Legislature:
Category:
Reset
Active:

INIA — Impjegati part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati part-time ġewwa l-INIA? Kemm sigħat huma obbligati li jaħdmu fil-ġimgħa? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Direttur preżenti ta' l-INIA hu tal-fehma li l-għoti fil-pubbliku ta' nformazzjoni dettaljata dwar l-operat ta' l-Istitut tmur kontra l-ftehim li jirregola l-Istitut. 28.4.99

INIA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati fiċ-ċentru ta' l-INIA qabel ma d-direttur preżenti ħa l-ħatra tiegħu? Kemm hemm impjegati llum u x'inhu l-grad, l-eta' u s-salarju tagħhom? Xi kwalifiki għandu kull wieħed mill-impjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għal din il-Mistoqsija. 28.4.99

INIA — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-ġranet li d-direttur ta' l-INIA kien nieqes minn Malta mill-ħatra tiegħu 'l hawn? Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti fuq iż-żjarat uffiċjali u jistax ipoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm swew lill-INIA dawn iż-żjarat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għall-parti kbira ta' din il-Mistoqsija. Nikkonferma li ma saru l-ebda rapporti lill-Gvern dwar iż-żjarat uffiċjali barra minn Malta li għamel id-Direttur preżenti. Jien infurmat li l-ispiża għal żjarat uffiċjali barra minn Malta mid-Direttur, kif indikata fil-kontijiet tal-Istitut, tlaħħaq l-ammont ta' Lm873. 28.4.99

INIA — Żjarat barrra minn Malta tad-direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel id-direttur ta' l-INIA barra minn Malta? Kemm minn dawn kienu żjarat uffiċjali, fejn saru u meta kienu? X'kienu l-għanijiet ta' kull żjara barra minn Malta? Jista' l-Ministru jgħid x'ħareġ konkretament minn kull żjara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għal din il-Mistoqsija. 28.4.99

Persuni b'diżabilita' — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li qed jirreġistraw għax-xogħol, kemm minnhom huma nisa u x'inhi l-eta' tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni qed jirreġistraw bħala labourers? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni qed jieħdu xi forma ta' benefiċċju tas-sigurta' soċjali u kemm qed jieħdu benefiċċju marbut mad-diżabilita' li huma jsofru? Jista' imbagħad il-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li qed igawdu minn xi benefiċċju amministrat mis-Segretarjat tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'? Jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni bin-numru ta' persuni għal kull benefiċċju separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni b'diżabilita' li f'Ottubru 1998 kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 282. Minnhom kien hemm 40 mara. L-eta' tan-nisa tvarja bejn 18 u 54 sena. Sittin persuna kienu qed jirreġistraw bħala labourers. Il-persuni kollha msemmija aktar 'l fuq, kienu jieħdu xi forma ta' benefiċċju Soċjali mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, filwaqt li 76 minnhom kienu jieħdu benefiċċju marbut mad-diżabilita' li huma jsofru. Bejn il-perjodu Ottubru 1997 u Settembru 1998, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' qdiet dawn in-numri ta' persuni b'diżabilita' skond il-benefiċċji partikolari kif jidher hawn taħt: Reġistru Nazzjonali tal-Persuni b'Diżabilita' 641 persuna Karta tal-Identita' Speċjali 501 persuna Servizz Għajnuniet Speċjali 225 persuna Ċentru ta' Riżorsi 427 persuna Rakkomandazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq karozzi 130 persuna Rakkomandazzjoni għall-eżenzjoni mil-liċenzja fuq karozzi 135 persuna Rakkomandazzjoni għall-Blue Sticker 388 persuna Rakkomandazzjoni għall-Reserved Parking 26 persuna Rakkomandazzjoni għall-Keep Clear 29 persuna 28.4.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol (part 2) fl-aħħar ta' Jannar 1999? Għal-liema tip ta' xogħol qegħdin jirreġistaw għax-xogħol dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq it-tieni parti tar-reġistru (part 2) fl-aħħar ta' Diċembru 1998 kien ta' 473. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn turi għall-liema tip ta' xogħol kienu qegħdin jirreġistraw. 28.4.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-eta' tal-pensjoni tinbidel? Jekk iva, x'inhuma l-pjani ta' l-eta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Nru. 3985. Nżid li wieħed ikun irid jgħarbel ir-rakkomandazzjonijiet ta' din il-kummissjoni nazzjonali dwar xi tibdiliet futuri fl-iskema tal-pensjoni. 28.4.99

