Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2413 Sitting 29 1998-12-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Konsulenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2091, jista' l-Ministru jgħid x'diffikulta' qed isib li jinforma lill-Kamra kemm qed jitħallsu l-konsulenti, kemm dawk full-time kif ukoll dawk part-time? F'każ li ma għandu l-ebda diffikulta', jista' jagħti l-figura ta' kemm qed jitħallsu?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa m'hemm ebda konsulent li qed jitħallas. B'effett mill-1 ta' Ottubru 1998 tlabt lis-Sur Richard Muscat jaġixxi ta' Konsulent fi ħdan il-Ministeru fuq materji li għandhom x'jaqsmu ma' kultura u lil Dr. Simon Busuttil LL.D. biex jagħti pariri fuq kwestjonijiet konnessi mal-programmi tal-U.E. fil-kamp edukattiv. Qed jiġu proposti l-kundizzjonijiet normali fuq bażi ta' kuntratt għal dan ix-xogħol u li jridu jiġu approvati mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Meta dan jiġi definit inkun nista ninforma 'l Kamra. Barra minn hekk nikkonsulta ma' diversi persuni oħra skond il-bżonn.
Leg 9 PQ #2446 Sitting 29 1998-12-11 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Reġistrazzjoni tat-televisions

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati televisions tal-kulur mal-Public Broadcasting Services matul is-snin 1995,1996,1997 u 1998 u l-qisien tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-reġistrazzjoni ta' televisions tal-kulur kienet hekk: 1995 19,654 1996 22,161 1997 14,709 1998 (Jan-Nov) 12,231 Il-Public Broadcasting Services ma jkolliex l-informazzjoni mitluba dwar il-qisien tagħhom.

Mattia Preti — Esibizzjoni tal-pitturi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li peress li s-sena li ġejja jaħbat l-anniversarju mill-mewt ta' l-artist Mattia Preti, issir esibizzjoni speċjali tal-pitturi li għandu f'idejh l-Istat?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif qal tajjeb l-Onor. Kollega, is-sena li ġejja jaħbat it-tielet ċentinarju mill-mewt ta' Mattia Preti, il-pittur kbir tal-Barokk li ta kontribuzzjoni verament straordinarja lill-wirt kulturali Malti, b'mod partikolari fil-kamp ta' l-arti. Bħal reġjuni oħra fejn Mattia Preti kien attiv, Malta wkoll, permezz ta' inizjattivi tad-Dipartiment tal-Mużewijiet, ħejjiet programm kommemorattiv għal dan l-avveniment. Fost l-inizjattivi li ttieħdu s'issa, wieħed jista' jsemmi s-sett ta' erba' Telecards li ħarġet il-Maltacom, li jirriproduċu pitturi magħrufa ta' Preti. Reċentament Maltapost Ltd ħarġet ukoll sett t'erba' bolli b'xogħlijiet ta' l-istess artist, waqt li l-Air Malta ipprerparat kalendarju għal 1999 bil-pitturi ta' Preti li qegħdin fil-Mużew ta' l-Arti. Bejn 23 ta' Diċembru 1998 u 15 ta' Frar 1999 il-Mużew ta' l-Arti se jorganizza żewġ wirjiet importanti - waħda tikkonsisti f'disinji oriġinali ta' Preti - xi wħud minnhom mislufin minn Mużewijiet barranin - u l-oħra ta' artisti kontemporanji li se jkunu mistiedna jinterpretaw l-ispirtu tax-xogħol ta' Mattia Preti. Fis-7 ta' Jannar hu maħsub li ssir ċerimonja reliġjuża kommemorattiva fl-Oratorju ta' San Ġwann, il-Knisja li Preti ttrasforma f'wieħed mill-aqwa monumenti ta' l-arti Barokka u fejn Preti nnifsu jinsab midfun. Qed isiru wkoll preparazzjonijiet biex wirja ta' pitturi ta' Mattia Preti imħejjija mill-Museo Civico di Taverna tinġieb pajjiżna f'April u Mejju 1999. Din il-wirja intitolata 'Il Giovane Mattia Preti' tikkonsisti f'xogħlijiet li dan l-artist ipproduċa qabel ma wasal Malta u, għalhekk, tikkomplimenta sew ix-xogħlijiet tiegħu diġa' familjari għalina hawn Malta. Mhux eskluż li ssir wirja oħra b'xogħlijiet ta' Preti. Fil-Budget tad-Dipartiment tal-Mużewijiet għas-sena 1999 hemm ivvotata s-somma Lm15,000 biex ikopru l-ispejjeż konnessi ma' dawn l-attivitajiet.

