu?
Jekk le, jista' joffri mqar mobile toilets għal dawk li jkunu l-Monti mqar kull nhar ta' Tlieta meta jsir is-suq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħalissa qed tinbena latrina fuq il-Fortini, ftit il-bogħod mis-suq tal-Birgu.
Jista' l-Ministru jgħid x'obbligi għandu l-Cottonera Waterfront Group f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Environmental Impact Assessments tal-Proġett tal-Kottonera skond il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Front f'Ġunju 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-kuntratt tat-2 ta' Ġunju 1999 jobbliga lil Cottonera Waterfront Group biex iwettaq kull studju u jipprovdi kull informazzjoni rikjesta mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex ikun jista' jiġi segwit il-proċess ta' l-ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid x'obbligi għandu l-Cottonera Waterfront Group f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Environmental Impact Assessment tal-proġett tal-Yacht Marina skond il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Front f'Ġunju 1999?
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawn l-obbligi ġewx imwettqa skond il-ftehim milħuq?
Jekk ir-risposta hija fin-negattiv, x'inhi r-raġuni għala dawn l-obbligi ma ġewx imwettqa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31230, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'Santa Venera għadx hemm djar li għadhom imqabbda bis-sistema tal-fosos tad-drenaġġ u, jekk fl-affermattiv, f'liema toroq dawn qegħdin, liema huma, kull meta jitbattlu u meta hu maħsub li jitqabbdu mas-sistema ċentrali tad-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-lista tal-fosos madwar Malta illi d-Dipartiment tad-Drenaġġ għandu biex jitbattlu, ma teżisti l-ebda waħda f'Santa Venera. Għalhekk, jekk hemm xi residenza bil-fossa f'din il-lokalita', dawn qatt ma ġew mgħoddija lil dan id-Dipartiment min-naħa tad-Dipartiment tas-Sanita', u għalhekk it-tbattil tagħhom qiegħed isir mill-privat direttament. Għaldaqstant dawn il-fosos, jekk hemm, id-Dipartiment tad-Drenaġġ, ma jafx bihom.
Jista' l-Ministru jgħid
1 liema kienu dawk ix-xogħolijiet li saru mill-1994 'il hawn, sena b'sena, fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex minn ħaddiema tat-Taqsima Xogħlijiet, tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija, tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi, tad-Dipartimennt tal-Bini u Manutenzjoni u mill-Unit għall-Ambjent Nadif,
2 kemm sewa dan ix-xogħol,
3 min ħallas għalih (hux il-Gvern stess jew il-Kunsill Lokali fejn sar ix-xogħol), u
4 f'każ li dan ix-xogħol kellu jitħallas mill-Kunsill Lokali, tħallas u jekk le għaliex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba hi kif tidher hawn taħt:
Dipartiment tal-Bini u Inġinerija
SENA NEFQA
1994 Lm 179,387.
1995 Lm 134,739.
1996 Lm 128,240.
1997 Lm 118,072.
1998 Lm2,293,233.
1999 Lm1,308,007.
2000 Lm1,123,352.
2001 Lm 995,455.
F'kull każ ix-xogħol tħallas mill-Gvern Ċentrali permezz ta' voti kapitali allokati għal dan il-għan. Ix-xogħlijiet li saru minn dan id-Dipartiment jinkludu xogħlijiet ta' upgrading, esproprjazzjoni ta' l-art, materjal ta' sigurta', ġonna pubbliċi, retaining walls, tisbiħ ta' postijiet pubbliċi u turisitċi u proġetti varji.
Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi
SENA XOGĦLIJIET XOGĦLIJIET XOGĦLIJIET
ORDNATI MINN ORDNATI GĦADHOM
DIPARTIMENTI MILL-KUNSILLI MHUX IMĦALLSA
TAL-GVERN LOKALI MILL-KUNSILLI
1994 Lm1,855,057. Lm 1,107. ------
1995 Lm1,111,994. Lm 82,229. ------
1996 Lm1,519,824. Lm149,046. Lm 703.
1997 Lm1,958,538. Lm 45,466. Lm2,688.
1998 Lm1,332,041. Lm 37,751. Lm 312.
1999 Lm1,296,758. Lm 22,090. ------
2000 Lm 999,919. Lm 21,710. ------
2001 Lm 691,440. Lm 32,879. Lm3,055.
Ix-xogħlijiet li saru kienu xogħol ta' njam bħal aperturi u għamara, xogħol ta' ħadid bħal għamara tal-ġonna u toroq, aperturi, ħadid għat-turġien, xogħol ta' aluminju, sinjali u tabelli tat-traffiku, tiswijiet ta' lifts, sistemi ta' arja kkundizzjonata, installazzjonijiet u tiswijiet ta' dawl u ilma, u kiri u tiswijiet ta' vetturi u nġenji.
