Legislature:
Category:
Reset
Active:

Amnestija lill-priġunieri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħti amnestija lill-priġunieri fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni ta' Dun Ġorġ Preca? Jekk iva, lil min?

Response (BORG, TONIO)

Ma ittieħdet ebda deċiżjoni dwar din il-materja. Fi kwalunkwe każ din ma hix materja li tiġi deċiża minn dal-Ministeru, iżda mill-Kabinett.

Korp tal-Pulizija — Citazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mis-sezzjoni tat-traffiku tal-Pulizija, u kemm kien l-ammont li nġabar dejjem matul is-sena 2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, it-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija ħarġet 704 ċitazzjoni u 31,452 traffic offence tickets. Infurmat ukoll illi l-multi ma jinġabrux mill-Pulizija.

Ingaġġ ta' kuntistabbli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li żgħażugħ b'saħħtu li jgħaddi mill-medical test għall-ingaġġ ta' kuntistabbli b'numru ta' "O" levels, jitwaħħal u jiġi mċaħħad milli jiġi ngaġġat għax għandu l-contact lenses? Jekk dan hu l-każ, allura jista' dan ifisser li min m'għandux vista perfetta ma jista' qatt ikun pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vista ta' l-għajnejn għar-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija ssir skond ir-Regolamenti dwar il-Pulizija ta' Malta (L.S. 164.01). F'dawn ir-regolamenti hemm stabbilita il-PARAMETRI li fihom il-viżta tkun aċċettabli, u din tinkludi ukoll persuni li jużaw 'contact lenses' li, basta jkunu fil-parametri fuq imsemmija, huma eleġibbli għal reklutaġġ.

Radio Malta — Binja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ser jiġri mill-binja fejn kien hemm Radio Malta/Redifussion? Jista' jgħid jekk hix għall-bejgħ? Kemm hu l-valur tagħha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-proprjeta' li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant mhix tal-Gvern.

Kaċċaturi liċenzjati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kaċċaturi liċenzjati maqsuma skond il-kategorija, jiġifieri fuq l-art, fuq il-baħar u għall-fenek?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' liċenzji għall-kaċċa imġedda sa l-aħħar ta' Marzu 2007 kien kif ġej: Kaċċa mill-art - 11,052 Kaċċa fuq il-baħar - 312 Kaċċa għall-fenek - 1,234

Avukat tal-fqar

Question

B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa lokali li kien hemm avukat prominenti li minkejja li kien qed jitħallas mill-gvern bħala avukat tal-fqar xorta waħda rriżulta minn investigazzjoni li saret li kien qed iżomm il-flus - kontra l-liġi - lil dawn it-tip ta' klijenti. Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri biex jittieħdu passi kriminali kontrih?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant tal-Pulizija ġew konklużi, u fid-9 ta' April 2007, ġiet reġistrata fil-qorti l-akkuża kontra dan l-avukat. Is-smiegħ tal-kawża ġie assenjat lil Maġistrat Dr A Mizzi LL.D., u l-ewwel seduta ġiet appuntata għad-29 ta' Mejju 2007.

Uffiċċju Konġunt

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12556 tas-seduta 273 tat-30 ta' Mejju 2005, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li mhux il-każ li seħħet l-eviction order bis-serjeta' fil-konfront ta' terzi u dan peress li l-fond indikat reġa' u għadu okkupat mill-istess persuni li suppost fl-istess risposta ta' mistoqsija parlamentari 12556 kienu ġew żgumbrati? Jikkonferma wkoll li għar minn hekk fil-fatt sar saħansitra xogħol strutturali li sa ddaħħal l-eletttriku mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-istess uffiċċju konġunt? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu issa wara dan kollu, u x'se jagħmel fid-dawl ta' dan l-iskandlu fl-apert?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-ordni ta' żgumbrament fil-fatt ġiet esegwita u l-oġġetti kollha li kien hemm fir-razzett ġew imneħħija mill-gvern u l-aċċess għalih ġie magħluq. Il-persuna li ġiet żgumbrata għandha applikazzjoni taħt l-iskema tal-Art Agrikola tal-Gvern biex tiġi rikonoxxuta fil-qbiela tar-razzett u r-raba mdawwar miegħu. L-informazzjoni li ingħatat ma' din l-applikazzjoni għadha qegħda tiġi verifikata. L-Uffiċċju Konġunt ma kellu l-ebda ħjiel jew sehem fid-deċiżjoni ta' l-Enemalta li iddaħħal l-elettriku fil-fond in kwestjoni.

