Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1774?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta' l-istat hemm:
78 fl-iskejjel Sekondarji u Trade Schools
5 fl-iskejjel Post Sekondarji
18 fl-iskejjel Primarji (peripatetic)
Għalliem wieħed hu ta' nazzjonalita' barranija.
L-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel tal-Knisja huma 37. Minn dawn 2 huma barranin.
L-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel privati huma 18. Minn dawn 3 huma barranin.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li lejn nofs Ottubru 1998 il-ġenituri li wliedhom jmorru fl-iskola primarja "A" tal-Mosta qalulhom biex jixtru track suit blu u issa qed jgħidulhom biex jixtru track suit ħadra?
Għaliex qed idaħħlu lill-ġenituri f'dawn l-ispejjeż biex jixtru track suits differenti meta l-flus jistgħu jintnefqu għal skopijiet aktar edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għażla ta' uniformi jew ħwejjeġ oħra f'kull skola huwa mħolli f'idejn il-Kunsill Skolastiku.Informat ukoll li ma kien hemm ebda tibdil fil-kulur tat-Tracksuit li ġiet introdotta s-sena l-oħra għat-tfal tal-Kindergarten u din is-sena estiża għat-tfal ta' l-Ewwel Sena Primarja.
Fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena skolastika, jista' l-Ministru jgħid jekk il-mid-week project tkomplix bl-istess impenn?
Jista' l-Ministru jara jekk jirriżultax li dan il-proġett hemm fejn qed jinqatel għax fl-iskejjel mhux qed ikun hemm il-materjal neċessarju biex isir ix-xogħol kreattiv mat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Safejn naf jien il-proġett kompla. Pero' beħsiebni inkellem li-Direttur Ġenerali u lid-Direttur għall-Iżvilupp tal-Kurrikulu biex nara li qed isir ix-xogħol skond l-iskopijiet tal-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jipparteċipaw persuni fi żjarat kulturali organizzati mid-Dipartiment tal-Kultura? Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-gwidi li ġew imqabbda biex jikkordinaw dawn iż-żjarat? Min ġie mogħti t-tender għat-trasport għal dawn iż-żjarat? Kemm qed jitħallas ta' dan ix-xogħol? Kemm qed iħallsu l-persuni li qed jattendu għaż-żjarat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li qed jipparteċipaw fi żjarat kulturali organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura huwa 1600.
Il-gwidi li s'issa, wara sitt ħarġiet ġew imqabbda biex jagħtu servizz huma: M. Galea, S. Spiteri, T. Grech, B. Baldacchino, M. Schranz, R. Bowman, B. Azzopardi, A. Spiteri, S. Mousu', J. Ellul, J. Grima, M. Morana, V. Zammit.
It-tender għat-trasport għal dawn iż-żjarat ingħata lill-Garden of Eden Garage bir-rata ta' Lm20.40c għal kull "53 seater Coach".
Dawk li qed jattendu għal dawn iż-żjarat ħallsu Lm5, filwaqt li t-tfal ħallsu nofs prezz.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Ministeru għandux il-ħsieb li jieħu l-uffiċini tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport li hemm ġewwa Casa Gaspe u l-impjegati jiġu trasferiti f'uffiċini ġewwa l-Ministeru fil-Furjana? Jekk fl-affermattiv, min se jokkupa l-uffiċini ta' dawn l-impjegati? Id-Dipartiment tal-Kultura se jibqa' ġewwa Casa Gaspe?
Response (GALEA, LOUIS)
Huwa l-ħsieb tal-Ministeru li l-uffiċini tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ikunu trasferiti għal uffiċini ħdejn is-Segretarjat fil-Furjana. Id-Dipartiment tal-Kultura ser jibqa' ġewwa Casa Gaspe.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1527, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-ispezzjonijiet li għamel il-Ministeru tas-Saħħa fl-1 ta' Ottubru, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ewwel ta' Ottubru 1998, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni talab lid-Dipartiment tas-Saħħa jagħmel spezzjonijiet fit-Tuck Shops.
Billi hija x-xewqa ta' ħafna ċittadini mill-Manikata li jkollhom ground tal-logħba tal-boċċi, jista' l-Ministru jikkonsidra li japprova dan il-proġett ċkejken għad-dipartiment imma żgur li jfisser ħafna għar-residenti tal-Manikata?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proposta biex jinbena ground tal-boċċi fil-Manikata se tiġi mistħarrġa.
