B'referenza għat-twegiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 28913, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm offerti ta' anqas minn Lm 10,000 jiġifieri l-ammont massimu stipulat f'dan it-tender skond paragrafu 3.5 f'dan id-dokument?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Le, ma nikkonfermax għax l-ammonti ta' l-offerti, inkluża l-VAT, jaqbeż l-Lm10,000.
Jista' l-Ministru jgħid eżatt kemm hemm fondi allokati sabiex titħejja t-tieni komunikazzjoni ta' Malta lill-Ġnus Magħquda taħt il-Konvenzjoni tal-Bdil tal-Klima?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-fondi allokati biex titħejja t-tieni komunikazzjoni ta' Malta lin-Nazzjonijiet Uniti taħt il-Konvenzjoni tal-Bdil tal-Klima huma US $ 405,000.(erba' mija u ħamest elf dollari amerikani).
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-MEPA fuq re-development tal-Jerma Palace Hotel f'Wied il-Għajn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-pjan għan-Nofsinhar ta' Malta li ġie approvat hemm policy speċifika li tirrigwarda dan is-sit. Il-policy tgħid hekk:
SMMS 15 - Development Brief for Jerma Palace Hotel site
Any development proposals on the Jerma Palace Hotel site will be subject to the submission of a Development Brief to be drawn up following Terms of Reference provided by MEPA. Whilst the development of the site should focus primarily on the provision of tourist accommodation, MEPA will consider other development options which would include residential and commercial development, provided these are part of a comprehensive development of the area and should include sufficient public urban open space whilst retaining access to the foreshore.
Jista' issa l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28628, 28823 u 29034 u jgħid jekk hemm xi proġett maħsub għall-Little Armier peress li l-inħawi huma mitluqa u żdingati u hemm bżonn li jiġu rranġati u msebbħa l-faċilitajiet li hemm u li qed jagħtu impressjoni ħażina lit-turisti u lill-Maltin li jżuru l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan il-Ministeru mhuwiex il-Ministeru responsabbli mit-tisbiħ, iżda huwa nvolut f'diskussjonijiet ma' Ministeri oħrajn biex ikun hemm titjib fl-inħawi.
Peress li l-Imsida hemm żewġ blokki appartamenti magħrufa mill-MEPA fejn il-permessi inizjali ta' appartamenti ġew mibdula u issa hemm gzuz ta' mini appartamenti mikrija lill-barranin, u peress li dan biddel kemm il-kuntratt ta' bejgħ ta' appartamenti lill-Maltin u anke l-ġeneru ta' xogħol għaliex issa hemm mijiet joqogħdu f'dawn l-appartamenti kollha bi ħlas, u peress li nafu li l-MEPA kienet indikat dati fejn is-sidien kellhom jirranġaw il-pożizzjoni tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'ġara minn din id-data sal-lum? Hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiddeskrivi aħjar għal-liema sit qiegħed jirreferi, idejalment permezz ta' site plan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed isir riċiklaġġ tal-ħġieġ f'pajjiżna? Għand liema kumpanniji jew f'liema faċilitajiet il-fabbriki jistgħu jieħdu l-ħġieġ għar-riċiklaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fis-snin li għaddew l-ammont ta’ ħġieġ li nġabar mill-WasteServ Malta Ltd għar-riċklaġġ kien hekk:
2002 – 6.2 tunellati
2003 – 59.1 tunellati
2004 – 318.43 tunellati
2005 – 717.57 tunellati
2006 – 1,372.02 tunellati
Il-ħġieġ għar-riċiklaġġ jista' jittieħed fil-Facilità Temporanja għas-Separazzjoni u l-Ħażna ta’ l-Iskart fil-Marsa sakemm jitlesta l-impjant modernizzat ta' Sant'Antnin.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-MEPA xtratx xi bini ġdid għal użu bħala uffiċini? Jekk fl-affermattiv, fejn hu dan il-bini u x'inhu l-valur tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) daħlet f'konvenju għal xiri ta' utile dominum temporanju ta' propjetà fil-Marsa għall-perjodu rimanenti mit-term oriġinali ta' 99 sena li beda jipperkorri f'Ottubru 1992 għall-prezz ta' Lm1,828,000. Il-validità finanzjarja ta' din il-proposta kienet tressqet u ġiet approvata mill-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal bus shelters inkluż il-lokalita' fejn huma applikati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) iżżomm din it-tip ta’ informazzjoni dwar applikazzjonijiet kif rikjest mill-Onorevoli Interpellant fuq is-sistema ta’ l-informatika tagħha u din hija aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-istess Awtorità.
