B'riferenza għal perjodu mill-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 u għad-dekasteru li għalih il-Ministru hu responsabbli, jista' jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika; (a) x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħatawx xi extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv, fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm suppliers/kuntratturi li kienu jagħtu s-servizz tagħhom lill-istess dekasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu u x'servizz/prodott kienu joffru? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad minflokhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni mill-5 ta' Settembru sa l-10 ta' Novembru 1998 ma ngħata ebda kuntratt b'dak li hu "Direct Order". Ma kien hemm ebda suppliers/kuntratturi li kienu jagħtu s-servizz tagħhom lil dan il-Ministeru qabel il-5 ta' Settembru 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti.
Matul il-perjodu msemmi fis-Segretarjat Parlamentari ma ngħataw ebda kuntratti b'direct order. Il-kuntratt tat-tindif tal-Pixxina Nazzjonali li għalaq f'Awissu ġie estiż sakemm tinħareġ offerta ġidda. Din in-nefqa addizzjonali kienet tammonta għal Lm2,500.
Rigward l-Universita' ta' Malta, fl-istess perjodu ta' żmien ħarġet total ta' 2 'Direct Orders' lil Bio-Red Laboratories Srl u A Menarini Industrie Spe. li kopja tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn id-'Direct Orders', li saru għal kimiċi ta' natura speċjalizzata u li nxtraw skond ir-rekwiżiti tar-Raba' Protokol Finanzjarju bejn Malta u l-Italja, ngħataw mill-Universita' wara li ġew approvati mill-Ministeru tal-Finanzi skond ir-regolamenti finanzjarji applikabbli. Ma ngħataw ebda estensjonijiet fuq il-kuntratti oriġinali f'dawn iż-żewġ każi.
Għal dak li jirrigwarda l-Universita', ir-risposta għat-tieni parti tal-Mistoqsija hija fin-negattiv.
Fil-perjodu 5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998 mill-Mediterranean Conference Centre ingħata kuntratt wieħed b'direct order:
a) il-kuntratt kien "Waterproofing of 'Dar il-Wiri Roof'
b) Uffiċjali tal-Mediterranean Conference Centre
c) Interim Board of Management
d) Il-quotations intalbu lill- Thermaseal Ltd, Jet Glass Ltd,
JP Baldacchino Ltd, George Borg, Fortunato Azzopardi, Matuel
Waterproofing, Joseph Spiteri & Co., SP Waterproofing.
e) Il-quotes li rċevejna kienu:
i. JP Baldacchino Ltd - reinforced polyester - Lm2.10 per sq.mtr.
ii. Jet Glass Ltd - Foam Insulation - Lm10,193
iii. SP Waterproofing - Poly Glass - Lm2.50 per sq. mtr.
iv. Thermaseal Ltd - Polyunathane Spray on Foam - Lm4.30 per sq.mtr.
f) JP Baldacchino & Co. Ltd "Dar Ninu" Għaxaq By-Pass Għaxaq
(The official Government Contractors as per Dept. of Contracts
Notice 46/98)
g) ma ngħatawx extensions
It-tieni parti tal-Mistoqsija hija fin-negattiv.
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-PBS, informat li din il-massa ta' informazzjoni li qed tintalab tinvolvi xogħol ta' ġranet sħaħ. Meta jinġabar it-tagħrif mitlub, tkun tista' tingħata tweġiba f'xi Seduta oħra.
Fl-istess perjodu ta' żmien imsemmi ma saru ebda kuntratti b'direct order mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, mid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji, mid-Dipartiment tal-Mużewijiet, mill-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali, mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija u l-anqas mid-Dipartiment tal-Kultura.
Jista' l-Ministru jgħid min rebaħ il-kuntratt dwar it-tindif fil-Pixxina Nazzjonali skond kif deher l-avviż fil-gazzetti ta' ftit jiem ilu?
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar min tefa' l-offerta u kemm kienet f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntratt tat-tindif fil-Pixxina Nazzjonali intrebaħ mill-Bad Boy Cleaners Co. Ltd.
Kienu ntefgħu ħames offerti. Dawn kienu Bad Boy Cleaners Co. Ltd, Cleanwell Services Co. Ltd, General Cleaners Ltd, Omajco Cleaners Ltd u Spring Clean Services Ltd. L-offerta tagħhom għat-tindif regolari ta' kull ġimgħa kienet ta' Lm115, Lm129.50, Lm140, Lm298 u Lm175 rispettivament.