Billi hi x-xewqa ta' ħafna mir-residenti tal-Manikata li jkollhom ground tal-logħba tal-boċċi, jista' l-Ministru jikkonsidra li japprova dan il-proġett għall-budget li ġej?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1755.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy li fl-iskejjel fejn m'hemmx persuni biżżejjed biex inaddfu, l-istudenti stess jitqabbdu jnaddfu dawn l-iskejjel?
Jaħseb l-Ministru li tajjeb li l-istudenti jitqabbdu jnaddfu l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda policy li studenti jitqabbdu jnaddfu l-iskejjel. Pero' l-istudenti huma mistennija li jżommu l-ambjent nadif kemm jista' jkun, li jħallu kull ambjent nadif kif isibuh.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li applikaw biex jiġu reklutati bħala part-time clerks u part-time cleaners fl-iskejjel?
Min se jagħżel lil dawn l-applikanti?
X'input qed jingħata f'din l-għażla l-Ministeru nnifsu u s-segretarjat tiegħu?
X'inhi r-raġuni li s-segretarjat tal-Ministeru talab il-listi ta' l-applikanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li applikaw biex jiġu reklutati bħala:
part-time clerks kien 489
part-time cleaners kien 481
Dawn l-applikanti ser jintgħażlu mill-Bord magħmul mill-President tal-Kunsill Skolastiku, il-Kap ta' l-Iskola u membru ta' l-istaff ta' l-iskola kkonċernata.
B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-10 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih il-Ministru huwa responsabbli, jista' jgħid: (a) kemm hemm mobile phones użati; (b) kemm minn dawn huma mixtrija u kemm mikrija, mingħand min u b'liema prezz/rati; (c) minn min qed jintużaw dawn il-mobile phones f'kull każ; (d) kemm minn dawn il-mobile phones bdew jiġu użati mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hawn żewġ mobile phones li huma mixtrija mingħand Telecell bil-prezz ta' Lm194.49,0 u l-ieħor mingħand Vodafone bil-prezz ta' Lm201.50,0. Dawn il-mobile phones qegħdin jintużaw, wieħed mill-Permanent Secretary u l-ieħor mis-Segretarjat tal-Ministeru.
Wieħed minn dawn il-mobile phones, dak tas-Segretarjat, inxtara f'Ottubru 1998 u beda jiġi użat minnufih; l-ieħor kien użat qabel il-5 ta' Settembru 1998.
Fis-Segretarjat Parlamentari qed jintuża mobile phone mis-Segretarju Parlamentari u tnejn oħra għall-użu ġenerali tas-Segretarjat. Dawn iż-żewġ mobile phones kienu użati minn uffiċjali li kienu jokkupaw karigi fis-Segretarjat matul l-amministrazzjoni ta' qabel. Il-kontijiet tal-mobile phone tas-Segretarju Parlamentari jitħallsu minn fondi tal-Gvern għalkemm is-set huwa propjeta' tiegħu personali.
Qed jintuża mobile phone ieħor miċ-Chairman tan-National Pool Complex li għalkemm il-kontijiet tiegħu jiġu mħallsa mill-Accounts tal-Pool, la huwa propjeta' u lanqas huwa mikri mill-Pool Complex.
Il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali għandha bħala propjeta' tagħha żewġ mobile phones li nxtraw bil-prezz ta' LM89 (Feb.'97) u LM96 (Nov.'98) u li jintużaw biss għall-programm Elderhostel u jitħallsu minn dan il-programm. Il-mobile phones huma abbinati mal-programm u mhux mal-persuna.
Il-Mediterranean Conference Centre għandha tliet mobile phones mixtrija mingħand Telecell/Vodaphone. Wieħed inxtara Lm130 u t-tnejn l-oħra Lm170-il wieħed. Dawn il-mobile phones qed jintużaw mill-A/General Manager, mill-Head of Operations u miċ-Charge Hand. Tnejn minn dawn il-mobile phones bdew jiġu użati mill-5 ta' Settembru, 1998. Din l-azzjoni ttieħdet biex l-uffiċjali għolja jkunu jistgħu jiġu kkuntattjati f'każ ta' emerġenza kif ġara dan l-aħħar waqt ħruq bil-lejl.
Fil-perjodu mill-5 ta' Settembru sa' l-10 ta' Novembru 1998 l-Universita' kellha 4 mobile phones għall-użu tagħha. Dawn l-4 mobile phones kienu ġa qegħdin jintużaw kollha qabel il-5 ta' Settembru u huma kollha propjeta' ta' l-Universita'.
