Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2748 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tarġa Gap - Lezzjonijiet tal-computer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex l-istudenti ma jibqgħux jitilfu lezzjonijiet fil-computer fl-iskola post-sekondarja ta' Tarġa Gap? Meta se jiġu upgraded il-computers ta' din l-iskola biex l-istudenti li suppost qed isegwu kors fid-disinn grafiku jkunu jistgħu jagħmlu dan? Kemm kien hemm studenti f'din l-iskola fil-bidu ta' din is-sena skolastika jsegwu korsijiet, kors b'kors? Kemm hemm studenti issa, kors b'kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #2752 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Konsulent

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala konsulent dwar programmi eduattivi ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm ilu maħtur f'din il-konsulenza? X'xogħol għamel s'issa kemm ilu f'din il-ħatra? X'xogħol se jagħmel tul l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol tal-persuna imsemmija li s-servizzi tagħha ġew ingaġġati mingħand l-Europa Research & Consultancy Services Ltd, huwa li tagħti pariri fuq kwalunkwe materja fil-Ministeru li hi konnessa ma' l-Unjoni Ewropea b'riferenza speċjali għall-programmi li jolqtu oqsma tal-Ministeru tiegħi. Il-persuna imsemmija ilha tagħti dan is-servizz ta' konsulenza mill-1 ta' Ottubru 1998. Ix-xogħol li għamlet s'issa u li ser tagħmel matul l-1999 huwa fil-kwadru ta' dan il-'brief'.
Leg 9 PQ #2763 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Statali - Tuchshops

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2452, jista' l-Ministru jgħid jekk it-talba li saret fl-1 ta' Ottubru, 1998 mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni lid-Dipartiment tas-Saħħa biex isiru spezzjonijiet tat-tuckshops ġietx attwata? Jekk ġiet attwata, x'irriżulta minnha? Jekk għadha ma ġietx attwata, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tas-Saħħa għadu ma rraporta ebda spezzjoni mill-Uffiċjali tiegħu fit-Tuck Shops. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni reġgħet talbet biex isiru l-ispezzjonijiet meħtieġa permezz ta' ittra datata l-10 ta' Diċembru 1998.
Leg 9 PQ #2707 Sitting 38 1998-12-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment taż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ jiġi konvertit jew immexxi minn azjenda? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk l-azjenda hijiex se tkun governattiva jew privata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemm ebda ħsieb li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ ikun immexxi minn ażjenda. Qiegħed ikun studjat liema hi l-aħjar struttura li tista' tmexxi u tikkordina politika u attivitajiet taż-żgħażagħ.
Leg 9 PQ #2708 Sitting 38 1998-12-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Konsulenti/advisers

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' konsulenti u advisers li huma ngaġġati mis-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? Kemm qed jitħallsu fis-sena? Meta jiskadilhom il-kuntratt eżistenti? X'tip ta' xogħol huwa assenjat lilhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemm ebda konsulenti jew advisors ingaġġati mas-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #2333 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Theddida ta' bomba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu meta ssir theddida ta' bomba f'xi skola? Veru li dan l-aħħar saret theddida ta' bomba fi skola ta' l-Istat u l-post ma ġiex evakwat? Veru li waqt li kienet qed issir "bomb scan" l-istudenti ma nħarġux mill-iskola? Veru li uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, flimkien ma' uffiċjal ta' l-Armata (Bomb disposal unit), ma riedux li jinħarġu t-tfal mill-iskola? Veru li teżisti ċirkolari li tgħid li f'każ bħal dan it-tfal ma jinħarġux mill-iskola? Ma jaħsibx il-Ministru li din iċ-ċirkolari għandha tinbidel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċeduri f'każ ta' theddida ta' bomba huma dawk stabbiliti mill-PULIZIJA u l-AFM EOD (Explosives Ordinance Disposal) Għall-mistoqsijiet tnejn sa erbgħa, it-tweġiba hija fl-affermattiv. L-uffiċċjali edukattivi mxew fuq id-direttivi taċ-ċirkulari Nru OPS/59/98 maħruġ mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fit-18 ta' Settembru 1998. Dawn id-direttivi fl-imsemmija ċirkulari nħarġu wara konsultazzjonijiet bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Pulizija u l-AFM EOD. Minn Settembru 1998 kien hemm każi ta' theddida ta' bomba f'żewġ skejjel fejn din il-proċedura ntużat b'suċċess. Għalhekk mhinix mogħti parir li nibdel l-imsemmija ċirkulari.
Leg 9 PQ #2713 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Żabbar — Bieb is-Sultan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għar-rigward ta' Bieb is-Sultan f'Ħaż-Żabbar?