Unit għall-Ambjent Nadif
Dan id-Dipartiment ilu mwaqqaf minn Settembru 1999.
SENA XOGĦLIJIET XOGĦLIJIET
IMĦALLSA IMĦALLSA
MILL-GVERN MILL-KUNSILLI
ĊENTRALI LOKALI
1999 Lm110,944. ------
2000 Lm568,608. Lm 207.
2001 (sa Ottubru) Lm431,645. Lm3,412.
Dawn ix-xogħlijiet kienu relatati ma' manutenzjoni ta' toroq arterji/distributorji, tindif ta' culverts, tindif u ħasil ta' bankini, tbattil u tindif ta' litter bins u tindif ta' widien f'diversi lokalitajiet.
Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni
Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispiża tax-xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni, huwa mpossibbli li jinġabru l-ispejjeż peress li dan huwa vot kurrenti li jintuża minn diversi Dipartimenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet qed isir fil-ġonna ta' 1) Argotti 2) Il-Moll 3) Barrakka ta' Fuq 4) Barrakka t'Isfel 5) Hastings bħalissa? X'kemm ippjanat għal din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-responsabbilta' tal-ġonna ta' l-Argotti hi tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Universita' ta' Malta.
Fil-Mall saret is-sistema ta' irrigazzjoni ġdida, ser issir sistema tad-dawl u qed isiru tħejjijiet għall-pavimentar.
Għar-rigward tal-Barrakka ta' Fuq qed isiru t-taħdidiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar id-disinn propost mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta.
Fil-Barrakka ta' Isfel il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta qed jiffinalizza r-restawr tal-monument ta' ball u qed jitwaħħlu t-toilets ġodda. Ħierġa t-tender għall-bqija tax-xogħol ta' titjib.
F'Hastings tneħħa l-periklu li kien hemm u qed isiru t-taħdidiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jerġa' jitla' l-ħajt li jdawru mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kif jiġi mkejjel it-tniġġis fl-arja fil-gżejjer Maltin? X'kienu il-livelli ta' tniġġis f'dawn l-aħħar sitt (6) xhur minn Ġunju sa Diċembru 2001? Il-Gvern sodisfatt bil-mod kif il-livell ta' tniġġis qed jiġi kkontrollat? Il-livelli ta' tniġġis fl-ajru jikkomparaw tajjeb mal-bqija tal-pajjiżi fl-Ewropa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-livell ta' tniġġiż ta' l-arja fil-gżejjer Maltin qed jiġi mkejjel permezz ta' apparat standard li jintuża fl-ibliet ta' l-Ewropa kollha. Dan l-apparat awtomatiku hu mmuntat fuq trailer li minn żmien għal żmien jinġarr minn post għall-ieħor.
Barra minn hekk, il-livell ta' tniġġiż fl-arja jitkejjel permezz ta' diffusion tubes li jitwaħħlu ma' arbli tad-dawl fit-triqat. Dawn it-tubi speċjali jitħallew fil-post għal madwar 30 jum u wara jintbagħtu barra għall-analiżi.
Ir-riżultati miksuba jinsabu fuq il-website tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent (http:\\www.environment.gov.mt).
Id-Dipartiment għadu kemm ta konsulenza lil kumpanija b'esperjenza estensiva fil-materja. Din il-kumpanija ser tagħmel 'assessment' tar-riżultati miksuba s'issa. Dan l-'assessment' iservi, fost ħwejjeġ oħra, biex jitqabbel l-istat ta' tniġġiż ta' l-arja fil-Gżejjer Maltin ma' dak ta' pajjiżi oħra fl-Ewropa, kif ukoll biex jiġi stabbilit x'monitoraġġ ulterjuri hu neċessarju biex il-kwalita' ta' l-arja f'pajjiżna tinżamm taħt kontroll.
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li jagħmel xogħol ta tindif u manutenzjoni tas-sistema tad-drenaġġ permezz tal-jetting browsers? Meta ġie ffirmat dan il-kuntratt u għal kemm il-sena sar? Dan il-kuntratt għadu fis-seħħ sal-lum? X'inhi r-rata għal dan ix-xogħol skond il-kuntratt? Kemm tħallsu flus sena b'sena sal-lum fuq dan il-kuntratt? Jista' jpoġġi kopja ta' dam il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex trakkijiet qed inkomplu jbattlu bil-pumping station ta' Baħar iċ-Ċagħaq b'dannu għar-residenti tal-inħawi meta jistgħu jmorru jbatlu (Kennedy Groove) b'inkonvenjenza għal ħadd?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-raġuni li jsir it-tbattil ħdejn il-Pumping Station ta' Baħar iċ-Ċagħaq hija li dak huwa post awtorizzat għat-tbattil.