Dawn il-mobile phones qed jintużaw, wieħed fir-Rettorat; wieħed fid-Dipartiment tax-Xjenzi Biomediċi; u tnejn fid-Dipartiment tal-Bioloġija. L-aħħar tliet mobile phones imsemmija qed jintużaw fuq proġetti tar-Raba' Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja.
Il-Public Broadcasting Services għandha 20 mobile phone li kollha ġew mixtrija matul is-snin qabel il-5 ta' Settembru 1998. Dawn il-mobile phones qed jiġu użati minn:- Abela Cost - Engineers, Abela Cost - OB Van-Big, Abela Cost - OB Van-Small, Abela Tony, Azzopardi Paul, Azzopardi Paul - News (4), Azzopardi Stephen, Christina Sylvana, Flores Charles, Galea Joe, Galea Joe - Sports, Inguanez John, Marshall Albert, Peresso George, Peresso George - Operations Radio, Psaila Andrew u Żammit Manuel.
Il-Malta Council of Science & Technology hemm żewġ mobile phones li qed jintużaw minn uffiċjali tal-Kunsill.
Iż-żewġ mobile phones huma t-tnejn mixtrija: wieħed inxtara 3 snin ilu mingħand 'it-Telephone Direct' il-mudell huwa Ericsson u nxtara għal-prezz ta' madwar LM210.00. L-ieħor inxtara sena u nofs ilu mingħand 'The Phone Shop' il-mudell huwa Motorola għal-prezz ta' madwar LM215.00.
L-Ericsson kien jintuża miċ-'Chairperson' tal-Kunsill Dr. Rena Balzan, sakemm irriżenjat fid-9 ta' Settembru 1998. Ftit wara dan għamel użu minnu s-Sur Giovanni Buttiġieg għal xogħol relatat mal-Ġimgħa Xjenza u Teknoloġija 1998. Is-sett l-ieħor -Motorola- qed jagħmel użu minnu l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, il-Perit Carmelo J. Barbara.
It-tnejn kienu jintuzaw qabel il-perjodu msemmi fil-mistoqsija parlamentari.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji, id-Dipartiment tal-Mużewijiet kif ukoll id-Dipartiment tal-Kultura ma jagħmlu użu min ebda mobile phone.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura (ta' l-Art u tal-Baħar) għandu reġistrat f'isem il-ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għal ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li vetturi reġistrati mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hemm 5 u mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm 29.
Ma kienx hemm vetturi li nxtraw bejn is-6 ta' Settembru 1998 u 28 ta' Ottubru 1998.
Hemm tlett vetturi (ta' l-art) reġistrati f'isem is-Segretarjat Parlamentari u tlieta oħra f'isem id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Id-dettalji tagħhom huma dawn:
Numru ta' Għamla Dipartiment/Sezzjoni
Reġistrazzjoni
GVN071 Mercedes Segretarju Parlamentari
GVN070 Skoda Segretarju Parlamentari
BBB306 Rover Segretarju Parlamentari
DAM591 Peugeot Staff-Marsa Sports Section
GAC652 Rover Derettur Żgħażagħ u Sport
GUH061 Tractor Marsa Sprots Grounds
Ma hemm ebda vettura tal-baħar reġistrata f'isem is-Segretarjat Parlamentari jew f'isem id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u ma nxtrat ebda vettura matul il-perjodu indikat.
Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għandu żewġ karozzi f'ismu. WAħda hija għad-dispożizzjoni esklussiva tad-Direttur - GAN521 Mażda 323 Saloon, u l-oħra tintuża għal qadi kollu tad-Dipartiment - GVN125 Subaru 1600 Station Wagon.
Ebda vettura ma nxtrat minn dan id-Dipartiment mis-6 ta' Settembru 1998 sat-28 ta' Ottubru 1998.
Id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji għandu tlett karozzi reġistrati. Dawn huma:
Numru tal-Karozza Tip
AAB661 Peugeot
GVN046 Seat Ibiza
GVN329 Renault
Mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji ma xtara ebda karozza.
Id-Dipartiment tal-Kultura għandu 3 vetturi reġistrati li ebda waħda minnhom ma nxtrat bejn il-5 ta' Settembru 1998 u t-28 ta' Ottubru 1998.
Id-Dipartiment tal-Mużewijiet għandu vettura waħda (Toyota Hiace) reġistrata f'ismu.
Bejn is-6 ta' Settembru 1998 u t-28 ta' Ottubru 1998 ma ġiet mixtrija ebda vettura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirijiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew peremzz ta' direct orders?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għal kiri ta' dawn il-karozzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li karozzi tal-kir mal-Ministeru hemm 7 filwaqt li mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm 17.