Palazz ta' l-Inkwiżitur — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju ta' restawr wasal il-Palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu u jekk tul is-sena d-dieħla huwiex se jkun lest il-proġett kollu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' restawr fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur miexi skond ir-riżorsi disponibbli. Bħalissa qed jinbarxu l-ħitan minn qoxra ħoxna ta' tibjid antik. Qed jitneħħa terrapien mirdum f'ċerti kmamar u qed ikun mibdul jew restawrat ġebel u ċangatura, jinfetħu bibien u twieqi li kienu mblukkati u qed jinbnew faċilitajiet sanitarji ġodda għall-viżitaturi. Matul l-1998 tlesta l-laboratorju u depożitu għall-kollezzjoni tal-ħwejjeġ. Hu maħsub li x-xogħol strutturali jitkompla matul l-1999. Il-proġett mhux ser ikun lest is-sena d-dieħla.
Leg 9 PQ #2209 Sitting 28 1998-12-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Furtu Selvatico - Għalliema nieqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema nieqsa fl-iskola Furtu Selvatico tan-Naxxar? F'liema suġġetti? Għaliex għadd ta' klassijiet qed ikollhom ħafna free lessons?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta xi għalliem ikun nieqes minħabba mard l-istudenti fil-Form 1,2,3 jintbagħtu fil-klassijiet tal-Year Group tagħhom. Dawk fil-Form 4,5 jintbgħat għalliem magħhom.
Leg 9 PQ #2270 Sitting 28 1998-12-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li titkompla l-kollaborazzjoni bejn l-Universita' ta' Malta, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-EDEXCEL ta' l-Universita' ta' Londra dwar l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC? Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet li twarrbet din il-kollaborazzjoni? Jekk se titkompla din il-kollaborazzjoni, liema forom se tieħu? Kif se tiżviluppa fiż-żmien li ġej?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru bħalissa l-proċeduri kollha tas-SEC u tal-MATSEC qed jiġu mistħarrġa minn Review Board. Meta dan il-Bord jagħti l-pariri tiegħu, wieħed ikun f'pożizzjoni li tittieħed deċiżjoni jekk jiġux stabbiliti jew le relazzjonijiet ma' l-EDEXCEL.
Leg 9 PQ #1275 Sitting 27 1998-12-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefaq bħala hospitality mid-dekasteru li għalih huwa responsabbli mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998, maqsuma skond il-Ministeru, Segretarjat, dipartiment jew enti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li ntnefaq bħala hospitality mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998 għal dak li għandu x'jaqsam il-vot tal-Ministeru Amministrattiv huwa ta' Lm169.29. Matul l-istess perjodu mis-Segretarjat Parlamentari intnefqu Lm120 bħala hospitality. Intnefqu wkoll Lm65 min-National Pool Complex. Mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998 intnefqu Lm107 bħala Hospitality mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet nefaq Lm80.28, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji nefaq Lm67.67, l-Universita' nefqet is-somma ta' Lm705.80 filwaqt li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija nefaq Lm30.62. In-nefqa tal-PBS fuq ospitalita' fil-perjodu msemmi kienet tlaħħaq Lm274.88. Nefqa oħra ta' Lm569.10 biex tkopri laqgħa soċjali għal 300 kontributur tar-radju u t-televiżjoni fi ħdan il-PBS ġiet mifdija permezz ta' barter. Fl-istess perjodu ta' żmien id-Dipartiment tal-Mużewijiet nefaq Lm720 għal reception li nżammet fit-3 ta' Novembru 1998 għall-ftuħ ta' l-Exhibition "Pheonician Around the Routes of the Mediterranean". Il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali, id-Dipartiment tal-Kultura u l-Mediterranean Conference Centre ma nefqu xejn fuq hospitality mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998.
Leg 9 PQ #2150 Sitting 27 1998-12-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Teatru Manoel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ebda skola ta' l-istat ma ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-Jum Miftuħ li għadu kemm ġie organizzat fit-Teatru Manoel dan l-aħħar? Jistgħu jittieħdu passi biex f'okkażjonijiet simili jiġu mistiedna skejjel ta' l-Istat biex niġbdu aktar żgħażagħ u tfal lejn it-teatru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bażikament din l-attivita' li kienet miftuħa għall-pubbliku ġiet imtella' mill-Ħbieb tat-Teatru Manoel u kienet l-ewwel esperjenza li xi skejjel ġew involuti. Wara s-suċċess ta' din l-attivita' hemm il-ħsieb li s-sena ddieħla jiġu mistiedna dawk l-iskejjel tal-Gvern li jkunu interessati.
Leg 9 PQ #2151 Sitting 27 1998-12-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Maria Assunta - Tagħlim tal-Franċiż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara l-ilment imqajjem dwar it-tagħlim tal-Franċiż fil-Form VA fl-iskola sekondarja Maria Assunta?

