Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjonijiet għas-Servizzi ta' l-Ilma kenitx taf bil-varjazzjonijiet kollha ta' xogħol u apparat/makkinarju li saru fuq l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex u li t-talba tal-kuntratturi għal ħlas tagħhom ma ġietx aċċettata mill-Korporazzjoni? Jekk dan il-varjazzjonijiet saru mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għaliex tħallew isiru? Jekk dawn il-varjazzjonijiet saru bl-approvazzjoni minn qabel tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għaliex ma aċċettatx li jitħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-varjazzjonijiet li ntalbu in konnessjoni mal-kuntratt ta’ l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex u li ma ġiex aċċetatti huma kollha relatati ma’ xogħolijiet strutturali. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma issostni li dawn ix-xogħolijiet kellhom isiru mill-kuntrattur skond it-termini oriġinali tal-kuntratt mingħajr kumpens finanzjarju oltre’ dak previst fil-kuntratt. Dan għax ix-xogħolijiet li għalihom il-kuntrattur talab varjazzjoni, kienu fil-fatt xogħolijiet li jaqgħu taħt l-iskop oriġinali tal-kuntratt u b’hekk ma kien hemm ebda każ ta’ varjazzjoni. Barra minn hekk, tajjeb wieħed jgħid li il-kuntrattur huwa obligat taħt il-kuntratt (FIDIC ‘Plant & Design-Build’ Conditions of Contract - Klawżola 20.1) li jinnotifika lill-klijent fi żmien 28 ġurnata li jsir jaf jew kellu jsir jaf li xi avveniment seta’ jwassal għal bżonn ta’ varjazzjoni. Skond din il-kondizzjoni, jekk in-notifikazzjoni ma ssirx fi-terminu ta’ żmien imsemmi, ma jkun hemm l-ebda lok għall-konsiderazzjoni ta’ varjazzjoni li toriġina mill-istess avveniment. Il-kuntrattur qatt ma kien għamel tali notifiki, minkejja li r-rappreżentanti tal-KSI għal aktar min-sena sħiħa kienu jttennu dan il-punt fil-laqgħat li kien ikollha regolarment mal-kuntrattur. Il-KSI kienet ripetutement taċċenna għal din il-klawżola fil-kuntratt sabiex il-kuntrattur jinnotifikaha b’xi varjazzjonijiet li seta’ kellu l-ħsieb jissottometti għal-konsiderazzjoni tal-KSI. L-iskop ta’ din il-klawżola hu li tiġi evitata akkumulazzjoni ta’ varjazzjonijiet li jkunu sottomessi kollettivament fl-aħħar stadji tal-kuntratt mingħajr l-iċken ħjiel jew prenotifikazzjoni minn naħa tal-kuntrattur.

Solar water heaters

Question

Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari 28857 minħabba li hija ta' interess ġenerali għall-konsumaturi ta' l-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-għajnuna li tagħti l-Korporazzjoni Enemalta f'dawn il-każijiet huma r-refund ta' applikazzjoni. It-talba għar-refund trid ssir meta japplikaw għas-servizz ta' l-elettriku. Qabel is-sena 2005 Solar Water Heater kellu ikun installat qabel ma l-Korporazzjoni Enemalta tinstalla l-meter. Din l-iskema ġiet irranġata fis-sena 2005 u beda jingħata perjodu ta' 3 xhur mid-data ta' l-applikazzjoni biex jiġi nstallat Solar Water Heater. Din l-iskema l-ġdida involvit aktar spejjeż lill-Korporazzjoni għax l-ħaddiema jridu jmorru darbtejn għand il-konsumatur. Ir-Refund li tagħti l-Korporazzjoni Enemalta hija l-fee li titħallas ma l-applikazzjoni. Dan ir-refund ma jistax jibqa pendenti għal tul taż-żmien u l-Korporazzjoni hija ta' l-opinjoni li tlett xhur huwa biżżejjed sabiex wieħed jagħmel it-talba tiegħu għar-refund. Il-Ministeru tiegħi madankollu m'huwiex kuntent bil-perjodu ta' tlett xhur li fil-preżent qed jingħata mill-Korporazzjoni u ser jagħti direzzjoni lill-istess Korporazzjoni sabiex testendi dan il-perjodu.

Msida — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tar-residenti mill-Imsida, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, dwar overflowing jew seepage ta' drenaġġ fil-bitħa tagħhom minn Triq Ċensu Farrugia, Msida li qed joħloq inkonvenjent kbir għalihom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Air Traffic Services Limited

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma s-salarji ta' dawn il-gradi li jaħdmu fil-Malta Air Traffic Services Limited: Manager External Relations Manager Finance & Administration Manager Operations Manager Technical Services Executive ACC Airspace & Systems Executive Admin. Operations Executive Corporate Training Executive Technical Services Aerodrome Coordinator Training Coordinator AISU Coordinator Safety Coordinator?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Freeport zone — Biċċa art

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari W435, jista’ l-Ministru jgħid meta se tittieħed deċiżjoni minħabba li issa għaddew numru ta’ snin?

