Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2899 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Ġurnalisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-PBS dwar l-użu ta' ġurnalisti bil-kuntratt sabiex jagħmlu xogħol ġurnalistiku regolari għall-PBS? Jista' jgħid minn meta bdiet tintuża din is-sistema, jekk tintuża, u hijiex se tkompli tiġi użata din il-policy?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-centru ta' l-Aħbarijiet jagħmel użu mill-ġurnalisti bil-kuntratt kemm fir-rappurtaġġ ta' stejjer lokali, fil-kitba u produzzjoni ta' l-aħbarijiet ta' barra kif ukoll fil-programm ta' ġrajjiet kurrenti għar-radju u t-televiżjoni. Ġie li ġew assenjati wkoll biex jirrapurtaw seduti Parlamentari. Informat li l-ħtieġa għal dawn in-nies inħasset meta għadd ta' membri tat-Taqsima ta' l-Aħbarijiet kienu ngħataw promozzjoni u wħud minnhom ħtiġilhom jassumu pożizzjonijiet ġodda fi ħdan il-PBS. Is-sistema bdiet tintuża malli ġie ffirmat il-kuntratt mal-persuni involuti. Id-direzzjoni l-ġdida tal-PBS se jkollha l-opportunita' tagħti ħarsa mill-ġdid lejn din il-policy.
Leg 9 PQ #2900 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex minnhom rapporti li dehru fil-ġurnali li l-PBS se tispiċċa s-sena finanzjarja b'telf? Kemm qed jiġi stmat li jkun dan it-telf u jgħid x'qed iwassal għal dan it-telf minkejja s-sussidju mil-liċenzji li qed tingħata l-PBS?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li t-tagħrif jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #2901 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Liċenzji tal-televiżjoni

