Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2894 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hux qed ikollha konsultazzjonijiet mal-Kapijiet ta' l-Iskejjel ta' l-Istat dwar bżonnijiet ta' tiswijiet fl-iskejjel rispettivi? Il-kunsilli lokali qed jiġu nvoluti f'dan? Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu bħalissa talbiet mill-iskejjel ta' l-Istat u/jew kunsilli skolastiċi għal tiswijiet fl-iskejjel tal-lokal? Fejn jinstabu dawn l-iskejjel u x'inhuma dawn it-tiswijiet? Kemm minnhom ġew kklassifikati bħala urġenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li intbagħtet ċrikulari fis-27 ta' Ottubru, 1998 lill-kapijiet kollha ta' l-iskejjel Primarji u xi wħud sekondarji kif ukoll lil skejjel speċjali fejn il-kapijiet ġew mitluba biex, wara konsultazzjoni mal-kunsill ta' l-iskola u mal-kunsill lokali, jissottomettu lista ta' xogħlijiet f'ordni ta' prijorita', sat-22 ta' Diċembru, 1998. Kien hemm ħamsa u sebgħin risposta. It-tiswijiet huma varji ħafna. Fil-bidu ta' Jannar ikollna stampa aktar ċara tal-kwantita' u l-kwalita' tax-xogħol rikjest, u f'dak iż-żmien issir analiżi tax-xogħlijiet meħtieġa. Dawn l-iskejjel jinsabu f'dawn il-lokalitajiet: B'Bugia, B'Kara, Cospicua, Dingli, Floriana, Gudja, Għargħur, Gżira, Ħamrun, Kalkara, Luqa, Marsa, Msida, M'Xlokk, Mellieħa, Mosta, Mqabba, Naxxar, Pembroke, Pieta', Qormi, Qrendi, Rabat, Safi, Senglea, Siġġiewi, St Venera, San Ġwann, St Julians, Tarxien, Valletta, Vittoriosa, Żebbuġ, Żejtun, Żurrieq.
Leg 9 PQ #2895 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Chief Executive - Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt taċ-Chief Executive tal-PBS skadiex? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-deċiżjoni tal-Gvern rigward il-kuntratt taċ-Chief Executive preżenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Bi ftehim bejn il-Bord il-ġdid tal-PBS u ċ-Chief Executive, il-kuntratt taċ-Chief Executive ġie mġedded għal perjodu definit ieħor. Sadanittant il-Bord li ġie maħtur ftit ilu jilħaq jagħmel stima tas-sitwazzjoni biex ikun f'pożizzjoni aħjar li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Leg 9 PQ #2896 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Promozzjonijiet

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fil-PBS bejn is-26 ta' Ottubru, 1996 u l-5 ta' Settembru, 1998? Min ħa dawn il-promozzjonijiet u fuq liema bażi ngħataw? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kif kienu l-gradi u n-numru ta' persuni li jokkupawhom fil-PBS fis-26 ta' Ottubru, 1996 u kif inhuma fil-preżent?

Response (GALEA, LOUIS)

Jien infurmat li bejn is-26 ta' Ottubru 1996 u l-5 ta' Settembru 1998, ingħataw 99 promozzjoni fil-PBS. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni li ġejja: - lista mmarkata Doc A li turi min kienu dawk li ngħataw promozzjoni. Il-promozzjonijiet ingħataw bħala riżultat ta' intervisti interni li saru minn Bordijiet ta' Għażla differenti u b'konsegwenza tal-Ftehim Kollettiv ġdid u anke ta' qablu. - listi mmarkati Doc B u Doc C li jagħtu l-informazzjoni kollha dwar il-gradi u l-għadd ta' persuni li kienu jokkupaw dawk il-gradi fis-26 ta' Ottubru 1996 u li jokkupawhom fil-preżent.
Leg 9 PQ #2897 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Ġurnalisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-PBS għandux ġurnalisti regolari sabiex jirrapporta l-Qorti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PBS qatt ma kellu ġurnalisti regolari biex jirrappurtaw il-Qorti.
Leg 9 PQ #2898 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Ġurnalisti