Response (GALEA, LOUIS)

Wara li smajt il-parir tal-kapijiet involuti, tlabt li jittieħdu l-passi ħalli t-tagħlim tas-suġġett imsemmi jitjieb kemm jista jkun malajr.
Leg 9 PQ #2152 Sitting 27 1998-12-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum Ġużeppi Despott

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar ir-raġunijiet li llum waslu għal protesti minn għalliema u studenti tal-Junior Lyceum Ġużeppi Despott tal-Verdala dwar nuqqas ta' għalliema, nuqqas ta' għamar fil-klassijiet, ħmieġ f'diversi nħawi ta' l-iskola u xogħol urġenti ta' manutenzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwel ħaġa li għamilt kienet li tlabt lis-Segretarju Permanenti jinizja stħarriġ serju li jispjega x'wassal għad-diffikultajiet f'din l-iskola. Sadanittant malli d-diviżjoni ġiet mgħarrfa bin-nuqqas ta' siġġijiet, ittieħdu passi biex numru ta' siġġijiet jiġu mislufa lill-iskola. Qed isir ukoll xogħol ta' manutenzjoni fl-iskola. Fil-vaganzi tal-Milied, il-ħames klassijiet li għadhom kif inbnew ser jinżebgħu mill-ġdid, kif kien ippjanat.Għandu wkoll jitkompla l-proġett ta' żvilupp u riabilitazzjoni ta' din l-iskola. Fil-fatt id-development brief tlesta u dan ġie diskuss ma' l-istaff ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #2153 Sitting 27 1998-12-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Problema ta' bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu f'Ottubru u Novembru 1998 biex tiġi ffaċċjata l-problema tal-bullying fl-iskejjel? F'dawn ix-xahrejn kemm-il darba ltaqgħet il-kummissjoni li kienet inħatret biex taħdem għall-imġieba tajba fl-iskejjel? Se tkompli bix-xogħol tagħha din il-kummissjoni? Meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'ħafna skejjel, bdew jaħdmu fuq il-Problema tal-Bullying fl-iSchool Development Programmes, u bdew jinħadmu policies fl-iskejjel dwar il-Bullying. Studenti li kellhom din il-problema, beda counselling kemm mal-Bully, kif ukoll fl-iskejjel sekondarji. F'Lulju u f'Settembru t-tema tal-bullying ġiet ittrattata f'ħafna In-Service Courses. Il-punti mqajjma fit-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija għadhom qed jiġu kunsidrati.
Leg 9 PQ #2205 Sitting 27 1998-12-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mġarr - Skola Ġianni Cilia

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar xogħol s'issa fuq l-estensjoni ta' l-iskola primarja Ġianni Cilia ta' l-Imġarr? Skond il-pjani oriġinali kemm waqa' lura dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol qiegħed fil-fażi inizjali u l-proġett s'issa qiegħed lura b'xahrejn.
Leg 9 PQ #2072 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport — Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema inizjattivi ta' taħriġ se jiġu ffinanzjati mil-line item 12 Training li għalih il-Gvern qed jivvota Lm75,000?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub irid jiġi verifikat, tweġiba jkolli nagħtiha f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2073 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — General Education Initiatives

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema inizjattivi se jkunu ffinanzjati mil-line item 4351 General Educational Initiatives li għalihom il-Gvern qed jivvota Lm60,000 u kemm se tingħata flus kull inizjattiva?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2074 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti tas-Sixth Form u tal-Junior College li matul is-sena akkademika 1998/1999 se jkunu qed jingħataw stipendju? Kemm hi kkalkolata li se tkun in-nefqa totali għall-istudenti tas-Sixth Form u l-Junior College minn Jannar sa Ġunju, 1999 u minn Ottubru sa Diċembru, 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 9 PQ #2138 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Impjegat