Response (GATT, AUSTIN)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari nru W 436, ninforma lill-Onor. Membru li f'dan l-istadju m'għandiex xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru W 435.

Liġi tal-health and safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar tlett snin nżammu aktar minn risk assesment wieħed. Ir-risk assesments li nżammu kienu kollha interni li fuq dawn ir-rapporti saru x-xogħolijiet neċessarji inklużi strutturali biex titjieb s-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol.

Ġarr ta' merkanzija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-esportaturi humiex moqdijin bis-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija lejn swieq fejn il-fabbriki tagħna jesportaw lejn pajjiżi oħra peress li hemm ilmenti serji li m'hemmx servizzi adegwati u hemm min qed jaħseb li jitlaq minn Malta minħabba f'hekk?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru tieghi mhux responsabbli mill-ġarr tal-merkanzija bill-baħar

Zejtun — Boathouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu boathouse r-Ramla taz-Zejtun applika u għadhom ma tawhx id-dawl? Kemm hemm li ngħataw d-dawl f'din l-istess area tiegħu? Kemm minnhom għandhom l-istess problema ta' dan l-anzjan? Kemm jonqoshom biex jingħata d-dawl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar mill-Enemalta ma jirriżultax li saret applikazzjoni għas-servizz tal-elettriku taħt l-isem mogħti separatament ma din il-mistoqsija parlamentari. Ma ġewx irreġistrati applikazzjonijiet tad-dawl f'din l-istess area fl-aħħar sena.

Enemalta — Hedging agreement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28903, 28955 u 29115 u jgħid jekk l-Enemalta għamlitx hedging agreement għax-xiri taż-żejt li jkopri s-sena l-oħra, din is-sena u s-sena d-dieħla? Jekk iva, kemm jivvaluta li kien f'miljuni ta' liri dak li ffrankat l-Enemalta fuq il-prezz taż-żejt kif inhu llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Hamrun — Nixxiegħa ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk hemmx xi leakage fil-main ta' l-ilma fi triq ġdida fi Triq id-Dielja, Tar-Rabbat Housing Estate, Hamrun (in-naħa tal-garages) peress li hemm nixxija ta' ilma ċar fil-basements tad-djar tal-madwar?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor. Interpellant hu mitlub jindika b'mod aktar preċiż it-triq li qed jirreferi għaliha għax skond ma jien infurmat ma jirriżultax li hemm Triq id-Dielja , Tar-Rabbat Housing Estate, Ħamrun.

Arbli

Question

Jista' l-Ministru jivverfika meta se jinqalgħu ż-żewġ arbli ta' l-Enemalta li qegħdin fi Triq il-Gandlora c/w Triq Hali, Żebbuġ liema talba għall-qlugħ ta' l-arbli saret f'Awissu 2007 (D 484/07)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-talba oriġinali (taħt l-applikazzjoni D484/07) kienet għat–tneħijja t’arblu wieħed. Ix-xogħol tal-linji fuq dan l-arblu sar ġimgħat ilu. Wara li sar dan ix-xogħol, saret talba verbali biex jitneħħa arblu ieħor. Ix-xogħol fuq it-tieni arblu għandu jitkompla fi żmien qasir.