Ir-rata kull siegħa għal cleaners addizzjonali skond il-bżonn kienu Lm2.10, Lm1.90, Lm2.00, Lm2.00 u Lm2.90 rispettivament.
Ir-rati għal kull darba żejda li jitnaddaf il-'Pool Deck' kienu Bad Boy Cleaners - Lm8, General Cleaners u Omajco Cleaners - Lm25 u Spring Clean Services - Lm35. Cleanwell Services ma tefgħux offerta għal dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid liema skejjel se jsirilhom xogħol fuqhom min-nefqa ta' Lm500,000 tul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskejjel ġew mitluba biex jissottomettu lista ta' xogħlijiet li huma meħtieġa għas-sena 1999. Din l-informazzjoni trid tasal fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru, 1998. Kopja ta' l-ittra li ntbagħtet lill-iskejjel ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tul l-1999, jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li se jintnefqu fuq: 1) skejjel primarji; 2) skejjel sekondarji; 3) skejjel speċjali; 4) skejjel post-sekondarji, mill-Lm1,200,000 ivvotati taħt il-Vot ta' l-Information Technology?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tagħlim tat-Teknoloġija fl-Informatika kien introdott fl-Iskejjel Primarji kollha ta' Malta u Għawdex fil-bidu tas-sena 1996. Matul is-sena skolastika li ġejja, jingħata bidu għat-Tieni Fażi ta' dan il-Proġett bid-dħul tat-Teknoloġija fl-Informatika fil-klassijiet ogħla tal-Primarji li jibdew mir-raba' sena.
Numru ta' għalliema peripatetiċi mħarrġa fit-tagħlim tal-Kompjuter se jibdew jagħtu t-taħriġ tagħhom lil madwar ħamsa u erbgħin klassi kull wieħed fil-wieħed u tmenin skola Primarja.
Fl-Iskejjel Sekondarji se jiddaħħal sillabu ġdid tat-Teknoloġija fl-Informatika. It-Teknoloġija fl-Informatika, permezz ta' programmi ta' "software" qed isservi wkoll fit-tagħlim tal-matematika fl-ewwel u t-tieni klassijiet sekondarji.
Bil-mod il-mod it-Teknoloġija fl-Informatika tiddaħħal fis-suġġetti kollha. Għal dan il-għan l-Iskejjel Sekondarji kollha qed jitgħammru b'laboratorji ġodda addattati għal dan l-iżvilupp.
Il-laboratorji kollha, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk ġodda, se jkunu mgħaqqda flimkien permezz ta' "server" bil-għan li l-iskejjel isiru ħaġa waħda taħt 'network' wiesgħa mifrux fuqhom kollha.
Bħala skema pilota, ħamsa u għoxrin skola qed jingħataw l-aċċess għall-użu ta' l-Internet. Is-sena d-dieħla dan l-aċċess jigħata lil ħamsin skola oħra. Dan il-proġett jinkludi fih it-twaqqif ta' sies lokali ta' komunikazzjoni edukattiva maħsub biex jagħti għajnuna fuq in-'network' edukattiv lill-iskejjel kollha.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tan-nefqa kif proposta mid-Diviżjoni għall-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kif se jintnefqu l-Lm480,000 tul l-1999 fuq: 1) skejjel primarji; 2) skejjel sekondarji; 3) trade schools; 4) post-sekondarji; u 5) edukazzjoni adulta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma ta' Lm480,000 li l-Onor. Membru semma fil-mistoqsija tiegħu huma l-flus ivvutati taħt Nefqa Kapitali sabiex jinxtara Apparat u Għamara għall-iskejjel ta' l-Istat, kif inhu ndikat fil-Ktieb ta' l-Estimi 1999 paġna 162. Is-somma totali ser tiġi mqassma lis-setturi li huma ndikati ukoll f'paġna 162, kif ġej:
Skejjel Primarji Lm120,950
SeKondarji/Junior Lyceums Lm233,390
Skejjel Speċjali Lm 48,800
Trade Schools Lm 33,120
Skejjel Post-Sekondarji Lm 43,740
TOTAL Lm480,000
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema istituzzjonijiet edukattivi u kemm f'kull każ, se jintnefqu Lm2,600,000 għall-Vot ta' Construction and Adaptation tul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni se tkompli bil-programm ta' bini ta' skejjel bil-għan li jkollna postijiet ta' tagħlim moderni u addattati biex jakkomodaw in-numru dejjem jiżdied ta' studenti.
