Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsir monument sabiex ifakkar l-1 ta' Mejju, 2004? Jista' jgħid fejn se jitqiegħed?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Membru li sa issa ma hemm l-ebda ħsieb li jsir monument sabiex ifakkar l-1 ta' Mejju 2004, iżda ma neskludiex il-fatt li dan jista jsir.
B'riferenza għaċ-ċelebrazzjonijiet tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi sejħiet għal offerti għal min se jorganizza dawn l-attivitajiet? Meta saru, min applika u min intgħażel?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellent li ħarġet sejħa għall-offerti intitolata EU Access Celebrations – tender for the design, organisation and management of a quality national event on the eve of May 1, 2004.
Is-sejħa għalqet illum l-20 ta’ Jannar u għalhekk la nista ngħid min applika u lanqas min intgħażel.
Infurmat biss li kien hemm 16-il persuna u / jew kumpanija li ġibdu kopja ta’ din l-offerta.
Jista' il-Ministru jgħid wara li dehret sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern għall-post ta' Area co-ordinators Skola Sport mal-kunsill Malti għall-isport, kemm applikaw, min kienu u min ġie magħżul? Xi kriterji ġew mitluba? X'inhi n-natura tax-xogħol/dmirijiet tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-ħlas?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Membru li minħabba li dawn il-karigi ta' Area Co-Ordinators mhumiex għall-uffiċjali pubbliċi imma għall-ingaġġ part-time ma nħossx li għandha ssir pubblika lista ta' nies li tinkludi ismijiet ta' dawk li ma' ġewx magħżula.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi mistoqsija speċifika fuq xi individwu li jħossu aggravat nitolbu bil-metodu tas-selezzjoni jgħaddi l-isem taħt karta separata mal-mistoqsija u nindaga fuq il-każ partikolari.
Il-kriterji meħtieġa u li ġew mitluba kienu illi l-applikanti jkollhom kwalifiki akkademiċi jew tekniċi fil-qasam ta' l-isport, esperjenza ta' tagħlim jew coaching f'attivitajiet motorji f'diversi dixxiplini sportivi, abilita' li torganizza u timplimenta programmi ta' rikrejazzjoni u edukattivi għat-tfal.
Fost in-natura tax-xogħol u dmirijiet mitluba hemm illi Area Co-Ordinator ikun responsabbli mill-area, mill-għalliema u coaches assenjati lilu, mill-faċilitajiet, is-syllabus, attrezzaturi, attendenzi tat-tfal u ta' l-għalliema, filwaqt li jżomm ko-ordinazzjoni kontinwa ma' l-iSkolasport Co-Ordinator u l-Kunsill Malti għall-Isport.
Il-ħlas huwa ta' Lm 14.00 kull sessjoni ta' 3 siegħat il-waħda, kull nhar ta' Sibt minn Ottubru sa' Mejju.
Jista' il-Ministru jgħid wara li dehret sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern għall-post ta' Sports instructors/coaches Skola Sport mal-kunsill Malti għall-isport, kemm applikaw, min kienu u min ġie magħżul? Xi kriterji ġew mitluba? X'inhi n-natura tax-xogħol/dmirijiet tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-ħlas?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li minħabba li dawn il-karigi ta' Sports instructors/coaches mal-Kunsill Malti għall-Isport mhumiex għall-uffiċjali pubbliċi imma għall-ingaġġ part-time ma nħossx li għandha ssir pubblika lista ta' nies li tinkludi ismijiet ta' dawk li ma' ġewx magħżula.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi mistoqsija speċifika fuq xi individwu li jħossu aggravat nitolbu bil-metodu tas-selezzjoni jgħaddi l-isem taħt karta separata mal-mistoqsija u nindaga fuq il-każ partikolari.
Il-kriterji meħtieġa u li ġew mitluba kienu illi l-applikanti jkollhom kwalifiki akkademiċi jew tekniċi fil-qasam ta' l-isport, esperjenza ta' tagħlim jew coaching f'attivitajiet motorji f'diversi dixxiplini sportivi, abilita' li torganizza u timplimenta programmi ta' rikrejazzjoni u edukattivi għat-tfal. Mal-lista magħżula hemm żewġ helpers sabiex jgħinu lit-tfal ta' l-iSpecial Class bil-bżonnijiet individwali tagħhom.