Mistoqsijiet waqt estimi tal-budget

Question

Jista' l-Ministru gentilment iwiegeb dawn il-mistoqsijiet li qajjimt fl-intervent tiegħi dwar l-estimi tal-budget li jirrigwardaw il-Ministeru tiegħu u li baqgħu bla twegiba: - X’inhi r-reazzjoni tal-Gvern għall-fatt li skond il-Eurostat fejn jidħlu żgħażagħ Maltin bejn is-16 u 24 sena għandna fost l-aktar ranking baxx fost il-pajjizi tal-UE kemm fejn jidħol użu tal- Internet fuq medja ta’ mill-inqas darba fil-gimgħa kif wkoll fejn jidħlu żgħażagħ ta’ l-istess eta’ li huma meqjusa li għandhom computer skills għoljin? - Meta mistenni l-Ministru jippublika lista waħda sħiħa u komprensiva ta’dawk it- tenders kollha kbar tal-ICT ta’ miljuni ta’ liri li il-Kap tas-Segretarjat Privat tieghu serva fuq l- adjudication jew evaluation boards tagħhom u f’ċerti każi anki bhala Chairman ta’ uħud minn dawn il- boards ? - Jista' jippublika lista sħiħa tat- targets tal-pjan strategiku tal-informatika 2004-06 li ma ġewx milħuqa sa tmiem il-pjan? - X’wassal il-Gvern biex jagħti il-kuntratt tal-informatika tal-Mater Dei b’ direct order lill-kumpanija li la tipprovdi hardware jew software u li hija semplici outsourcing company li tfittex providers għas-servizzi jew prodotti meħtiega ‘ at a cost ’ bil-Gvern Malti igorr in-nefqa addizzjonali a spejjez tat- tax payers Maltin u Għawdxin? - Kif jispjega il-fatt li wieħed mill- modules fil-Mater Dei li gie msejjah STATE OF THE ART huwa identiku għal wiehed li id-dipartiment tas-Sigurta’ Socjali jridu jwarrbu għaliex iqisuh antikwat? - X’wassal biex tender dwar Schengen li il-MITTS kienet ħarget u ippublikat fuq il- web site tagħha, għeb wara ftit minkejja li it- Technical Adjudication Panel ikkonkluda l- Adjudication Report u għaliex ir- recommended bidder dwar l-istess tender gie irrifjutat mill- isteering committee ? - Fhiex wasal l-IT Leasing Tender u għaliex il-PCs godda fid-dipartiment tal-Gvern ma issemmew fl-ebda mod fid-diskors tal-Budget jew fl-intervent tal-Ministru? - Huwa minnu li meta sar il- financial analysis ta’ dan it- tender tal- leasing instab li ma kienx jinkludi items li jirrigwardaw l- implementation u l- installation tasks ? - Filwaqt li ntenni l-awguri tieghi li Malta giet ikklasifikata it-tieni fl-informatika tal-Gvern minn CAP GEMINI f’isem l-Unjoni Ewropea, huwa minnu li l-Licensing and Testing li rebħu ħafna punti lill-Gvern lanqas kellhom is-sistemi jaħdmu meta saret l-evalwazzjoni, l- application kienet għadha under construction mill-kumpanija ALERT SUPPLIERS? - Kemm kien hemm vehicles irregistrati on line sa qabel ma sar l-istess benchmarking exercise ? - L-istess jghodd għall-evalwazzjoni li saret dwar eVAT. Kemm saru e-VAT transacations sakemm sar din il- benchmarking ? - Kif u fejn intefqu il-Lm20m imwiegħda f’infieq minn Microsoft f’pajjizna billi fl-intervent tiegħu il-Ministru ikkonferma li dawn il-flus mwiegħda intefqu kollha fiz-zmien stipulat?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informażżjoni mitluba.

Malta Government Technology Inv. Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx nies mis-segretarjat tiegħu involuti fit-tmexxija tal-kumpanija MALTA GOVERNMENT TECHNOLOGY INVESTMENTS LTD.? X’kienet il-ħidma ewlenija ta’ din il-kumpanija kemm ilha mwaqqfa? Huwa minnu li certi Private Training Providers iffirmaw ftehim ma din il-kumpanija fejn gew mitluba/mistiedna jieħdu studenti li ma kienx hemm post jew għalliema għalihom fl-MCAST? B’kemm gew iffinanzjati dawn il-PTPs s’issa? Kemm kien hemm studenti li gew iffinanzjati minn din l-iskema? Kemm kien hemm PTPs li ibbenefikaw minn din l-iskema? U liema kienu? Huwa minnu li din il-kumpanija qeghda f’mod indirett tiffinanzja extra top up allowances li ġieli jlaħħqu madwar Lm2500 il-persuna fis-sena sabiex ma jkunx hemm drain ta’ għalliema fl-ICT Institute tal-MCAST? Huwa minnu li sa ftit zmien ilu id-Direttur ta’ dan l-Istitut kien qed jitħallas is-salarju tiegħu mill-kumpanija Maltacom billi huwa mifhum li il-pakkett finanzjarju li kellu kien ferm ogħla mill-istrutturi ta’ pagi permessi mill-Gvern fi hdan il-qafas tal-istruttura tal-pagi tal-istess Kullegg?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kont tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-kont tad-dawl u l-ilma ta' familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed ikun għoli aktar min-normal? Jista' jgħid jekk hemmx xi problema fir-readings tad-dawl u l-ilma jew xi leakages mid-dar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Hedging agreement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28903 u 28955 u jgħid jekk l-Enemalta għamlitx hedging agreement għax-xiri taż-żejt li jkopri s-sena l-oħra, din is-sena u s-sena d-dieħla? Jekk iva, kemm jivvaluta li kien f'miljuni ta' liri dak li ffrankat l-Enemalta fuq il-prezz taż-żejt kif inhu llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.