Matul l-1999 se jitkompla l-programm ta' żidiet fil-bini u xogħlijiet ta' titjib fi skejjel eżistenti. Imdaħħal f'dan il-programm hemm l-iskejjel Primarji tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, iż-Żejtun, Ħ'Attard, ix-Xgħajra u Ħal Għaxaq.
Il-Gvern se jagħmel ħiltu biex iżomm ir-ritmu li miexi bih fil-bini ta' skejjel ġodda. Il-Fażi 2A tal-Liċeo Ġdid għall-Bniet f'Santa Luċija jitlesta s-sena d-dieħla u matulha jingħata bidu għall-Fażijiet 2B u 3 fl-istess skola. Is-sena d-dieħla tara wkoll it-twettiq tat-Tieni Fażi, kif ukoll il-bidu tat-Tielet u r-Raba' Fażijiet fil-Liċeo tal-Bniet "Sir Adrian Dingli".
Hu ppjanat li x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni u riabilitazzjoni fl-Iskola Primarja ta' l-Imġarr, il-Liċeo tas-Subien ta' Verdala, l-Iskola Sekondarja tas-Subien Fortini, l-Iskola Teknoloġika "B" tas-Sliema u l-'Early Literacy Centre" il-Furjana, jaslu fi stadju avvanzat ħafna matul is-sena d-dieħla. Is-Servizzi Infrastrutturali fil-Kulleġġ Vokazzjonali Post Sekondarju jitlestew ukoll matul l-1999.
Xogħol ta' tħejjija fuq bini ġdid u/jew żidiet fil-bini eżistenti fl-iskejjel li ġejjin jinbeda matul is-sena finanzjarja li ġejja:
Skejjel Primarja ta' Pembroke, Wied-il Għajn, il-Kalkara, il-Fgura u Ħal Luqa; il-Liċeo tas-Subien "Mikiel Anton Vassalli" Ħal Qormi; L-Iskejjel Sekondarji ta'Ħal Tarxien u Taż-Żurrieq; Iċ-Ċentru tax-Xjenza ġewwa Villa Psaigon; l-Iskola tal-"Hairdressing" tas-Sliema u l-Iskola għat-Tfal bi Bżonnijiet Speċjali "Guardian Angel" il-Ħamrun.
Il-Gvern ivvota s-somma ta' żewġ miljuni u sitt mitt elf lira għat-twettieq tal-proġetti hawn fuq imsemmija. Lista tal-breakdown tal-proġett ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema attivitajiet kulturali ġenerali se jiġu ffinanzjati mill-Vot 4176 li għalih il-Gvern qed jivvota Lm200,000 tul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm lista twila ta' attivatijiet kulturali li jiġu ffinanzjati minnn dan il-vot. Fosthom il-Eurovision Song Festival u Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija, il-Festival Nazzjonali ta' l-Għana, Ħarġiet Kulturali, il-Lunchtime Concerts, Francis Ebejer Playwriting Competition, il-Programm ta' Għajnuna Finanzjarja għall-attivitajiet kulturali, għajnuna għar-reklamar u "underwriting" kontra t-telf għall-produzzjoni ta' drammi bil-Malti fit-Teatru Manoel, Kunċert ta' l-Epifanija, Festival tal-Jazz, Festival għall-mużiċisti żgħażagħ mill-pajjiżi Mediterranji, u ħafna attivitajiet u Festivals kulturali oħra, fosthom kunċerti korali kemm minn Maltin u kemm minn barranin.
Jista' l-Ministru jgħid mill-5.9.98 sal-1.12.98: (a) Kemm-il tender ta' valur aktar min Lm1,000 ġiet approvata mid-dekasteru tiegħek; b) il-valur ta' kull tender; c) lil min ġiet awarded; u d) in-natura (provvista, xogħol, servizz) ta' kull tender?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra bil-pożizzjoni li tinsab fiha l-iskola tal-Junior Lyceum Verdala, xi ħsara jew traskuraġni kien hemm u jekk kien hemm, x'passi qed jittieħdu għal dan in-nuqqas?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt lis-Segretarju Permanenti jirraporta dwar il-kawżi tad-diffikultajiet li din l-iskola qed taffaċċja.