Fost in-natura tax-xogħol u dmirijiet mitluba hemm illi Instructor jew Coach ikun responsabbli mill-klassi ta' tfal assenjati, responsabbli ta' l-apparat użat, iżomm l-attendenzi tat-tfal u preparazzjoni bir-reqqa tal-lezzjoni, filwaqt li jżomm ko-ordinazzjoni kontinwa ma' l-Area Co-Ordinator tiegħu.
Il-ħlas huwa ta' Lm10.00 kull sessjoni ta' 2 1/2 il-waħda, kull nhar ta' Sibt minn Ottubru sa' Mejju.
B'referenza għall-proġett fil-forti Chambray x'passi ħadu s'issa l-istrutturi differenti li għandhom responsabiltajiet differenti għall ħarsien tal-wirt storiku u kulturali tagħna? X'passi bi ħsiebhom jieħdu fix-xhur li ġejjin biex dak il-wirt jitħares bis-serjeta' flok jibqa' qisu kerrejja ġdida u kerha fuq l-għolja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-istrutturi huma koperti bil-permessi meħtieġa ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar u sta għal din l-Awtorita’ li tieħu l-passi meħtieġa jekk l-istrutturi li hemm fuq il-forti mhumiex konformi mal-permessi.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun l-involviment tal-ministru fl-attivitajiet li se jsiru fl-1 ta' Mejju, 2004 fl-okkażjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li hu maħsub li se jintnefaq f'dawn l-attivitajiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Membru li l-Ministeru tiegħi taż-Żgħażagħ u Kultura huwa l-Ministeru li qiegħed iħejji l-programm għal dawn l-attivitajiet flimkien ma’ Ministeri u entitajiet oħra.
Il-flus għal din l-attivita’ jridu joħorġu mill-line item – Cultural activities taħt il-vot Rikurrenti tal-Ministeru tiegħi fejn hemm ivvutati s-somma ta’ Lm 235,000.
Spejjeż addizzjonali jistgħu jkunu ffinanzjati minn sponsorships.
Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pitturi u antikitajiet mislufa lill-ambaxxati Maltin
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-mużew nazzjonali ta' l-arti jżommx inventarju dettaljat tal-pitturi u antikitajiet oħra li jsellef lill-ambaxxati ta' Malta? Jekk le, għaliex? Jekk iva, jista' jgħid jekk hux żgur li l-ebda waħda minn dawn l-oħri ma għebet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti jżomm informazzjoni dwar dawk l-opri artistiċi jew storiċi li jiġu mislufa lill-ambaxxati ta' Malta. Din l-informazzjoni tinsab fir-records ta' l-inventarju ta' l-istess Mużew Nazzjonali. Jinżammu wkoll files li fihom korrispondenza u dokumenti dwar trasazzjonijiet ta' xogħolijiet ta' l-Arti u spezzjonijiet li saru matul iż-żmien f'xi wħud minn dawn l-ambaxxati.
Ma kien hemm l-ebda rapport ta' xi opra minn dawn li għebet ħlief għal waħda li qiegħda tiġi investigata.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3644, billi l-Ministru wieġeb li ma jeskludiex il-possibbilta' li xi individwi wrew interess fil-proġett tal-Heritage Park, jista' jgħid jekk kienx hemm xi individwu/i li aċċennaw jew indikaw mal-Ministru, personalment, interess f'dan il-proġett? Jekk iva, min huma? Jekk dan l-interess intwera ma' xi uffiċjal fil-ministeru jew ta' xi dipartiment fid-dekasteru tiegħu, jista' il-Ministru jgħid ma' min u kif sar jaf?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Kif għidt diġa fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 3644 ma neskludiex il-possibilita’ li jista jkun li xi individwi aċċennaw jew indikaw li setgħu jkunu interessati fi proġetti bħal dawn.
Naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza l-fatt li kull Ministru jiġi avviċinat minn xi proposta mingħand xi ħadd li jkun wera interess f’xi proġett partikolari li jista’ jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu – dan huwa normali u ma hemm xejn ħażin b’dan.
Il-ħażin ikun jekk wieħed ikompli jitkellem u jagħti indikazzjonijiet illi wieħed jista’ jaċċetta proposti f’dan is-sens. Fil-każ imsemmi, kull ma sar kienet proposta informali li d-diskors fuqha ma kompliex ikun żviluppat.
Fil-każ tal-proġett tal-Heritage Park bħal ma jaf l-Onor. Membru l-Ministeru tiegħi ħareġ sejħa internazzjonali flimikien mal-U.I.A. (International Union of Architects) u għalhekk jidhirli li l-proċess u l-linja li mexjin fiha hija waħda ta’ trasparenza assoluta.
Ma naħsibx illi hija etika li wieħed joqgħod isemmi ismijiet ta’ idividwi li jkunu tkellmu ma xi Ministru fuq xi suġġett partikolari.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3639, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra s-sottomissjonijiet bil-miktub, jekk hemm, li ġew ippreżentati lill-MEPA, jekk ġew ippreżentati, mis-Sovrintendenza tal-patrimonju kulturali u Heritage Malta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-E.I.A. fuq il-proċess għadu għaddej u sa issa din l-istess E.I.A. għadha ma saritx pubblika mill-M.E.P.A..
Ma naħsibx li huwa xieraq li s-sottomissjonijiet li għamlu l-entitajiet konċernati lill-istess M.E.P.A. jiġu ppubblikati.
Skond proċeduri tal-M.E.P.A. dawn jiġu pubblikati ma l-istess E.I.A. meta din toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2814 u cioe' minħabba li wara l-elezzjoni kien hemm tibdil fil-ministeri minn kif kienu fil-leġislatura li għaddiet, jista' il-Ministru jgħid liema voti waqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u kemm kienu? Kemm intnefaq s’issa minn kull vot separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-voti l-ġodda li għaddew taħt il-Ministeru tiegħi u l-fondi li kien hemm f'kull vot huma kif jidhru fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-fondi allokati lid-Dipartiment taż-żgħażagħ u Sports baqgħu jiġu amministrati mill-istess Dipartiment. Ta' min jinnota li matul is-sena il-bilanċ tal-fondi li kien allokat taħt il-Cost Centre ta' l-Isport ġie mgħoddi lill-Kunsill Malti għall-Isport.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex avviċinat minn ditti ossia kumpanniji li jixtiequ joperaw heritage park fl-inħawi ta' l-Imajdra? Jekk iva, x'kienet in-natura tal-konsultazzjonijiet u f'liema stadju waslu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi ma kellu l-ebda sottomissjonijiet formali għat-treġija tal-Heritage Park mill-privat f'Ħaġar Qim u l-Imnajdra, biss ma neskludiex il-possibilita' li jista' jkun li xi individwi aċċennaw jew indikaw li setgħu jkunu interessati fi proġetti bħal dawn.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3204, jista' il-Ministru jgħid min huma l-operaturi ta' l-Imdina Dungeons? Kemm inkera lilhom parti mill-Palazz Vilhena? Għal kemm żmien u b'liema ħlas? Meta sar il-kuntratt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-operaturi ta' l-Imdina Dungeons huma MDE Ltd.
Il-kuntratti ġew iffirmati mad-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk nitlob lil Onor. membru jagħmel il-mistoqsija lil Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-ministeru tiegħu fuq it-twaqqif maħsub ta' landfill jew tnejn qrib it-tempji ta' l-Imnajdra? Jista' jgħid jekk il-ministeru tiegħu, ossia xi dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu, humiex fi ħsiebhom iressqu oġġezzjonijiet lill-MEPA għat-twaqqif ta' l-engineered landfill(s)?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-politika tal-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura hija msejsa fuq żewġ prinċipji :
L-ewwel prinċipju hu li m’għandu jitwettaq ebda xogħol li b’xi mod jikkomprometti il-valuri ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.