Question

jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li l-Gvern ta mil-liċenzji tat-televiżjoni lil PBS sena b'sena mill-1994 sal-1998 u jgħid x'inhi l-politika tal-gvern preżenti dwar dan is-sussidju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Gvern għadda dawn l-ammonti f'sussidju mill-liċenzji tat-televiżjoni lill-PBS 1994 - Lm1,519,000 1995 - Lm1,410,000 1996 - Lm1,816,000 1997 - Lm2,265,000 1998 - Lm2,111,000 (Jannar - Novembru) Ta min isemmi li l-Gvern preċedenti kien bidel l-ammont ta' Lm1,000,000 dovuti lilu mill-PBS f'kapital għall-kumpanija. Għandu jingħad li l-proċess kollu tal-ġbir, reklamar u aġġornament tas-sistema tal-liċenzji tat-TV isir mill-PBS. Il-Kumpanija tagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż amministrattivi kif ukoll investiet fit-teknoloġija meħtieġa biex tkun tista twettaq din il-ħidma.
Leg 9 PQ #2902 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Farming-out ta' programmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-PBS dwar il-farming-out ta' programmi? Kif jingħataw dawn il-programmi u x'metodi qed jintużaw biex jingħataw dawn il-programmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-policy li segwiet il-PBS s'issa dwar il-'farming-out' ta' programmi fuq Television Malta u Channel 12 tul dawn l-aħħar sentejn kienet u għadha waħda li taħseb għal dawn il-ħtiġijiet: 1. Il-ħolqien ta' spazju (studio) skond in-natura tal-programm u d-daqs ta' l-udjenza intenzjonata, speċjalment fi żmien meta l-istudios tal-PBS kienu qed jiġu refurbished 2. L-użu ta' faċilitajiet alternattivi sabiex il-programmi kollha fl-iskedi taż-żewġ stazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru u b'hekk jintlaħaq l-iskop tal-kumpanija li tagħti prijorita' lill-produzzjonijiet lokali 3. L-akkwist ta' ideat u metodi ġodda fil-kreazzjoni ta' programmi televiżivi 4. It-tkattir ta' l-idea li l-PBS, bħala organizzazzjoni tax-xandir pubbliku, sservi ta' umbrella professjonali fejn taħtha jitwieldu u jikbru programmi, programmaturi u talenti ġodda f'dan il-qasam importanti tal-komunikazzjoni. Il-'farming-out' tal-programmi jsir wara negozjati interni sabiex qabel xejn jiġi stabbilit il-livell ta' spazju u operat li tkun tista tassumi il-PBS, kif ukoll ma' kumpaniji u individwi li jkunu offrew is-servizzi, faċilitajiet u ideat tagħhom. Ta' min jgħid li anke fil-kuntratti ta' 'farming-out', il-PBS sikwit tinkludi l-użu ta' l-apparat u l-operat tagħha. Ġejt assigurat li l-kumpanija tieħu ħsieb li timmonitorja l-programmi li jkunu 'farmed-out' sabiex tassigura li l-kwalita' teknika u tal-preżentazzjoni tkun tajba.
Leg 9 PQ #2903 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Programmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-programmi li hemm fl-iskeda preżenti tal-PBS qed isiru mija fil-mija mill-PBS u kemm qed isiru permezz ta' kuntratti ta' farming-out fit-totalita' tagħhom jew parti minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-programmi fuq TVM u Channel 12 maħdumin mija fil-mija mill-PBS huma: TVM Channel 12 L-Aħbarijiet Nistgħu Ngħinuk Lenti Il-Kunsill Tiegħek Ħaddieħor Eta' tad-Deheb Sebatijiem Programm speċjali (ad hoc) Goal Il-Każ Kotba, Ideat u Ħajja Tertuqa 35 Vaganza f'Ħalblaras Pjazza 3 Waltzing Matilda Naturambjent Il-quddiesa ta' nhar ta' Ħadd Basta Mhux Weekend Ċinkwina Tiritombla Lista ta' programmi li huma 'farmed-out' qed tinagħata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2904. Informat ukoll li anke fil-każ ta' programmi farmed-out, il-PBS tidħol għal tipi ta'kuntratti, fosthom dawk li permezz tagħhom il-kumpanija xorta waħda tagħmel użu kemm mill-apparat kif ukoll mill-operat tagħha.
Leg 9 PQ #2904 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-kumpanniji jew individwi li ngħataw xogħol mill-PBS fuq bażi ta' farming-out fl-iskeda preżenti?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mogħti hu kif ġej:- MAX MEDIA -------------- Inservik Ġejna Koppji Fiżż ORANGEPEEL PRODUCTIONS ------------ Bricolage KOPERATTIVA EXPRESS ---------------- Kraxx BONACI BROTHERS --------------- Ipokriti PETER BUSUTTIL --------------- Bonġu Sinjura Borġ CITADEL PRODUCTIONS ------------ Għawdex Illum ENGELBERT GRECH et al ------------ Ċaqlaq
Leg 9 PQ #2922 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Qrendi - Skola speċjali

Question

X'irriżulta lill-Ministru wara li hu u uffiċjali għolja tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dan l-aħħar żaru l-iskola speċjali tal-Qrendi? X'passi se jittieħdu dwar it-talbiet imqajma mill-ġenituri u l-istaff ta' l-iskola? X'kienu dawn it-talbiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Fit-3 ta' Diċembru 1998, żort l-iskola tal-Qrendi fejn iltqajt mal-Kap, l-għalliema, impjegati u mal-ġenituri. It-talbiet tal-ġenituri kienu; 1. Trasport adekwat 2. Nuqqas ta' staff 3. Nuqqas ta' spazju 4. Taħriġ ta' għalliema 5. Rappreżentanza fuq il-Kunsill ta' l-Iskola billi jidħol ġenitur li għandu tifel/tifla/tfal neqsin mill-vista. Passi li ttieħdu 1. Tfal li ma kellhomx trasport temporanjament qegħdin jiġu mwassla mid-dar għall-Iskola bi trasport alternattiv. 2. Għalkemm kienu ħarġu applikazzjonijiet għal għalliema f' din l-Iskola, ħadd ma kien applika. Minn Jannar ta' din is-sena għalliem kwalifikat fit-tgħlim ta' l-għomja se jintbagħt biex jgħin, sakemm toħroġ applikazzjoni oħra. 3. Dwar rappreżentanza fuq il-kunsill, il-Kap ta' l-Iskola kellha tressaq din it-talba quddiem il-membri l-oħra tal-Kumitat. 4. Ħassejt li dawn il-problemi għandhom bżonn soluzzjoni fit-tul. Hemm bżonn ta' pjan ta' żvilupp serju u professjonali u għalhekk il-kwestjoni bdiet tiġi diskussa fil-Kumitat Ministerjali dwar Edukazzjoni Inklussiva fil-kwadru tal-futur ta' l-iskejjel speċjali.
Leg 9 PQ #2923 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skejjel speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema ġenituri ta' liema studenti ta' skejjel speċjali ntalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar jekk iridux lill-uliedhom fi skejjel speċjali jew jiġu ntegrati fi skejjel mainstream? Kif wieġbu l-ġenituri dwar dawn il-mistoqsijiet? X'konklużjonijiet ġibed il-Ministeru dwar dawn it-tweġibiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Taqsima ta' l-Edukazzjoni Speċjali qatt ma talbet lil xi ġenituri ta' studenti bi bżonnijiet speċjali biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar jekk iridux lil uliedhom fi skejjel Speċjali jew jiġu ntegrati fi Skejjel 'Mainstream'. Nirreferi wkoll għat-tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti.
Leg 9 PQ #2936 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — Triq l-Arkata - Palazz