Ta' min jgħid li l-proġett ta' l-iżvilupp u r-riabilitazzjoni ta' din l-iskola fuq skala kbira qed jitkompla. Diġa' sar id-development brief mill-konsulenti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni wara survey li kienet saret fuq il-bini ta' l-iskola kollha. Kien hemm konsultazzjoni dwar dan il-brief ma' l-istaff ta' l-iskola. Dan il-proġett qed jingħata l-priorita' li tistħoqlu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 966, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba l-wirja tal-kostumi Maltin li ġiet mtella' tant tajjeb mill-Fond Patrimonju Malti hijiex se tiġi kkonsidrata biex tiġi mtella' fuq bażi permanenti ġewwa l-Auberge d'Angleterre fil-Birgu billi jista' jkun li l-ispejjeż involuti għal dan m'humiex impossibbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva qed nikkondraw fejn nistgħu npoġġu l-wirja permanentement f'xi post.
Skond ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2128 din is-sena, wara ż-żieda fil-prezz tal-pitrolju, intużaw 314,859 litri ta' light heating oil fil-Pixxina Nazzjonali b'dannu konsiderevoli għall-ambjent u għar-residenti fil-viċin inklużi anke skejjel, jista' l-Ministru jara li l-użu ta' dan iż-żejt jieqaf immedjatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Bord tal-Pixxina Nazzjonali ser jerġa' jaqleb għall-użu tal-pitrolju. Ix-xogħol neċessarju fuq l-equipment ser isir waqt ix-shutdown fi żmien il-Milied biex il-boilers ikunu jistgħu jibdew jaħdmu bil-pitrolju minn Jannar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern biex jiġi nkoraġġit l-isports fl-iskejjel primarji? Jista' jgħid xi pjani hemm biex għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika jiġu assenjati fl-iskejjel primarji kollha biex dawn jkunu jistgħu jagħtu spinta 'l quddiem l-isports f'din il-kategorija fl-iskejjel stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-pjan tal-Gvern f'dan il-qasam jiġi definit meta jiġu finalment deċiżi l-iskopijiet, il-prinċipji u k-kondizzjonijiet fil-kurrikulu Minimu Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika li jgħallmu: (a) fl-iskejjel ta' l-Istat; (b) fl-iskejjel tal-Knisja; u (ċ) fl-iskejjel privati;
Kemm minn dawn huma ta' nazzjonalita' barranija?
Ta' liema nazzjonalita' huma u f'liema skejjel jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1539, jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata l-iskola u lit-tifel in partikolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Welfare tad-Diviżjoni ilu jsegwi dan it-tifel mis-sena l-oħra. Isiru żjarat regolari fid-dar biex ikunu magħrufa l-bżonnijiet tat-tifel. B'hekk jiġi mgħejjun aħjar fl-iskola.
L-iskola qed tagħmel kull sforz biex tgħin lit-tifel mil-lat akkademiku. Kull meta jkun possibbli t-tifel qed jingħata wkoll għajnuna ndividwali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal u żgħażagħ fl-iskola San Miguel? Kemm hemm għalliema, facilitators, kindergarten assistants, nurses, persuni tal-manutenzjoni, ġardinara, purtinara, sewwieqa? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm qed jirrapportaw għax-xogħol u jibqgħu jagħtu l-ġurnata xogħol tagħhom kif suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat kif ġej:
SKOLA SAN MIGUEL - ST ANDREWS
Studenti 44
Għalliema 6 + 3 Peripatetic
Facilitators 0
Kindergarten Assistants 16
Nurses 2
Persuni tal-Manutenzjoni 3
Ġardinara 1
Purtinara 2
Sewwieqa 5
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija tlabt lid-Direttur Ġenerali biex jinvestiga hemmx nuqqasijiet f'dan is-sens u fil-każ jieħu l-passi.
Matul is-sajf li ġej, jista' l-Ministru jgħid kemm sigħat kuljum u b'liema rata kull siegħa se jitħallsu l-istudenti universitarji fix-xogħol tas-sajf peress li għall-1999 il-Gvern qed jivvota Lm544,000 biss f'line item 4003 Student's Remuneration for Summer Projects?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa stipulat li l-istudenti universitarji jridu jaħdmu 20 siegħa fil-ġimgħa u se jitħallsu bir-rata ta' Lm129.83 fix-xahar, ġala darba li din ir-rata tiġi approvata mill-Finanzi fuq l-għoli tal-ħajja.
Rigward is-somma ta' Lm544,000 li qed tiġi vvutata f'line item 4003 (Student's Remuneration For Summer Projects) din ġiet kalkolata fuq is-somma li ntefqet attwali din is-sena b'xi żieda żgħira. L-ammont definit jista' jsir magħruf biss wara s-sajf meta d-Diviżjoni jkollha r-riżultat ta' kemm studenti fil-fatt ikunu iddeċidew li jieħdu din l-offerta.