Il-'board' qed jinvestiga x'possibbilta' hemm li d-'discharge point' titressaq minn Baħar iċ-Ċagħaq għal Kennedy Grove.
Jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol fis-sistema tad-dranaġġ fi Triq il-Farfett tal-Fejġel, Żabbar li qed jaffettwa r-residenza privata indikata separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qed isiru sforzi biex jinstab is-sors tal-fawran permezz ta' survey bis-CCTV. Kif dan jiġi identifikat jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jissewwa.
Jista' d-Dipartiment tax-Xogħlijiet pubbliċi jirranġa t-toroq ta' l-Baħrija limiti tar-Rabat peress li nħolqu ħafna ħofor kawża ta' l-aħħar maltemp? Peress li residenti qed ikollhom inkonvenjent kontinwu, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' dawn it-toroq ikunu kordinati urgentement? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' d-Dipartiment tax-Xogħlijiet pubbliċi jirranġa t-toroq ta' l-Kunċizzjoni limiti tar-Rabat peress li nħolqu ħafna ħofor kawża ta' l-aħħar maltemp? Peress li residenti qed ikollhom inkonvenjent kontinwu, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' dawn it-toroq ikunu kordinati urgentement? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' d-Dipartiment tax-Xogħlijiet pubbliċi jirranġa t-toroq tas-Salib limiti tar-Rabat peress li nħolqu ħafna ħofor kawża ta' l-aħħar maltemp? Peress li residenti qed ikollhom inkonvenjent kontinwu, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' dawn it-toroq ikunu kordinati urgentement? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' d-Dipartiment tax-Xogħlijiet pubbliċi jirranġa t-toroq ta' Bieb ir-Ruwa limiti tar-Rabat peress li nħolqu ħafna ħofor kawża ta' l-aħħar maltemp? Peress li residenti qed ikollhom inkonvenjent kontinwu, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' dawn it-toroq ikunu kordinati urgentement? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' l-Ministru jispjega l-iskop tas-sejħa għall-offerti CT432/2101 għal bini ta' Dive Centre f'Tas-Sliema
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għal bini ta' Dive Centre f'Tas-Sliema ħarġet sabiex id-Dive Systems li bħalissa jinsabu f'Tigne' jiġu ri-allokati minħabba fil-proġett li qed isir mill-konsorzju MIDI f'Tigne' Point. Fil-fatt l-art f'Tigne' li bħalissa qed tintuża mid-Dive Systems ġiet mgħoddija lill-konsorzju MIDI bħala parti mill-kuntratt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu applikazzjonijiet għal-postijiet ta' supervisor (distretti) u ta' supervisor (maintenance of sewers) fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għall-postijiet ta' Supervisors fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet intefgħu mitejn u disgħa u għoxrin (229) applikazzjoni.
Dawn kienu mqassma hekk:
Supervisor (Distretti) 104
Supervisor (Maintenance of Sewers) 125
Jista' l-Ministru jgħid min ta' l-permess sabiex jinfetaħ il-bieb li nfetaħ dan l-aħħar fil-Ġnien ta' Hastings (Windmill Street). Minn min saret l-applikazzjoni? Meta saret l-applikazzjoni? L-applikazzjoni ġiet approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-bieb li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hi fetħa fil-ħajt li saret biex jitneħħa ħajt perikoluż li kien fi stat ħażin ħafna. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet infurmata bil-miktub (22/11/2001) dwar dan. Tneħħa wkoll ħadid dekorattiv imsaddad li kien ukoll fi stat perikoluż.
Sadanittant saret applikazzjoni li daħlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-21 ta' Diċembru 2001 (PA 6777/01). Din saret mid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. L-applikazzjoni għadha mhix approvata sa llum.
Jista' l-Ministru jispjega fuq liema kriterji u b'liema mod tender ta' Lm 2,357,2000 taħt ir-riferenza L/A 630/95 li tikkonċerna tindif ta' drenaġġ ġiet mogħtija mingħajr ma saret sejħa pubblika? Jista' jgħid x'kienet il-motivazzjoni wara din l-għotja meta wieħed iqis illi x-xogħol ta' drenaġġ kien fdat f'idejn l-istess kuntrattur u r-riżultati kienu negattivi u xejn sodisfaċenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratt relatat mal-'Letter of Acceptance' (LA 630/95) ingħata fl-1995, wara sejħa pubblika għall-offerti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti fl-avviż numru CT 481/94. Il-kuntratt ingħata bl-istess kriterji li jingħataw il-kuntratti pubbliċi kollha u ċioe' l-aħjar prezz għal għodda u xogħol skond il-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, nistqarr li l-Onorevoli Interpellant ma spjegax ruħu b'mod ċar.