Jista' l-Ministru jikkonsidra li jerġa' jieħu lis-sinjuri li isimhom qed jintbagħat separatament li jaħdmu t-tarzna, lura lejn l-iskola primarja f'Tas-Sliema, fejn kienu jagħmlu ħafna xogħol siewi sa Settembru 1998, peress li anke bid-dħul ta' part-time cleaner il-problemi f'din l-iskola se jibqgħu mingħajr ix-xogħol tajjeb li kienu jagħmlu dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt infurmat li dawn il-persuni ġew irtirati mid-Dipartiment mill-Awtoritajiet tat-Tarzna ser nistħarreġ il-proposta ta' l-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'awtorizzazzjoni għandu ċertu persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li wara l-ħin tax-xogħol imur fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jieħu karozza u jagħmel użu permanenti minnha?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li ma ingħata awtorizzazzjoni lill-ebda persuna biex tagħmel użu permanenti minn karozza fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, imma ingħataw struzzjonijiet biex il-karozzi tat-Taqsima tal-maintenance jintużaw minn impjegati u f'ħinijiet skond l-eżiġenzi, u ma jibqgħux jintużaw esklussivament mill-istess persuni. Fil-fatt il-persuna in kwistjoni użat, wara l-ħin tax-xogħol, waħda mill-karozzi għal xogħol tat-Taqsima tal-Maintenance u wara irritornatha lura lill-inkarigat mit-Taqsima.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li ssir manutenzjoni tal-Pixxina Nazzjonali minħabba li hemm postijiet minnha bil-madum qed jinqala'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' beda programm ta' manutenzjoni tal-Pixxina Nazzjonali li għandu jitlesta sa l-aħħar ta' Frar 1999. Il-manutenzjoni ta' l-equipment tal-Plant Room ser isir waqt ix-shutdown fi żmien il-Milied.
Dwar il-problema tal-madum, il-Bord qed jistenna rapport minn għand il-konsulenti li ġew imqabbda biex jiġi stabbilit minn fejn tirriżulta din il-ħsara.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-għawwiema (ta' eta' żgħira) li jmorru jittrejnjaw flimkien mal-coach fil-Pixxina Nazzjonali fis-6.00 a.m. (qabel l-iskola) m'għadhom jitħallew jużaw waħda mill-kmamar li hemm vojta taħt it-taraġ fejn joqogħdu l-ispetaturi?
Billi d-dressing room tinsab kemm xejn 'il bogħod, possibbli li dawn it-tfal jerġgħu jitħallew jużaw waħda minn dawn il-kmamar għax qed jispiċċaw iħossu l-bard sakemm jinżlu mid-dressing room għal ġol-Pixxina jew meta jitilgħu mill-pixxina li hi heated għal ġod-dressing room?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kmamar li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant qed jiġu użati bħala uffiċċji minn Assoċjazzjonijiet Sportivi u mill-Amministrazzjoni tal-Pixxina.
Qaluli li hemm il-ħsieb li ssir xorta ta' tunnel li twassal mill-pixxina għad-dressing rooms.
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' l-iskejjel reġistrati biex jgħallmu l-Ingliż lil barranin kif ukoll l-ismijiet tad-Directors of Studies ta' dawn l-iskejjel u l-kwalifiki relevanti ta' dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fil-ġurnali li l-aħbarijiet u l-curret affairs tal-PBS aktarx li jiġu hived-off?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Public Broadcasting Services m'għandha ebda informazzjoni dwar ir-rapporti li dehru fuq il-ġurnali li jsemmu l-hiving off tat-Taqsima ta' l-Aħbarijiet u l-Ġrajjiet Kurrenti.
Jista' l-Ministru jgħid liema dipartiment għandu r-responsabbilta' li jħejji programmi ta' edukazzjoni preventiva fuq id-drogi? Minn liema etajiet jibdew dawn il-programmi? Kemm-il lezzjoni f'sena jirċievu t-tfal li jkunu qegħdin isegwu programm? Liema huma l-iskejjel fejn qed jiġu segwiti dawn il-programmi preventivi?
Response (GALEA, LOUIS)
1. Informat li l-Programm Babes, imħejji minn Sedqa jsir fil-Year 3 tal-primarja u hu programm ta' edukazzjoni preventiva fuq id-drogi u alkoħol. Fl-iskejjel sekondarji, fil-Forms 1 u 2 jsir fil-P.S.E. u fil-Form 4, isir fil-Programm "Irrid Nagħżel it-Tajjeb". Il-Guidance Teachers u l-Counsellors jagħtu counselling kontinwa lil min ikollu problemi.
2. Dan il-proċess jibdew:-
* Primarji - tmien snin;
* Sekondarji - ħdax-il sena.
3. M'għandix informazzjoni.
4. Dawn il-programmi qed isiru fl-iskejjel kollha mill-primarji - sal-Post Sekondarji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se tkompli tiġi mħaddma l-iskema bi sħab bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-kunsilli lokali għal xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel statali? Liema skejjel u liema kunsilli lokali se jkunu f'din l-iskema matul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Hemm il-ħsieb li tkompli tiġi mħaddma l-iskema bi sħab bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Kunsilli Lokali għal xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel statali.
L-iskejjel kollha li fihom għad hemm il-bżonn ta' aktar manutenzjoni, se jkunu f'din l-iskema. Dan it-tagħrif għadu qed jinġabar.