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar in-numru ta' ġurnalisti tal-PBS li jirrapportaw ix-xogħol li jsir fil-Kamra tad-Deputati? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol isirx minn ġurnalisti regolari tal-PBS u fuq liema bażi ta' ħlas isir?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rappurtaġġ tas-seduti Parlamentari ta' filgħaxija ġeneralment kien u għadu jsir minn ġurnalista 'part-time' kemm minħabba nuqqas ta' staff kif ukoll biex ikun hemm trażżin tas-sahra. Ix-xogħol ġie li jsir ukoll minn ġurnalista regolari tal-PBS.
Leg 9 PQ #2908 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Adelide Cini - Għalliema tal-Chemistry

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fl-iskola ta' Adelide Cini, Ħamrun m'hemmx għalliema tal-Chemistry tgħallem fil-Form 3? Meta jaħseb li se terġa' tmur l-għalliema? Kemm hemm skejjel li għandhom għalliema nieqsa? Ta' liema huma s-suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Adelaide Ċini ma hemmx għalliema nieqsa. Skejjel fejn hemm għalliema nieqsa hemm 7, u s-suġġetti huma Computer, Physics, PSE, Music, Home Economics, Business Studies.
Leg 9 PQ #2945 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Tenders

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2181?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bejn il-perjodu 05.09.98 sa l-01.12.98, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji kellu tender waħda approvata ta' valur ta' aktar minn Lm1,000 li ġiet approvata fit-28.09.98. Il-valur tat-tender hija ta' Lm7,132 u ġiet 'awarded' lil Messrs. Shelving Direct ta' 59 St Paul's Street, Valletta. In-natura tax-xogħol tat-tender hija: "Shelving Units for the Public Records Depository, Ħal Far". Fl-istess perjodu ta' żmien intalbu tliet kwotazzjonijiet għal xiri ta' żewġ photocopiers għall-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali. Il-photocopiers inxtraw mingħand VJ Salamone Ltd bil-prezz ta' Lm899 il-waħda. Il-kwotazzjonijiet l-oħra kienu ta' Lm976 u Lm1172 il-waħda rispettivament. Għal dak li għandu x'jaqsam id-Dipartiment tal-Mużewijiet, fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija ingħataw dawn il-kuntratti, wara sejħa għall-offerti, bil-valur ta' aktar minn elf lira: 1. Provvista ta' żewġ mobile toilets lil Temple Holdings Ltd għal valur ta' Lm2239.82. 2. Xogħol ta' stamplar lil P.E.G. Ltd li għal valur ta' Lm1930.00. 3. Provvista u tqegħid ta' scaffolding system fil-Kon Katidral ta' San Ġwann lil Jos F Spiteri & Co (1927) Ltd għal valur ta' Lm1355.00. (Il-Letter of acceptance dwar dan l-aħħar kuntratt fil-fatt għadha ma ħarġitx iżda hi mistennija li toħroġ dawn fil- ġranet li ġejjin). Lista ta' tenders ta' valur aktar minn Lm1,000 li ġew approvati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mill-5.9.98 sa l-1.12.98 (Dok. A), u mill-Universita' ta' Malta (Dok. B), ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-perjodu msemmi, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, is-Segretarjat Parlamentari, id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, il-PBS, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, il-Mediterranean Conference Centre u d-Dipartiment tal-Kultura ma approvaw ebda tender ta' valur aktar minn Lm1,000.
Leg 9 PQ #2862 Sitting 46 1998-12-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' l-iskola tal-kindergarten ta' Lourdes, f'Raħal Ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #2640 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Isport — Off-road auto motor sport