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Palazz storiku f'163, Triq l-Arkata, Raħal Ġdid jiġi restawrat?

Response (GALEA, LOUIS)

Għaddejt is-suġġeriment għall-pariri tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #2950 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2169?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma ngħata ebda kuntratt b'direct order għall-perjodu 5 ta' Settembru 1998 sa l-1 ta' Diċembru 1998 taħt il-vot tal-Ministeru.
Leg 9 PQ #2985 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2862, ċioe' jista' jgħid meta se jibda l-proġett ta' l-iskola tal-kindergarten ta' Lourdes, f'Raħal Ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2862.
Leg 9 PQ #3003 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Permess għal ħruġ mill-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2607, ċioe' jista' jgħid kemm tfal taħt is-16-il sena talbu lid-dipartiment permess biex jispiċċaw mill-iskola għax sabu xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mis-16.9.98 sat-3.12.98, il-ġenituri ta' 43 tifel u 36 tifla, taħt is-sittax-il sena, talbu għal permess biex jisċiċċaw mill-iskola għax sabu xogħol.
Leg 9 PQ #3058 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Estimi Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 2059?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-vot li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant taħt it-titolu "Improvement to Property" - Item 60 huwa maħsub biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' natura rikorrenti għal xogħlijiet in konnessjoni mat-trasferiment tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport mill-Belt għall-Furjana. Barra minn hekk hu maħsub li jintuża fuq xogħlijiet ta' l-istess natura fuq faċilitajiet dipartimentali użati miż-żgħażagħ.
Leg 9 PQ #3059 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Comenius

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 1324?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li taħt il-Comenius, kienu ħadu sehem, bħala 'silent partners', 2 skejjel sekondarji fil-'Quality in Education Project'. Bl-għajnuna tal-'British Council', kien sar seminar ta' preparazzjoni għall-iskejjel tal-primarji kollha.
Leg 9 PQ #3060 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Socrates

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 707, jista'l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn is-Socrates Office ta' l-Universita' ta' Malta u s-Socrates Technical And Assistance Office ġewwa Brussels u ma' l-EU DGXXII?

Response (GALEA, LOUIS)

Meta d-diskussjonijiet meħtieġa jitlestew, jingħataw id-dettalji kollha.
Leg 9 PQ #3062 Sitting 48 1999-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Żgħażagħ — Attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel l-istudju ta' kif għandha tkun l-aħjar struttura li tista' tmexxi u tikkordina politika u attivitajiet taż-żgħażagħ? Fiex wasal dan l-istudju? Saru jew se jsiru xi konsultazzjonijiet? Jekk iva, ma' min?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qiegħed jagħmel l-aħħar xogħol sabiex jinġabar feedback fuq il-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ bil-ħsieb li fix-xhur li ġejjin issir Konferenza Nazzjonali dwar l-istess politika. Fl-istess ħin l-abbozz ingħata lis-Sur Anthony Azzopardi, Kordinatur ta' l-Istudji taż-Żgħażagħ fl-Universita' ta' Malta, sabiex flimkien ma' persuni gradwati fil-Youth & Communications Studies, jagħmlu rapport fuq l-istess abbozz. Saru diskussjonijiet mas-Sur Azzopardi sabiex jiġu mistħarrġa strutturi li jikkordinaw din il-politika.
Leg 9 PQ #2863 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tarxien — Triq Mater Boni Consiglii