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1651 dwar impjegat tal-PBS, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol fuq kull parti tar-reġistru dawk li ġew impjegati mill-ETC mal-PBS fuq kuntratt ta' xogħol definit ta' sitt xhur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PBs m'għandux din it-tip ta' informazzjoni.
Leg 9 PQ #2148 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħaġar Qim — Splużjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux investigazzjonijiet dwar jekk tul ix-xahar ta' Novembru kienx hemm splużjonijiet fil-barriera ta' qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu ma wasallix u allura jkolli nwieġeb f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2149 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fiera tal-Ktieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm attendew nies għall-Fiera tal-Ktieb li għadha kemm saret fin-Naxxar? X'inizjattivi ttieħdu biex jiġbdu nies lejn din il-fiera? X'attivitajiet speċjali ġew organizzati fiha bħala tmiem għas-Sena tal-Qari li ġiet organizzata din is-sena? X'inizjattivi se jittieħdu biex iħeġġu l-qari fost it-tfal tul l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għall-Fiera tal-Ktieb li saret bejn is-26 ta' Novembru 1998 attendew madwar 25,000 persuna fosthom kien hemm 3,045 tfal ta' l-iskola. L-inizjattivi li ttieħdu biex jinġibdu aktar nies lejn din il-Fiera jinkludu: (i) ingħata 'coverage' fil-Media qabel il-ftuħ tal-Fiera - permezz ta' Press Releases' mibgħuta lill-ġurnali, radijiet u televiżjoni (ii) intbgħatet stedina lil kull skola kemm ta' l-istat kif ukoll dawk privati biex it-tfal flimkien ma' l-għalliema jattendu l-Fiera. (iii) saru Posters kbar (A3) u intbgħatu lill-iskejjel, banek, ħwienet u Kunsilli Lokali. Attivitajiet li ġew organizzati fil-Fiera bħala tmiem għas-Sena tal-Qari jinkludu: (i) tagħrif dettaljat dwar l-operat tad-Dipartiment tal- Libreriji u Arkivji fejn intweriet l-aċċessibilita' tiegħu għall-pubbliku inġenerali b'mod li dan ġie mħajjar jersaq aktar qrib il-kotba offruti mid-Dipartiment (ii) ġew provduti faċilitajiet biex individwi setgħu jinkitbu bħala membri ġodda fil-Librerija (iii) kien hemm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku faċilitajiet Awdjoviżivi (Audio Visual Library Facilities) li kienu jinkludu tapes, videos, CD Roms, etc. Dan sar biex il- pubbliku jkollu għażla kemm ta' kotba u/jew materjal Awdjoviżiv. Biex tul l-1999 jitħeġġeġ il-qari fost it-tfal, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji qed jittieħdu dawn l-inizjattivi: (i) titkompla l-'iStory Telling Activity' li ssir kull nhar ta' Ġimgħa mill-4.00 sal-5.00pm għat-tfal ta' bejn il- 4 u 7 snin. (ii) ikomplu jiżdiedu ż-żjarat fil-librerija min-naħa ta' l- istudenti u l-pubbliku inġenerali (iii) se jiġi provdut servizz ta' "tapes" għal dawk li huma illitterati biex inħajru lil dawk li ma jafux jaqraw jiskopru s-sabiħ li joffri l-ktieb.

Xgħajra — Fortizza Della Grazzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba sarx studju tal-ħsara lill-Fortizza Della Grazzja ġewwa x-Xgħajra għandha u x'hemm bżonn biex tiġi rranġata? Hemm il-ħsieb fil-futur viċin li fil-partijiet li huma tajba jsir fihom espożizzjonijiet ta' l-arti jew oġġetti marbuta ma' l-istorja militari tal-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, inwieġeb f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #880 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pjanta Karella — Żviluppi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 27 (Seduta Nru. 5), jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta bdew l-investigazzjonijiet xjentifiċi? X'sar s'issa u meta huwa pprogrammat li jiġu finalizzati? Saru konsultazzjonijiet ma' universitajiet oħra barranin, partikolarment mediterranji li qed jagħmlu riċerka fuq din il-pjanta jew oħrajn simili?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-investigazzjonijiet xjentifiċi bdew sitt xhur ilu, u tlesta literature survey fuq is-suġġett. Huwa ppjanat li jsiru investigazzjonijiet fuq l-alkaloid 'momordicine' li jinsab fil-pjanta Karela għax dan l-alkaloid jista' jniżżel il-livell taz-zokkor fid-demm; dawn l-investigazzjonijiet ser jibdew issa u jieħdu sentejn. Ma sarux konsultazzjonijiet ma' universitajiet oħra barranin fuq din il-materja.