Il-Kunsilli Lokali li juru x-xewqa li jieħdu sehem, huma milqugħa. Dawn ikunu magħrufa aktar tard, lejn il-bidu tas-sena 1999.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk dawk il-kindergarten assistants impjegati bħala Supply Kindergarten Assistants u li għandhom il-course sħiħ ta' sentejn ta' kindergarten assistants hux se jiġu tal-post fil-futur qarib? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, x'inhi l-pożizzjoni tagħhom? X'inhi r-raġuni li min għamel kors part-time ta' facilitator għandu diploma u min għamel kors sħiħ ta' kindergarten assistant għandu biss ċertifikat?
Response (GALEA, LOUIS)
Jekk is-Supply Kindergarten Assistants jiġux impjegati permanentament jew le jiddependi ħafna mill-vakanzi li jkun hemm fil-complement approvat tal-Kindergarten Assistants. Dawn is-Supply Kindergarten Assistants ġew impjegati biex jagħmlu xogħol ma' tfal b'diżabilita' li qegħdin fil-klassijiet mainstream. Informat li dan ma kienx propju t-taħriġ tagħhom u, allura, ma jistgħux jiġu impjegati bħala facilitators.
Il-pożizzjoni ta' dawn is-Supply Kindergarten Assistants hi dik kif elenkata fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, ie. li dawn għandhom impjieg part-time li jitħallas bis-siegħa.
Jekk kors iwassalx għal Diploma jew Ċertifikat jiġi deċiż mill-organizzaturi tal-Kors konċernat i.e. l-Universita' jew id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Tlabt li dawn jagħtuni d-dettalji.
In vista tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 964 rigward il-Palazz ta' Bighi, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema partijiet oħra tal-post se jiġu restawrati u x'proposti hemm għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-bini li fadal u li għandu bżonn ikun restawrat huwa l-'West Wing' u l-'Infections Wing'.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li jiġi mwaqqaf u stabilit Kunsill ta' l-Arti fformat minn artisti, mużiċisti u persuni tal-palk?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kwestjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-promozzjoni tal-kultura u l-arti qed jiġu konsidrati mill-ġdid bil-ħsieb li nasal għal deċiżjoni dwar l-aħjar strutturi għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti, kemm dawk full-time kif ukoll dawk part-time fil-Ministeru tiegħu, inkluż fis-segretarjat? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub diġa' ingħata fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Head ta' l-iskola Primarja A, Fgura ddeċidiet li ma tħallix persuna li kienet qed tgħallem il-Marshal arts fl-iskola fil-ħin wara l-iskola?
X'kienet ir-raġuni?
Għalfejn dan twaqqaf meta dan kien ilu jgħallem għal ħafna snin u issa li għadha kif ġiet din il-Head ġdida keċċietu mill-ewwel, meta nafu li dan kien qed jeduka u jgħallem l-isports?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill ta' l-Iskola Primarja A, Fgura fil-laqgħa ta' 17 ta' Novembru 1998 iddeċieda illi qabel ma jitfassal pjan ta' kif għandhom jiġu użati l-faċilitajiet ta' l-istess skola, ħadd ma jista' jidħol wara l-ħin normali ta' l-iskola.
Dan minħabba l-fatt illi ħafna tfal kienu qed jidħlu u joħorġu fil-għaxija x'ħin iridu, instab ħafna ħġieġ imkisser, toilets maħmuġin, viti ta' ilma miftuħin, katnazzi ta' l-uffiċċju miksurin, naqsu wkoll diversi oġġetti e.g. siġġijiet, sopraporti etc. etc.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux tenders matul l-1998 għax-xiri ta' chlorine għall-użu tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Jekk fl-affermattiv, minn ħa t-tender?
Kemm fil-fatt kienet in-nefqa matul din is-sena għax-xiri ta' chlorine?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Bord Amministrattiv tal-Pixxina Nazzjonali ħareġ quotations għax-xiri ta chlorine għall-użu tal-Pixxina. L-offerta intrebħet minn Messrs N. Cordina Marketing. In-nefqa sal-25 ta' Novembru kienet ta' LM7,323.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtara u kemm kienet in-nefqa għax-xiri ta' pitrolju għall-użu tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu tas-sena sal-25 ta' Novembru 1998 inxtraw 59,005 litri pitrolju u 314,859 light heating oil. In-nefqa totali ammonat għal Lm41,811.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ntnefaq biex jinxtara l-ilma sabiex timtela' l-pool li hemm fil-kumpless f'Tal-Qroqq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sar barter agreement mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għall-provvista ta' 2500 metru kubu ta' ilma minn Marzu ta' din is-sena bi tpattija għal servizz ta' reklamar għal perjodu ta' sentejn. S'issa għadu ma nħareġ ebda kont tad-dawl u ilma.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħlas tal-kontijiet tad-dawl/ilma/telephones
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' flus li tħallas għal kontijiet tad-dawl u l-ilma u tat-telephones matul l-1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' flus li tħallas għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma u tat-telephones sal-lum kienu jammontaw għal Lm35,630 dak li hu vot tal-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'maintenance fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq fl-1998 xahar b'xahar sa Settembru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa fuq il-manutenzjoni fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali sa Settembru 1998 kinet hekk:
Jannar Lm 213
Frar Lm 277
Marzu Lm 26
April Lm1139
Mejju Lm 441
Ġunju Lm 477
Lulju Lm 202
Awissu Lm 151
Settembru Lm 877
TOTAL Lm3803