Il-kerrejja ta' dawn il-karozzi huma (a) Swift Rent a Car, (b) Autorentals and (c) Butterfly Garage.
Dawn il-kirjiet saru permezz ta' Treasury tender 206 ta' din is-sena, bl-eċċezzjoni ta' żewġ karozzi li nkrew, waħda, minħabba li fid-Diviżjoni ma kienx hemm fondi sabiex tinxtara karozza, skond Performance Agreement, għal Direttur, u l-oħra mikrija għal konsulent skond ftehim ta' kuntratt.
L-ispiża tlaħħaq għal Lm111.74 kuljum.
Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ma għandu ebda karozzi tal-kiri għad-dispozizzjoni tiegħu.
Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għandu erba' karozzi tal-kiri li tlieta minnhom huma taħt il-1200cc u waħda 'l fuq minn 1200cc. Hemm żewġ karozzi oħra li huma 'l fuq minn 1200cc li qed jintużaw fl-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari.
Il-karozzi qegħdin mikrija b'kuntratt li kien ingħata wara sejħa għall-offerti. Il-kuntratturi huma Del Carm Ltd u Butterfly Garage.
Ir-rata tal-kiri hija ta' Lm3.45 għall-karozzi taħt l-1200cc u Lm3.75 għall-karozzi fuq il-1200cc.
Id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji għandu karozza waħda tal-kiri għall-użu tiegħu.
Il-kerrej tal-karozzi "DAK 152" huwa d-Direttur tal-Libreriji u Arkivji.
Il-Dipartiment fil-kiri ta' din il-karozza juża l-istess kuntratt tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Il-kuntratt sar mid-Diviżjoni bl-offerti u x-xogħol ingħata lil Auto Rentals Company Ltd.
L-ispiża għal kiri ta' din il-karozza hija ta' Lm3.60 kuljum.
Id-Dipartiment tal-Kultura għandu 3 karozzi tal-passiġġieri u van wieħed tal-kiri li huma mikrijin mingħand Del Carm Ltd u Butterfly Garage.
L-ispiża tlaħħaq l-ammont ta' Lm16.60 kuljum.
Għal dak li għandu x'jaqsam mad-Dipartiment tal-Mużewijiet, id-Dipartiment għandu żewġ karozzi u pick-up mikrija.
Il-karozzi u pick-up huma mikrija mingħand il-Butterfly Garage Co. Ltd, Autorentals Co. Ltd u Lawrence Mercieca.
L-ispiża ta' kuljum tammonta għal Lm19.75.
Fl-ewwel xahrejn tas-sena skolastika 1998-1999, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm saru vjaġġi għall-istudenti primarji, sekondarji; 2) kemm ġew jiswew dawn il-vjaġġi: i) għall-primarji; ii) għas-sekondarji; 3) x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tħallas għall-vjaġġi li ġenwinament isiru u kemm fil-fatt hemm bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ewwel xahrejn tas-sena skolastika 1998/99, l-għadd ta' vjaġġi għat-tfal ta' l-iskejjel kulljum kien:
Skejjel Primarji - 170 filgħodu u l-istess numru filgħaxija
Skejjel Sekondarji - 536 filgħodu u l-istess numru filgħaxija
L-ispiża involuta kienet ta' madwar Lm39,000 għall-iskejjel primarji u ta' madwar Lm152,000 għall-iskejjel sekondarji.
It-talbiet għall-ħlas isiru lill-kapijiet ta' l-iskejjel li jiċċertifikaw li l-vjaġġi jkunu effettivament saru. Meta vjaġġ ikun miftiehem li jsir imma fil-fatt ma jsirx, il-Kap ta' l-iskola javża b'dan lid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni li tgħaddi l-pagamenti għall-vjaġġi biss li jkunu effetivament saru.
L-għadd ta' vjaġġi li hemm bżonn isiru hu dak li jkun ġie deċiż qabel tibda s-sena skolastika, u skond in-numru ta' studenti li jkollhom bżonn trasport.
Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm ġew barranin jistudjaw l-Ingliż fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex li jgħallmu l-Ingliż lil barranin matul: 1) Ġunju 1998; 2) Lulju 1998; 3) Awissu 1998; u 4) Settembru 1998; b) kemm għandna minn dawn l-iskejjel bħalissa; c) kemm għandna persuni bil-warrant biex jgħallmu f'dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, ser ikolli nwieġeb f'xi seduta oħra.
Minn Settembru 1998 s'issa, jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet organizza l-Kumitat għall-Jeddijiet tal-Bniedem li kien twaqqaf biex fuq livell ta' skejjel u fuq livell nazzjonali ifakkar il-50 sena mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem?