B’riferenza għar-risposta li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 28772, jista’ l-Ministru jidderieġi lill-MEPA biex dawn jaraw jekk it-triq saritx skond kif ġie stipulat minnha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li mid-data msemmija sal-lum ma jirriżultax li l-Land Survey Unit ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qatt ġie avviċinat biex jingħataw livelli għal re-surfacing f’din it-triq. Din kienet il-prattika ta’ dawk iż-żminijiet, jiġifieri li meta jsir re-surfacing ma jitqaxxarx il-wiċċ tat-triq eżistenti. Għaldaqstant, il-parir tal-MEPA f’każ ta’ re-surfacing dejjem ikun li għandhom jinżammu l-livelli oriġinali.
Jista' l-Ministru jikkonferma u jgħid x'passi ttieħdu mill-MEPA biex ma jinfetaħx bla permess bieb mill-Fabbrika Tessons li jagħti fuq triq dejqa residenzjali ġo Hal Qormi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 28745.
Ħal Farruġ — Impatt ambjentali u s-saħħa tal-familji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-buffer zone li oriġinarjament kien ippjanat li kellu jinbena madwar l-industrial estate ta’ Ħal Luqa, biex jifred l-area industrijali minn dik residenzjali u biex itaffi mill-impatt negattiv ambjentali b’risq is-saħħa tal-familji residenti f’Ħal Farruġ?
Għaliex il-
bounday wall
li kellu jkun ta’ ċertu għoli ma sarx mad-dawra kollha kif kien ippjanat?
Għaliex ma tkompliex ix-xogħol tat-tħawwil tas-siġar mad-dawra kollha fejn kellu jinbena l-
buffer zone
bejn l-
industrial estate
u r-residenzi?
Għaliex ma nbeniex l-aħħar
boundary wall
mad-dawra kollha biex jitkompla b’mod sħiħ dan il-
buffer zone
, iżda llum hemm biss ċint ta’ mhux aktar minn 4 filati?
Għaliex il-pjan ta’
buffer zone
ġie injorat u abbandunat, anzi f’ċerti partijiet ingħataw il-permessi għal aktar zvilupp industrijali matul dawn l-aħħar snin, meta hemm saħħet il-popolazzjoni li taqbeż għadd ta’ mijiet ta’ nies f’Ħal Farruġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-buffer zone mad-dawra tal-qasam industrijali tifforma parti mill- master plan PA 191/98 u mill-permess PA 5097/95 għall- bini ta' ħajt (boundary wall) mad-dawra taż-żona industrijali ta' Ħal Luqa u wkoll għal tħawwil ta' siġar mad-dawra ta' l-istess ħajt. Dan il-permess inħareġ fis-26 ta' Marzu 1997 lill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp u kien validu għal tliet snin estiżi b’sentejn. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ukoll għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru 28923.
Ħal Farruġ — Żvilupp industrijali qrib ir-residenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-petition tar-residenti fl-area ta’ Ħal Farruġ, f’Ħal Luqa dwar l-iżvilupp industrijali approvat mill-MEPA fil-viċinanza ta’ Triq l-Egrett l-Isfar u Triq l-Egrett l-Abjad?
Jista’ jgħid x’permessi għal bini industrijali ħarġu s’issa mill-MEPA f’din l-area?
Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra site plan immarkata bl-art li ġiet mogħtija permessi għall-iżvilupp industrijali mill-MEPA u xi pjani għandha l-MEPA għal żvilupp industrijali fil-futur f’din l-area partikolari?
Jista’ jgħid xi studji saru mill-MEPA dwar l-impatti ambjentali u soċjali li dan l-iżvilupp se jħalli fuq din l-area? Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra r-riżultati ta’ dawn l-istudji u oħrajn li saru fuq din l-area b’effett ta’ żvilupp ġdid industrijali?
Jista’ jgħid jekk dawn il-permessi għal żvilupp industrijali daqshekk qrib ir-residenzi tal-familji, liema residenzi ilhom li nbnew aktar minn 22 sena, jikkonformawx mal-pjani ta’ żvilupp li ġew approvati, u ma’ regolamenti ambjentali u s-saħħa u s-sigurta’ tan-nies kif stabbiliti mill-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-petizzjoni li saret mir-residenti li joqogħdu fit-toroq imsemmija saret waqt il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika rigward il-pjan lokali għan-nofsinhar ta' Malta. Il-punti li tqajmu f'din il-petizzjoni wasslu biex titfassal policy speċifika (SMLU 09) għal din il-parti taż-żona industrijali u li ġiet inkluża fil-pjan li kien approvat f'Awissu 2006.