Ċentru Ħidma Soċjali — Ġnien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża ta' kostruzzjoni li saret bejn l-1994 u l-1996 fil-ġnien ta' fuq wara taċ-Ċentru Ħidma Soċjali? Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'annimali? Jista' jgħid kemm intnefqu flus f'paguni? Min kien responsabbli tax-xogħol u minn min saru? Jista' l-Ministru jgħid lil min sar il-ħlas u jekk għal dan ix-xogħol inħarġux tenders, inġabrux kwotazzjonijiet jew ingħatax b'direct orders?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward annimali (għasafar) u pagun, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kienet ingħatat għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 2598 fi Frar 1997. Rigward il-ġnien żgħir li ġie rranġat u li jinsab fuq wara taċ-Ċentru Ħidma Soċjali, ix-xogħol sar minn impjegati tal-Gvern u sar ukoll xogħol volontarju minn xi ħabsin. Għalhekk, dan ix-xogħol la kien jirrekjedi tenders u lanqas kwotazzjonijiet. Peress li dan ix-xogħol sar minn impjegati tal-Gvern mhux possibli li tiġi kkalkolata l-ispiża għax l-ispiża kienet kważi kollha ta' pagi. 28.4.99

Djar — Allokazzjoni ta' postijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-postijiet li ġew allokati mill-elezzjoni sal-lum? F'liema lokalita' u f'liema dati ġew allokati? Jista' l-Ministru jinformana wkoll dwar il-marki li kellhom biex ikkwalifikaw biex jieħdu l-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 28.4.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-direttur tad-Dipartiment ta' l-Anzjani huwiex qiegħed juża karozza tal-Gvern? Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'petrol/diesel għal karozza li juża xahar b'xahar mill-bidu tal-ħatra tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iva, l-Aġent Direttur għall-Anzjani qiegħed juża karozza tal-Gvern. Dan bi dritt bħal Direttur oħra. Huwa beda juża din il-karoxxa mill-ewwel ġimgħa ta' Jannar 1999. Sakemm inġabret din l-informazzjoni (24.02.99) f'petrol kien intefaq Lm33. 28.4.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'salarju u x'allowances qiegħed jingħata l-Aġent Direttur tad-Dipartiment ta' l-Anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġent Direttur għall-Anzjani jitħallas bħala uffiċjal fi skala 7 u ma jitħallas l-ebda allowance li għandha x'taqsam ma din il-pożizzjoni. Il-post ta' Direttur għall-Anzjani suppost jitħallas bħala uffiċjal fi skala 4. Bħala gradwat, l-Aġent Direttur jirċievi qualification allowance ta' Lm12.50 fix-xahar. 28.4.99

SWDP — Full complement

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm suppost hu l-full complement tal-SWDP? Kemm hemm nies neqsin? X'qed isir biex jintlaħaq full complement?

Response (GONZI, LAWRENCE)

