Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26645 u jgħid min kienu l-uffiċjali/ħaddiema li rriżenjaw u jew spiċċaw mix-xogħol fid-dipartimenti, ministeru, entitajiet li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Mejju, 2004 'l quddiem? Liema vaganzi mtlew u liema għadhom pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tingħata f’xi seduta oħra.
Peress li jirriżulta li hemm xi numru sostanzjali ta' suldati li mhux si jilħqu jagħlqu l-25 sena servizz, meta tidħol fis-seħħ il-klawsola ta' l-irtirar tal-55 sena, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li jippermetti li dawn is-suldati jibqgħu jservu sakemm jagħlqu l-25 sena servizz jew inkella sal-61 sena biex b'hekk ikunu jistgħu jgawdu l-pensjoni sħiħa tas-servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-deċiżjoni dwar l-irtirar tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-età ta’ 55 sena ttieħdet u ġiet ikkomunikata lill-ranks kollha f’Diċembru 1997.
Din id-deċiżjoni kif meħuda għandha tibqa’ u dawk kollha li għalqu l-55 sena għandhom jirtiraw fit-8 ta’ Jannar 2008.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar minnha t-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minn Haz-Zabbar quddiem id-Dipartiment tat-Taxxi Interni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M’għandi xejn x’inżid għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23810.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlametnari 24460 dwar bordijiet ta' l-għażla, jista' l-Prim Ministru jgħidli jekk fil-każijiet imsemmija kienx hemm membri tal-bord li kienu mdaħħlin f'aktar minn każ wieħed? Jekk fl-affermattiv, għaliex dawn tħallew jerġgħu jifformaw parti minn bordijiet ta' l-għażla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24459 dwar ħlas ta' VAT għas-servizz tal-helicopter, jista' l-Prim Ministru issa jgħtini t-tagħrif mitlub?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tas-Segretarjat Privat? X'inhi l-kariga li jokkupaw u x'inhu s-substantive grade tagħhom? Kemm minnhom huma impjegati tal-Gvern u kemm minnhom bil-kuntratt? Fuq liema kriterji ntgħażlu? Hemm xi paga speċjali għal dawn l-impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk minn wara Awissu 2006 'il hawn kienx hemm xi tibdil fil-kampjuni tal-prezzijiet ta' prodotti u servizz li nġabru mill-NSO? Jekk iva liema prodotti u servizzi kienu affetwati u kif ġew mibdula? Jista' jgħid jekk minn Awissu 2006 sal-lum inbidlux xi prattiċi fil-ġbir tal-prezzijiet biex tiġi mkejla r-rata ta' inflazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26698 jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus fuq kull proġett sal-lum? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għal xogħlijiet pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu suldati fl-Armata mis-sena 2000 sena b'sena sal-lum? Xi kwalifiki jrid ikollhom? Meta ser toħroġ sejħa oħra biex jidħlu? Ġew ingaġġati suldati mingħajr livell ordinarju ta' l-edukazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26476 u 26304 u jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tas-sistemi ta' l-IT ta' Mater Dei li kienu oriġinarjament koperti mit-tender li ġie miżmum wara allegazzjonijiet ta' abbużi u ħruġ ta' tagħrif kunfidenzjali? Tista' tikkonferma jekk il-hardware huwiex issa qed jinxtara b'direct order u jekk iva mingħand min u b'liema prezz? X'inhi l-pożizzjoni fir-rigward tax-xiri tas-software għall-istess għan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitluba għadu qed jinġabar u se tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk matul l-2006 kienx qed jinkera xi garaxx biex fih tinżamm il-karozza uffiċjali tiegħu? F'każ li t-tweġiba hija fl-affermattiv jista' jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal din il-kirja u fejn jinsab il-garaxx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li l-uffiċċju tiegħi jikri garaxx għall-karozza uffiċjali għall-prezz ta’ Lm350 fis-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna mill-Isla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ntbagħtlu kont mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ta' Lm49 meta dan is-sinjur qed jallega li m'għandu l-ebda kont pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi lill-persuna għand id-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Billi huwa mifhum li Senior Customs Assistants li uħud minnhom ilhom jagħmlu dan ix-xogħol għal aktar minn 20 sena ser ikollhom joqgħodu għall-eżami kompetittiv biex javvanzaw, minkejja li ilhom żmien jagħmlu xogħol u duties ta' fizzjal, jista' l-Gvern jikkonsidra li dawn minflok joqogħdu għall-qualifying exam jew interviews kif normalment jiġri meta jiġu biex jimtlew ranks ogħla minn tagħhom bħal fizzjal li jkunu sejrin jilħqu inspectors, etc?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, permezz ta’ Addendum li sar fil-5 ta’ April 2006 għall-Klassifikazzjoni dwar il-Klassi tad-Dwana tal-1995, intlaħaq ftehim li Senior Customs Assistants jingħataw opportunità ta’ darba sabiex il-vakanzi ta’ Customs Officer ikunu miftuħin għalihom biss billi joqogħdu għall-eżami kompettitiv.