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'policy għandu d-Dipartiment ta' l-Isport dwar l-off-road auto motor sport f'pajjiżna? Huwa f'pożizzjoni li jinforma lill-Kamra x'tip ta' avvenimenti nazzjonali ta' l-auto motor sport jiġu organizzati fil-gżejjer tagħna? X'għajnuna jingħataw dawn l-għaqdiet mid-Dipartiment ta' l-Isport?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa qiegħed isir studju fuq il-motor sport kollu. Is-Segretarju Parlamentari kellu laqgħa waħda ma rappreżentanti ta' l-All Wheel Drive Club. Minn din il-laqgħa irriżulta illi l-akbar issue għal dan l-isport huwa faċilitajiet fejn dan l-isport jista' jkun prattikat minħabba l-impatt fuq l-ambjent. Waqt din il-laqgħa kienu indikati siti suġġeriti mill-Awtorita' tal-Ippjanar għal prattika ta' dan l-isport. Żvilupp ta' sit partikolari jiddependi minn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tapprova l-permessi meħtieġa għall-off-roading fuq dan is-sit. Wieħed imbagħad ikun jista' jikkonsidra talbiet eventwali għal għajnuna.
Leg 9 PQ #2641 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet nazzjonali — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru għall-Isport u għaqdiet nazzjonali ta' l-Auto u Moto Sport f'pajjiżna bejn il-5 ta' Settembru u Diċembru ta' din is-sena? X'punti tqajmu, meta u ma' min kienu dawn il-laqgħat? Jekk ma sarux meta huwa pprogrammat li l-Ministeru jiltaqa' ma' dawn l-għaqdiet nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru laqgħat informali bejn uffiċjali tas-Sesgretarjat u dawn l-għaqdiet ta' l-autosport - Island Karting Club, Hal Far Circuit Association u All Wheel Drive Club. Il-laqgħat servew biex jinstemgħu l-ilmenti u proposti ta' dawn l-għaqdiet.
Leg 9 PQ #2769 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Speċjali - Sistema komputerizzata

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm ta' l-introduzzjoni tal-computers fl-iskejjel speċjali? F'liema skejjel l-istudenti qed jużaw il-computers? X'taħriġ ingħata lill-għalliema u meta? L-għalliema u l-kindergarten assistants ta' dawn l-iskejjel ġew mogħtija lap top computer kif ingħata lill-oħrajn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel kollha tlestew l-installazzjonijiet ta' l-Alarm Systems u ta'l-Elettriku b'riferenza għall-introduzzjoni tal-computers. Kull skola ġiet ukoll mogħtija l-għamara meħtieġa għal dan il-għan. F'kull klassi ġew installati żewġ computers jew wieħed skond il-ħtieġa kif ukoll video recorder u monitor. Għaldaqstant il-computer jista' jintuża fl-iskejjel kollha speċjali. L-għalliema kollha ġew mogħtija taħriġ bażiku fl-użu tal-computers u tas-software f'April u Mejju ta' din is-sena. L-għalliema u l-kindergarten assistants ta' dawn l-iskejjel ma ġewx mogħtija Laptop. Il-Proġett huwa fażi esperimentali u maħsub li fil-futur qrib jinstab konsulent f'dan il-qasam biex isir użu effikaċi tal-computers ma studenti bi ħtiġijiet speċjali.
Leg 9 PQ #2771 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Supply Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-reklutaġġ tas-Supply Kindergarten Assistants li s-sejħa għall-applikazzjoni tagħhom għalqet fis-27 ta' Novembru, 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċess ta' l-għażla għar-reklutaġġ ta' Supply Kindergarten Assistants ingħata bidu u hu mistenni li s-Selection Bord jibda bl-intervisti ta' l-applikanti fil-futur qrib.
Leg 9 PQ #2772 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mid-week project