It-tieni prinċipju hu li r-rijabilitazzjoni tal-ħsara lill-pajsaġġ kawżata mill-barrieri għandha tissewwa permezz tar-rijabilitazzjoni ta’ dawn il-barrieri.
Il-proċess biex jiġi identifikat l-aħjar metodu ta’ riabilitazzjoni ta’ dawn il-barrieri qiegħed isir mill-MEPA u naħseb li f’dan l-istadju għandna nħallu dan il-proċess għaddej.
Iż-żewġ entitajiet interessati f’din il-materja huma s-Sovrintendenza ta’ Patrimonju Kulturali u
Heritage Malta
illi diġa għamlu u għadhom jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom lill-MEPA. Uffiċjali tal-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura kellhom ukoll laqgħat mal-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura u mal-kumpanija
Wasteserv
.
Billi l-Ministru stqarr pubblikament li engineered landfill waħda fl-inħawi tat-tempji ta' l-Imnajdra hija suffiċjenti u billi l-ministeru tiegħu nieda kompetizzjoni għall-periti biex ilestu pjan għall-heritage park f'dawn l-inħawi - bi struzzjonijiet biex jaħsbu għall-inklużjoni possibbli jew probabbli ta' engineered landfill(s) fil-viċinanzi - jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt li l-heritage park tkun qrib engineered landfill?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3639.
Jista' il-Ministru jgħid x'kordinazzjoni jew x'konsultazzjoni għaddejja bejn il-ministeru tiegħu u l-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura fuq il-kwestjoni ta' l-engineered landfills?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3639.
Riferibbilment għat-twaqqif maħsub ta' engineered landfill(s) fl-inħawi ta' l-Imnajdra, ma jaħsibx il-Ministru li, apparti l-viċinanza tal-landfill(s) għat-tempji, se jiġi ġġenerat traffiku ta' scammels u inġenji oħra ta' l-iskart li se jgħaddu mill-istess toroq li bihom wieħed jaċċedi għat-tempji kif ukoll għal qualsiasi heritage park ipproġettata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3639.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti, studji u oġġezzjonijiet kollha li rċieva l-ministeru tiegħu fuq il-kwestjoni ta' l-engineered landfills mingħand dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kif ukoll mingħand organizzazzjonijiet awtonomi, nazzjonali u esteri fuq l-istess kwestjoni? Jista' jgħid jekk ikkummissjonax studji interni fuq l-impatt tal-landfills fuq it-tempji u/jew heritage park u jekk iva, jista' ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma' għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3639.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 3312, jista' il-Ministru jgħid fiex se jintnefqu l-Lm65,000 fuq l-iżvilupp tal-Forti Sant'Iermu? Għal liema żvilupp qed jirreferi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Forti Sant Iermu qiegħed fi stat li għandu bżonn ta' riabilitazzjoni kbira u li meta din issir ikun qiegħed jintuża ghal xi skop speċifiku li jagħmel ġieħ lill-post. L-ispejjeż biex dan isir huma kbar u il-Ministeru tiegħi qiegħed jesplora il-possibilitajiet kollha biex dan ikun jista' jsir anke' b'parteċipazzjoni tal-privat. Jidher li hemm potenzjal kbir biex Sant Iermu jsir ċentru ta' attivita kemm kulturali, turistika u kummerċjali.
L-ewwel ħaġa li trid issir hija li n-nies li jibnu il-karrijiet tal-karnival, li huma l-uniċi nies li huma awtorizzati li jagħmlu użu min partijiet min din il-Forti, jingħatalhom post alternattiv biex ikunu jistgħu ikomplu l-attvitajiet tagħhom. Dan huwa dak li s'issa issejjaħ bħala "Carnival Village". Il-flus li hemm ivvutati għall-2004, se jintużaw biex imexxu din l-ewwel fażi ta' dan il-proġett u jsiru l-istudji neċessarji.