Response (GALEA, LOUIS)

Bieb is-Sultan Ħaż-Żabbar hu fost il-wirt li huwa imħares b'mod normali mid-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #2721 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħal Far — Racing track

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi żviluppi dwar il-possibbilta' ta' l-iżvilupp ta' racing track għall-isport tal-karozzi u muturi f'Ħal Far?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa ma hemmx żviluppi ġodda dwar il-possibilita' ta' l-iżvilupp ta' racing track għall-isport tal-karozzi u muturi f'Ħal Far. Madankollu talbiet ġodda għal faċilitajiet għal dawn l-isports qegħdin ikunu studjati.
Leg 9 PQ #2327 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Stipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diskussjonijiet dwar l-istipendji ta' l-istudenti ta' l-Universita' ġewx konklużi? Jekk iva, dawn se jkunu sħaħ kif kienu ġew imwiegħda qabel l-elezzjoni? Jekk fin-negattiv, kif se jkunu mfasslin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord imwaqqaf biex jistudja din il-materja għadu sejjer bix-xogħol tiegħu.
Leg 9 PQ #2652 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Flus minfuqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mal-5 ta' Settembru, 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-somma li ntnefqet mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum biex jiġu rranġati l-uffiċini tal-Ministeru kienet tammonta għal Lm4,738.47c.
Leg 9 PQ #2679 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward in-numru ta' studenti fl-Universita' ta' Malta bħalissa ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Żabbar, Żejtun, Marsascala, Cosipicua, Senglea, Vittoriosa, Kalkara, Fgura u Xgħajra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti fl-Universita' li bħalissa ġejjin minn Ħaż-Żabbar, Żejtun, M'Scala, Cospicua, Senglea, Vittoriosa, Kalkara, Fgura huma: Ħaż-Żabbar 198 Żejtun 141 M'Scala 121 Cospicua 51 Senglea 25 Vittoriosa 28 Kalkara 21 Fgura 241
Leg 9 PQ #2685 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Trasport

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi u jinvestiga għaliex xufier fuq ir-rotta ta' Ġebel San Martin (Żejtun) qed iħalli tfal taħt il-11-il sena 'l bogħod ħafna (Bir id-Deheb) minflok ma jwassalhom fil-post fejn joqogħdu kif suppost? X'passi ttieħdu mill-kumitat li jilqa' tali lment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-uffiċjal inkarigat mit-Trasport għat-tfal ta' l-iskola, qed imur fuq il-post imsemmi biex jivverifika dan l-ilment. Jittieħdu l-passi meħtieġa skond il-każ.
Leg 9 PQ #2686 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Awżiljarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li numru ta' awżiljarji li jaħdmu f'dan id-dipartiment u għadhom bażerali (mhux tal-post) minkejja li ilhom jaħdmu għal għadd ġmielu ta' snin, isiru tal-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-materja ma tiġix deċiża fil-livell tal-Ministeru tiegħi iżda fil-livell tal-Gvern kollu taħt id-direzzjoni ta'l-Uffiċċju tat-Tmexxija tal-Personnel.
Leg 9 PQ #1830 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Sportivi tal-muturi trials