Question

Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2541 għidt li se tkellem lid-Direttur Ġenerali u d-Direttur tal-Kurrikulu dwar il-Mid-week project, saret din il-laqgħa? X'ġie deċiż? Jekk ma saritx il-laqgħa, meta se ssir?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa għadni ma sibtx il-ħin għal-laqgħa formali mad-Direttur Ġenerali u mad-Direttur tal-Kurrikulu dwar il-Mid-Week Project. Informat li sa dan il-waqt, id-Direttur tal-Kurrikulu u l-Assistent Direttur responsabbli għall-implementazzjoni tal-kurrikulu qed jaraw kif il-Mid-Week Project jista' jipproċedi bl-aħjar mod u jilħaq l-għanijiet li twaqqaf għalihom.
Leg 9 PQ #2773 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħaġar Qim — Splużjonijiet

Question

Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2148?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet m'għandu ebda rapport li saru xi splużjonijiet fil-barrieri ta' qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Madankollu, l-Pulizija, il-Forzi Armati, kif ukoll l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, intalbu jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji b'riferenza għal din il-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #2804 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2522?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlasijiet ta' salarji, allowances, eċċ tat-tlett watchmen li huma impjegati mad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport se jammontaw għal Lm12,782.40 matul l-1998. Dawn huma mqassma hekk: Salarji Lm9039 Kontribuzzjonijiet Sigurta Soċjali Lm 869.40 Income Supplement Lm 312 Bonus (Ġunju u Diċembru) Lm 348 Allowances (Ħdud u Festi) Lm1512 Arretrati Ftehim Kollettiv Lm 702 Dwar ħlasijiet lill-impjegati tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Dawn l-impjegati qed jagħmlu xogħol ta' maintenance tal-Plant Room equipment u tindif tal-pixxina.
Leg 9 PQ #2805 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Swimming Promotion Unit

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2521?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif mill-ġdid tas-Swimming Promotions Unit qed isiru ma' membri tal-Bord Amministrattiv tal-Pixxina Nazzjonali. Il-pjan ta' dan il-Ministeru hu li din il-Unit tkun tista tibda topera fl-iqsar żmien possibli.
Leg 9 PQ #2806 Sitting 44 1998-12-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2520?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa għidt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru 783, informat li d-deċisjonijiet dwar l-estensjoni tal-kuntratt ta' dawn il-ħaddiema ttieħdu fuq rakkomandazzjoni mill-Bord Amministrattiv.
Leg 9 PQ #2764 Sitting 43 1998-12-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Siti arkeoloġiċi — Għassiesa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru huwiex beħsiebu jorganizza spezzjonijiet f'Malta u f'Għawdex biex jiġi żgurat li l-44 għassies assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi fil-fatt ikunu fuq ix-xogħol? Mid-19 ta' Novembru, 1998 sal-lum saru xi spezzjonijiet simili? X'kien ir-riżultat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mid-19 ta' Novembru 1998, f'Malta ma saru ebda spezzjonijiet lill-għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi. Qed jiġi konsidrat kif l-aħjar jiġi assigurat li din l-għassa ssir kif suppost.
Leg 9 PQ #2766 Sitting 43 1998-12-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tas-Sliema - Coral Reef Guest House

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jintbagħtu s-sottomissjonijiet rikjesti mingħand id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni 4818/98 dwar bdil ta' użu minn guest house għal skola ta' l-Ingliż f'Coral Reef Guest House, Tower Road, Sliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sottomissjonijiet mitluba mingħand id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni 4818/98 jiġu fformulati kemm mill-Monitoring Board għall-iskejjel tat-tagħlim ta' l-Ingliż kif ukoll mill-Head of Projects tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-kummenti mitluba mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar jintbagħtu mill-aktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #2757 Sitting 42 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Wirja tal-Patrimonju Malti — Mużew tal-Kostumi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li matul l-1999 jiftaħ il-mużew tal-kostumi bl-esebiti li kien hemm fl-wirja tal-Patrimonju Malti? Fejn hemm il-ħsieb li jiftaħ dan il-mużew?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.