Ħal Qormi — Bini ta' djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-plots fi Triq id-Dragun u t-toroq ta' biswit din l-istess triq, f'Ħal Qormi biex jinbnew djar li sal-lum l-art għadha ma ġietx akkwistata mill-gvern? Jista' jgħid x'inhu t-titolu legali li kienu ngħataw lil min bena d-dar residenzjali tiegħu fuq dawn il-plots25 sena ilu u sal-lum għadhom b'kuntratt ta' konvenju?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22690. Ninsab infurmat illi kull ma jrid jiżdied ma' dik it-tweġiba huwa li minn dakinhar kien hemm żvilupp fis-sens li ġie iffinalizzat l-esproprju ta' Plots 115 sa 116 fi Triq il-Plejju u 118 sa 120 fi Triq s-Sagħtar. Bħalissa għaddej il-proċess biex dawn il-plots jiġu ttrasferiti lill-Awtorita' tad-Djar. Barra minn hekk tlesta wkoll il-proċess ta' trasferiment favur lill-istess Awtorita' tas-sitt plots li kont irreferejt għalihom fit-tweġiba għal mistoqsija li rreferejt għaliha aktar l'fuq.

Kazijiet ta' suwiċidju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' suwiċidju sena b'sena bejn l-1996 u l-2006? Jista' jindika kemm minn dawn kienu barranin, kif ukoll in-numru ta' nisa, irġiel u kemm minnhom kienu adoloxxenti taħt it-18-il sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma komputerizzata mill-1998. Ninsab infurmat illi matul il-perijodu bejn l-1998 u l-2006 kien hemm 181 persuni (143 irġiel - 38 nisa) li mietu b'suwiċidju li minnhom 18 kienu ta' nazzjonalita' barranija, filwaqt li 3 kienu ta' eta' taħt it-18-il sena. It-tagħrif sena b'sena hu kif ġej:- 1998 1999 2000 2001 2002 2003 2004 2005 2006 11 23 21 26 16 18 25 17 24

Kera pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24860 li saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, jista' jara li jsir arranġament ma' l-inkwilin, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jibda jħallas il-kera pendenti li għandu ma' l-Awtorita' tad-Djar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inkwilin imsemmi ingħata żmien biżżejjed sabiex iħallas il-kera li għandu jagħti lid-Dipartiment tal-Artijiet. Peress li ilu aktar minn sitt snin ma jħallas, id-Dipartiment kellu jieħu azzjoni kontra tiegħu li waslet għal ħruġ ta' Mandat ta' Qbid. Madankollu ma huwa iżomm xejn li l-inkwilin jagħmel kuntatt mas-Sezzjoni ta' Ġbir ta' Kera tad-Dipartiment tal-Artijiet biex iħallas dak kollu li għandu jagħti lill-Gvern.

Att dwar l-Condominia

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm condominia rreġistrati skond l-Att dwar il-Condominia? Barra minnhekk il-Gvern għandu statistika kemm-il binja f'Malta hija condominium?

Response (BORG, TONIO)

L-Att dwar il-Condominia (Kap. 398) jobbliga lir-Reġistratur ta' l-Artijiet sabiex jirreġistra: a. l-amministraturi ta' condominia [Artikolu 15(5)] u b. ir-regoli li jirregolaw condominia [Artikolu 24(3)] u mhux il-Condominia nnifishom. Ninsab infurmat illi sa llum, hemm mija u wieħed u sittin (161) condominium illi rreġistraw l-informazzjoni hawn fuq imsemmija mar-Reġistru ta' l-Artijiet. Infurmat ukoll illi r-Reġistru ta' l-Artijiet ma jżommx statistika dwar kemm il-binja f'Malta hija condominium.

Qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika l-artikolu tal-Liġi li jistipula t-terminu li fiħ wieħed għandu jippreżenta rikors ġuramentat wara li l-Qorti tkun laqgħet talba għal ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni u dan stante li skond ma jirriżulta minn diversi digrieti mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) dan it-terminu tneħħa mill-leġislatur bi żball?

Response (BORG, TONIO)

Il-punt legali sollevat mill-Onor. Interpellant qed jingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa.

Triq Dun Gennaro Camilleri — Bollards

Question

In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24923 li t-Triq Dun Gennaro Camilleri mhix sqaq, tinfed minn Triq il-Kbira min-naħa u għal carpark u l-hotel Victoria min-naħa l-oħra, u ġaladarba mhix proprjeta' tal-gvern u dawn il-bollards ġew imwaħħla bla permess, jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu passi biex dawn il-bollards jitneħħew minnufih, u r-residenti jkollhom is-serħan tal-moħħ li meta jkollhom bżonn ta' emerġenza, dan l-impediment ma jibqax hemm?

Response (BORG, TONIO)

Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24923 li tgħid illi t-trejqa Dun Gennaro Camilleri hija sqaq li ma jinfidx u m'hijiex proprjeta' tal-Gvern.

Alcohol — Persuni taħt l-eta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna taħt is-16-il sena inqabdu jikkonsmaw alkoħol mill-bidu ta' Jannar ta' din is-sena s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija m'għandhiex din l-informazzjoni peress li l-Att III ta' l-2007, li jipprojbixxi l-konsum ta' alkoħol minn persuni ta' taħt is-sittax-il sena, għadu ma daħalx fis-seħħ.

White Rocks

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed isir fuq is-sit tal-White Rocks? Jista' jgħid hux se jingħalaq il-fencing peress li hu miftuħ għal diversi perikli u abbużi u jekk il-pulizija humiex qegħdin imorru fuq patrols f'din l-area?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel l-ewwel parti tad-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Rigward il-kwistjoni tal-fencing, ser jiġi studjat x'passi jistgħu jittieħdu biex għal darb'oħra jerġa' jingħalaq. Ninsab infurmat ukoll li jsiru patrols regolari fl-area tal-White Rocks f'San Ġiljan u fl-inħawi tal-madwar mill-pulizija distrettwali, fosthom ispezzjonijiet għal ksur tar-regolamenti tal-kaċċa, u kull abbuż ieħor.

Yacht Marina Court — Ħmieġ u żdingar

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li fid-drive intaħt binja ta' blokk appartamenti fil-Yacht Marina Court, Block 4, hemm ħmieġ u żdingar? X'beħsiebu jagħmel fil-qarib biex jelimina dan l-inkonvenjent?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Biċċa art miftuħa — Ħajt

Question

Wara li l-Ministeru ta' l-Ambjent ħabbar li kulmin għandu biċċa art miftuħa huwa obbligat jibni ħajt madwarha, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min se jkun responsabbli biex jibni ħitan ma' artijiet li l-gvern esproprija iżda issa ma baqgħalux użu għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Hija l-policy tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern li tirritorna lura lis-sidien, artijiet li l-Gvern ikun esproprija iżda issa ma baqagħlux użu għalihom.

Korp tal-Pulizija — Persuni b'pussess/traffikar ta' droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni maqbuda mill-Pulizija matul is-sena 2006 fuq każijiet ta' droga? Kemm minn dawn kienu każi ta' pussess u kemm kienu ta' traffikar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 429 persuna fuq akkużi relatati ma' pussess ta' droga u 116 persuna oħra fuq akkużi relatati ma' traffikar ta' droga.