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jestendi l-għajnuna lill-isportivi tal-kampjonati nazzjonali tal-muturi trials u motorcross sabiex jiġu eżentati milli jħallsu d-dazji u registration fees ta' dawn il-muturi peress li ma jintużawx għas-sewqan fit-toroq, imma jintużaw biss għall-kompetizzjonijiet sportivi? Billi din hija nġustizzja u qed iċċaħħad anke milli jikber dan l-isport f'Malta, jista' l-Ministru jintroduċi skema ġdida għall-Budget li ġej sabiex ma tkomplix issir inġustizzja ma' dawn l-isportivi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-eżenzjoni mit-taxxa hija prerogattiva tal-Ministeru tal-Finanzi. Għalhekk kull talba għall-eżenzjoni għandha ssir direttament lil dan il-Ministeru mill-għaqdiet sportivi. Kull talba tiġi kkunsidrata fuq il-meritu tagħha.
Leg 9 PQ #2292 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u jekk Malta ssir membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, kif dan jaffetwa l-kondizzjonijiet ta' l-għalliema? Veru li l-kondizzjonijiet ta' l-għalliema Maltin huma l-aħjar fost il-pajjiżi Ewropej? Tista' l-Unjoni Ewropea timponi tibdil f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jagħti comparative analysis ma' dawk tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bi sħubija fl-Unjoni Ewropeja l-għalliema Maltin għandhom jibbenefikaw minn parteċipazzjoni fil-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropeja. Jekk il-kundizzjonijiet ta' l-għalliema humiex l-aħjar jew le fost il-pajjiżi Ewropej, ma nistax ngħid għax dan il-ġudizzju irid ħafna studju dettaljat. M'iniex f'pożizzjoni li nagħti 'comparative analysis' tal-kundizzjonijiet ta' l-għalliema Maltin vis-a-vis il-pajjiżi ta'l-Unjoni Ewropeja.
Leg 9 PQ #2557 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' bini ta' kindergarten ġdid fiż-żona magħrufa bħala ta' Lourdes f'Raħal Ġdid flok dak eżistenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'dan l-istadju għandha prioritajiet oħra.
Leg 9 PQ #2592 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sportivi — Testing ta' doping

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sportivi li kienu ttestjati pożittivi wara doping test li jsir waqt id-diversi kampjonati f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhix il-proċedura li l-għaqdiet sportivi jgħaddu r-riżultati tad-doping tests lid-Dipartiment ta' l-Isport.
Leg 9 PQ #2625 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tifel ilu minn Settembru, 1998 jistenna biex isirlu test biex jiġi stabbilit jekk ibatix minn dyslexia?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Kollega s-servizzi u l-għajnuna għan-nies li jbatu mid-dyslexia għadhom ġodda. Għalhekk hemm 'waiting lists' biex it-tfal jieħdu l-għajnuna meħtieġa. Lest inkompli nsegwi l-każ jekk ikolli d-dettalji speċifiċi.
Leg 9 PQ #1894 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 838 dwar in-nuqqas ta' tagħrif mogħti għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 215, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija? Għaliex tħalla barra l-ammont indikat minni ta' nuqqas ta' ħlas ta' kera? Jista' l-Ministru jgħid f'liema snin kien chairman tal-Marsa Racing Club s-Sur Paul Midolo u peress illi qal li meta ma tħallsitx il-kera dovuta mill-gvern ma kienx chairman is-Sur Midolo, jista' l-Ministru jgħid min kien iċ-chairman?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas tal-kera dovuta lill-Gvern ilu ma jsir mill-1987. Iċ-Chairman tal-Club bejn l-1987 u l-1990 kien is-Sur Alfred Sant Fournier u s-Sur Paul Midolo kien Chairman bejn l-1990 u l-1996. Ta' min jinnota li l-ħlas tal-kera ma sarx lanqas bejn l-1996 u l-1998 meta kien Chairman is-Sur George Borg Cardona li kien ġie maħtur mill-Onor. Inerpellant.
Leg 9 PQ #1895 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 837, jista' l-Ministru jgħid x'kien il-ftehim milħuq bejn il-kumitat u l-membri (sidien u ġerrejja) tal-Marsa Racing Club? Dawn ta' l-aħħar intalbu xi kontribut finanzjarju biex isiru x-xogħlijiet indikati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta'l-upgrading tal-korsa sar wara ftehim li ntlaħaq fil-Kumitat Eżekuttiv iżda dejjem kien hemm qbil bejn il-Kumitat u s-sidien li kienu jinżammu infurmati permezz ta' laqgħat li kienu jissejħu apposta. Ma kien hemm ebda kontribut finanzjarju dirett mis-sidien lejn dan il-proġett.