Dan l-eżami jikkonsisti f’eżami bil-miktub u intervista u tingħata kunsiderazzjoni xieraq għall-esperjenza, minkejja li ma jingħatawx marki speċifiċi għall-snin ta’ servizz.
Il-vakanzi jimtlew skond l-ordni tal-mertu miksub.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26010 u jgħid kemm hemm impjegati fiċ-Ċivil li qegħdin fuq unpaid leave jew study leave? Kemm hemm impjegati li ilhom bejn
1- 2 snin
2- 3 snin
3- 4 snin
4- 5 snin
5 snin + ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm b’kollox 949 impjegati fiċ-Ċivil li qegħdin fuq unpaid leave jew study leave, mqassma kif qiegħed indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26363 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika u issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk il-kuntratt ta' l-Integrated Health System (tal-computers) li kien tħassar minħabba allegat abbuż, hux se jkun ngħata mingħajr ħruġ ta' offerti? Jekk iva, kif ser tiġi assigurata t-trasparenza u l-kontabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26628.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26357 u jgħid jekk minħabba l-fatt li gambling fil-forom varji tiegħu qed jikber f'pajjiżna, hux il-ħsieb tal-gvern li jirregolah b'mod aktar komprensiv? Jidhirlu l-Gvern li għandha ssir distinzjoni ċara legali bejn slot machines u amusements machines u l-użu tagħhom, u dan l-aktar fid-dawl tal-fatt li l-vizju tal-logħob qed jikber fost il-minorenni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-Gvern, fid-Diskors tal-Baġit 2007, diġà indika s-sensitivittà tas-sitwazzjoni li qed tiġi riferuta fil-Mistoqsija. Il-qafas regolatorju u s-sorveljanza f’dan il-kamp huma mportanti u jimxu id f’id.
Il-Gvern għandu l-ħsieb li, pjuttost milli jindirizza s-sitwazzjoni biċċa biċċa, jittratta dan is-settur, anke kif inhu indikat fil-Mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant, b’mod ħolistiku u minn angoli differenti li ’l hemm mill-konsiderazzjonijiet fiskali fuq l-istess livell jinkludu dawk legali, soċjali u kif ukoll morali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies attached mal-Armata bħala pajzana li fiż-żmien kienu jaħdmu f'korpi tax-xogħol? Kemm hemm nies b'kollox fl-Armata nnifisha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fl-Armata bħalissa hemm 57 persuna pajżana mpjegati magħha li qabel kien jaħdmu f’korpi tax-xogħol.
B’kollox l-Armata timpjega 1,575 suldati regolari u 133 ħaddiema pajżana.
Jista' l-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma jekk meta ddeċieda li jmur lura fuq id-deċiżjoni tiegħu li jibni korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra li sa ftit żmien ilu kien għadu qed isostni - kontra s-short list tal-MEPA - li kienet sejra ssir fl-interess nazzjonali , apparti minn konsiderazzjonijiet oħra, seta' kien motivat mill-fatt li d-Direttorat ta' l-Ambjent tal-Unjoni Ewropea saru jafu bil-każ u għamlu pressjoni fuq il-gvern biex jkun ċar u jekk jkun hemm bżonn jirrevedi l-policy dikjarata tiegħu dwar bini ta' golf courses ġodda b'mod partikolari dwar ix-Xagħra l-Ħamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ma kienx motivat mill-konsiderazzjoni li qed isemmi fid-deċiżjoni li ħa dwar ix-Xagħra l-Ħamra.
B'referenza għad-deċiżjoni ta' l-uffiċjali tad-dwana li ssekwestraw għadd ta' fliexken ta' xorb alkoħoliku mill-confectionary li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, dejjem jekk it-talba tas-sid tal-ħanut hija ġustifikata u kkorroborata bl-evidenza mitluba mid-dipartiment konċernat, jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lid-dwana ta' Malta milli jagħti lis-sid tal-ħanut lura l-fliexken kollha li qed jinżammu mid-dwana meta dejjem skond is-sid tal-ħanut kull flixkun inxtara legalment u skond il-liġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dan l-istabbiliment kiser Regolament 13 tat-Taqsima B tas-Sitt Skeda, Kap 382 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dan ir-regolament jistipula li l-flixken tax-xorb alkoħoliku esebiti għall-bejgħ irid ikollhom imwaħħla fuqhom faxxa jew bolla hekk kif indikat mill-Kontrollur tad-Dwana.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pensjoni tal-Public Accounts tiżdiedx jew tibqa' kif tkun? Jista' jgħid ukoll jekk il-gvern hux qed jikkonsidra li jagħti xi żieda għal din il-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.