Il-permessi li nħarġu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-area industrijali ta’ Ħal Farruġ jinkludu permess outline għal master plan ta’ l-estate (maħruġ f’PA 4079/93 u emendat permezz ta’ PA 191/98) kif ukoll permess separat (PA 5097/95) għall-bini ta’ boundary wall li jifred l-area industrijali mill-area residenzjali. Numru konsiderevoli ta’ permessi fuq siti individwali ġew ukoll proċessati mill-Awtorità skond il-master plan approvat. L-art mogħtija għall-iżvilupp industrijali kienet approvata bil-permess PA 191/98. Il-pjan ta' l-Awtorità għal dan il-qasam huwa espress fis-South Malta Local Plan kif approvat f’Lulju ta’ l-2006 wara proċess ta’ konsultazzjoni. Filwaqt li l-pjan jikkonferma l-area bħala żona industrijali, policy SMLU 09 ta’ l-istess pjan tesiġi li l-attività industrijali qrib l-area residenzjali ma toħloqx impatti negattivi.
Il-proċess ta’ l-applikazzjoni għall-master plan ma kien jinkludi ebda studju ambjentali minħabba li l-area kienet diġà stabbilita bħala żona industrijali filwaqt li l-intenzjoni tal-master plan kienet li ttejjeb l-ambjent ġenerali tal-qasam waqt li tnaqqas l-impatt negattiv fuq l-iżvilupp residenzjali fil-qrib.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28668, jista' l-Ministru jgħid min kienu ż-żewġ offerenti għal din it-tender u liema kienu dawk il-ħteġijiet li ma ġewx sodisfatti fl-offerta tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ż-żewġ bidders għal din it-tender kienu Dr Saviour Xerri u Geotek Services. Iż-żewġ offerti jaqbżu l-massimu stipulat fit-tender document.
Jista’ l-Ministru jgħid jafx bil-passaġġ/mogħdija fi Triq Patri Indri Schembri, Luqa li għal dawn l-aħħar 25 sena kienet tintuża minn bdiewa kif ukoll min-nies li jkunu jridu jmorru l-Wied il-Kbir ta’ Ħal Luqa, li ġiet żgumbrata bi kwantita’ kbira ta’ terrapien?
Jista’ jgħid x’se jsir biex il-passaġġ/mogħdija msemmija titnaddaf biex dan l-iskart li qed joħloq inkonvenjent kbir għan-nies li jużaw din il-mogħdija ma jibqax?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet diġá investigat dan il-każ meta rċeviet ilment ftit ta' żmien wara li ntefa' l-materjal. Fil-fatt, il-munzelli ta' terrapien li mblokkaw il-passaġġ in kwestjoni twittew mingħajr ħtieġa t'azzjoni t'infurzar bir-riżultat li t-trejqa reġgħet infetħet kif kienet. Dan kien ikkonfermat minn spezzjoni li saret.
Ħal Farruġ — Implimentazzjoni u Infurzar tar-Regolamenti tal-MEPA
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’permessi ħarġu mill-MEPA għall-iżvilupp ta’ industrija li sal-lum il-bini tagħha għadu mhux komplut, iżda qed isir xogħol minnha fi Triq l-Egrett l-Isfar, f’Ħal Farruġ?
Jista’ jgħid b'mod konkret x’passi ttieħdu fl-interess tal-ħaddiema u tar-residenti ta’ Ħal Farruġ minħabba emissions, ħmieġ u skart industrijali li qed jitħalla minn industrija li qed topera minn dan il-bini mhux komplut u li ġie żviluppat matul din l-aħħar sena fl-area qrib Triq l-Egrett l-Isfar?
X’inhuma d-direttivi li ngħataw lil din l-industrija biex l-emissions, ħmieġ u skart industrijali ma jibqgħux jaffettwaw b’mod ħażin lill-ħaddiema u lir-residenti msemmija?
X’qed isir biex l-awtorita’ tassigura li d-direttivi qed jiġu segwiti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-7 ta' Mejju 2005 ħarġet permess ta' żvilupp PA5481/03 biex jinbena workshop ta' mastrudaxxa f'din l-area industrijali. L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ġiet fil-fatt ikkonsultata waqt il-proċess ta' din l-applikazzjoni (PA 5481/03) però din ma sabitx oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp propost.
Rigward ħmieġ, l-operatur huwa obbligat iżomm il-viċinanzi tal-fabbrika nodfa biex ma jikkawżax ħsara lis-sura u d-dehra tal-madwar. Fil-fatt huwa għadu kif jiġi ordnat inaddaf xi materjal li deher ikerrah il-post u huwa beda din l-operazzjoni.