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb kif kien fi ħsieb il-Gvern preċedenti li jsir ground sintetiku fejn illum hemm il-ġnien tas-Schreiber (tal-Boċċi) fi Triq Mater Boni Consiglii, Raħal Ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proposta li jsir ground bit-turf sintetiku kienet tressqet mill-Onor. Interpellant bħala Kunsillier għal Raħal Ġdid. Il-Kunsill kellu jieħu ħsieb jipprepara pjanti u jibgħathom lill-uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Isport biex tkun tista' tiġi studjata din il-proposta. Informat ukoll li ma sar ebda commitment mill-Gvern preċedenti għat-twettiq ta' dan il-proġett minħabba li l-permessi u stima ta' spejjeż ma ġewx sottomessi.
Leg 9 PQ #2891 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Għawm

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1528, jista' l-Ministru jgħid kif wasal għal ħlas tas-somma ta' Lm1,655 lill-Pixxina Nazzjonali u Lm1,500 lir-Razzett ta' Ħbiberija għal perijodu bejn Ottubru 1998 u Mejju 1999? Sal-lum il-ħlasijiet ta' skola Sport għas-sena skolastika li għaddiet tħallsu kollha fejn jirrigwarda Pixxina Nazzjonali, għalliema eċċ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-somma ta' Lm1,655 lill-Pixxina Nazzjonali tkopri l-ispiża kif se nsemmi: 23 sessjoni ta' 3 siegħat għall-użu ta' 4 lanes fil-Main Pool 23 sessjoni ta' 3 siegħat għall-użu ta' 2 lanes fid-Diving Pool 23 sessjoni ta' sagħtejn għall-Waterpolo Is-somma ta' Lm1,500 lir-Razzett tal-Ħbiberija jkopru l-użu tal-pixxina għal 30 sessjoni ta' tlett siegħat. Il-ħlasijiet ta' Skolasport għas-sena skolastika li għaddiet saru kollha.
Leg 9 PQ #2892 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Tuck shops

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1527, jista' l-Ministru jgħid jekk meta saru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Kummerċ, instabx li kollox kien kif suppost? Jekk fin-negattiv, jista' jagħti dettalji dwar fejn u għaliex kien hemm ksur ta' regolamenti? Għalkemm wieħed japprezza li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandux kontrolli fuq x'jinbiegħ f'tuck shops ta' skejjel tal-Knisja u privati, jista' jara huwiex possibbli li dawn l-ispezzjonijiet, b'kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet konċernati, jibdew isiru peress li għandi rapporti li qed jinbiegħu ħafna ċikkulata u prodotti oħra li mhumiex tajbin għas-saħħa tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sezzjoni tal-Kontroll tal-Prezzijiet fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ intalbet darbtejn twettaq l-ispezzjonijiet meħtieġa. Sa llum jien informat li l-ispezzjonijiet qed isiru u, fil-ġejjieni, nistenna rapport sħiħ mid-Dipartiment tal-Kummerċ rigward x'instab fit-Tuck Shops kollha. Id-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni m'għandha ebda kontroll fuq it-tuckshops ta' l-iskejjel tal-Knisja u privati. Jekk ikun hemm xi rapport speċifiku, allura jiġi infurmat id-Dipartiment tal-Kummerċ.
Leg 9 PQ #2893 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Awtoritajiet Ekklesjastiċi — Flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus lill-awtoritajiet ekklesjastiċi matul l-1998 taħt il-ftehim li kien sar dwar trasferiment ta' l-artijiet tal-Knisja lill-gvern? Jista' jgħid meta sar kull ħlas matul din is-sena u f'liema ammonti?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Mistoqsija għandha tiġi riferita lill-Ministru responsabbli mill-Uffiċċju Konġunt.