Peress li dawn il-valuri li hemm bżonn jibqgħu jinxterdu fl-iskejjel biex isiru parti sħiħa mill-kultura tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, hemm il-ħsieb li kumitat simili jibqa' attiv matul din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-25 ta' Settembru ssejħet laqgħa tal-Kumitat biex jitkomplew it-tħejjijiet tal-programm. F'din il-laqgħa ġejt infurmat li l-membri appuntati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni (u Kultura) kienu offrew ir-riżenja tagħhom minħabba raġunijiet ta' proċedura. Il-Kumitat qua Kumitat, għaldaqstant, ma baqax kostitwit u l-attivitajiet maħsuba biex ifakkru l-anniversarju kellhom jieqfu. Sa fejn hu magħruf minni, ma jirriżultalix li dan il-Kumitat reġa' twaqqaf.
Fuq livell kurrikulari u mhux fuq livell ta' Kumitat, iż-żewġ 'membri' min-naħa tad-Diviżjoni, u cioe' Ms Josephine Vassallo u Mr Philip Said komplew bl-attivitajiet ta' tifkira ma' l-iskejjel. F'din id-direzzjoni:
1. L-istudenti ta' l-iskejjel Statali, tal-Knisja u
Indipendenti ġew mistiedna permezz ta' ittra ċirkulari
mid-dipartiment tal-kurrikulu biex jipparteċipaw fi 'Pjan
ta' Azzjoni' fil-komunita' tagħhom b'riżq il-ħarsien tad-
Drittijiet tal-Bniedem. Diversi skejjel primarji u
sekondarji ħadu sehem f'dan il-proġett imniedi mill-Ġnus
Magħquda. Il-ħidma tagħhom tinsab reġistrata fuq il-website
globali: CyberSchoolBus.un.org.Human Rights.
2. Id-dipartiment ta' l-Istudju Soċjali fil-Junior Lyceum
tal-Bniet 'Maria Reġina' Blata l-Bajda, ikkoordina programm
ta' attivitajiet interkurrikulari u inter-skolastiku biex
ifakkar il-ħamsin sena tad-Dikjarazzjoni. L-attivitajiet
qegħdin isiru bejn is-7 u l-11 ta' Diċembru 1998.
3. Se ninqdew bil-kompetizzjoni ta' Europe at School li għas-
sena 1999 għandha bħala tema 'Human Rights and I'
Dawn l-attivitajiet huma maħsuba biex inkomplu nxerrdu fost it-tfal u ż-żgħażagħ fl-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji l-kultura ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-kuxjenza għall-obligazzjonijiet soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kif fl-iskola ta' Maria Regina Junior Lyceum tal-Blata l-Bajda minn tliet għalliema tal-Business Studies l-istudenti tal-Form 3 u Form 4 spiċċaw b'għalliema waħda? Peress li dawn l-istudenti ilhom b'għalliema waħda mill-bidu ta' Novembru, meta jaħseb li se jerġa' jkollhom għalliema available?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mit-tliet għalliema tal-Business Studies fl-Iskola ta' Maria Regina Liceo tal-Bniet, Blata 'l-Bajda, żewġ għalliema qegħdin b'ċertifikat ta' mard.
Fil-każ ta' dik l-għalliema li ilha nieqsa mid-9 ta' Novembru ntbagħat għalliem ieħor biex jieħu l-lezzjonijiet tagħha.
Għal-lezzjonijiet ta' l-għalliema l-oħra għadu ma nstabx għalliem.
Iż-żewġ għalliema huma mistennija lura l-iskola wara l-vaganzi tal-Milied.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata għajnuna finanzjarja l-Kumitat Olimpiku Malti f'dawn l-aħħar erba' snin? Kemm hu maħsub li jingħata s-sena d-dieħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, ser ikolli nwieġeb f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-commitments li diġa' jeżistu kif ukoll xi proġetti kapitali oħra qed ikunu ppjanati u dan b'riferenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 2092 mogħtija f'Seduta Numru 21?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġetti kapitali li hemm committed mill-Vot 13 tad-Dipartiment ta' l-Isport jinkludu xogħlijiet fuq il-canopy ta'l-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali, bini ta' dressing rooms fil-Lyceum ta' Kordin, Pitch tal-boċċi f'Bormla, xiri u installazzjoni ta' laboratory equipment għall-Kumitat Olimpiku Malti. In-nefqa se tkopri wkoll xogħol preliminari konness mal-bini tat-tlett ċentri sportivi.