S'issa qatt ma kien hemm "full complement" definit għall-SWDP. Barra minn hekk, taħt 22 xahar ta' amministrazzjoni Laburista, l-SWDP kien tnaqqsilha l-"complement" tagħha sostanzjalment. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant kif tnaqqas il-baġit tal-SWDP, li fuqu jiddependi l-ingaġġ ta' staff: 1996 - Lm405,000 1997 - Lm390,000 (baġit Laburista) 1998 - Lm290,000 (baġit Laburista) 1999 - Lm415,000 Meta sirt Ministru responsabbli mill-SWDP, awtorizzajt li jiġu ingaġġati immedjatament social workers fit-Taqsima Vjolenza Domestika u fit-Taqsima Servizzi Protezzjoni tat-Tfal li l-SWDP kienet ilha żmien twil titlob lill-amministrazzjoni Laburista permess, bla suċċess, biex timpjegahom. Fil-fatt, f'Novembru 1998 daħlu jaħdmu seba' social workers ġodda fuq bażi "full time" fit-taqsimiet indikati. Wara dan l-ingaġġ, ingħatat ukoll l-awtoriżżazzjoni (liema awtoriżżazzjoni ma kienx hemm fiż-żmien l-amministrazzjoni Laburista) biex jiġu mpjegati numru ta' staff amministrattiv. Il-"full complement" ser jiġi deċiż fid-dawl tal-konklużjonijiet li joħorġu mill-"operations review" tal-SWDP u s-settur soċjali li ser jkun lest sa l-aħħar ta' Ġunju 1999. 28.4.99

Anzjani — CSAs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu CSAs mad-Dipartiment ta' l-Anzjani mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Mil-liema lokalita' ġew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum 3 ta' Marzu 1999 daħlu 44 C.S.A.'s li huma mill-lokalitajiet li ġejjin: B'Kara; Ħamrun; San Gwann; Naxxar; Żejtun; Qormi; Marsa; Paola; Żebbuġ; Balzan; Mġarr; St Andrew's; Kalkara; Attard; Fgura; Mqabba; Gżira; St Venera; St Julian's; Cospicua; Żurrieq; Mosta; Sliema; Lija; St Paul's Bay; Luqa; Gudja; B'Buġia; Iklin. Minn dawn 27 ġew 'replaced' għax 27 rriżenjaw u 16 daħlu flok is-16 li ħarġu bis-Sick, u mhux qed jirrapportaw għax-xogħol. 28.4.99

Industriji — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ħaddiema nisa u rġiel jaħdmu fl-Industrija fulltime u part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi għat-Tweġiba "interim" li tajt fis-Seduta Nru. 76, u nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema industrija qed tirreferi f'din il-Mistoqsija Parlamentari, biex inkun nista nagħti l-informazzjoni mitluba b'mod korrett. 28.4.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jaf il-Ministru li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qatt ma kellha fejn tirrisjedi u llum għadha tgħix ma' missierha flimkien mar-raġel u t-tifel tagħha? Jaf il-Ministru li għalkemm ilha tapplika ħames snin u indikat diversi indirizzi xorta baqgħat ma ngħatatx akkomodazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ indikat qed jiġi kkuunsidrat fid-dawl tan-numru ta' applikazzjonijiet simili li għandu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-allokazzjoni ta' postijiet m'hix bażata fuq kemm wieħed jindika postijiet iżda fuq il-bżonnijiet reali tal-applikanti. 28.4.99

Għaqda ta' Persuni b'Diżabilita' — Ċentru f'Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-fergħa ta' l-Għaqda ta' Persuni b'Diżabilita' ta' Bormla jkollhom dar sbaiex isservi ta' ċentru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġett diġa ġie diskuss ma l-għaqda msemmija. Mhux faċli daqs kemm wieħed jixtieq li tinstab soluzzjoni bħal din u dan għal raġunijiet li huma ovvji għal dawk kollha li qed ifittxu akkomodazzjoni alternattiva. Madanakollu l-Ministeru jibqa miftuħ għal soluzzjonijiet raġjonevoli. 28.4.99

Anzjani — Dħul fi djar tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani fil-waiting list jistennew li jidħlu fi djar tal-Gvern ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ammont ta' Anzjani li qegħdin fil-'waiting list' jistennew li jidħlu fid-djar tal-Gvern huwa 596 u hemm ukoll 52 fil-'waiting list' għad-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla li għadha mhix miftuħa. 27.4.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3303, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti relevanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet dwar ir-riċevimenti jew ikliet in kwistjoni ngħatat diġa', ma marax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant. 27.4.99