Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 794 fis-Seduta 10, infurmat li r-rimunerazzjoni li l-membri tat-tliet organizzazzjonijiet jieħdu rispettivament hi kif ġej:
L-'Executive Board' tan-'National Tourism Organisation - Malta'
-------------------------------------------------- -------------
'Chairman' - Lm5,000 fis-sena
Membri (ħlief iż-żewġ
rappreżentanti ta' l-Air Malta) - Lm1,000 fis-sena
Din hi l-istess rimunerazzjoni li kienet tittieħed qabel il-5 ta' Settembru 1998.
Il-'Hotels and Catering Establishments Board'
---------------------------------------------
Qabel l-1 ta' Jannar 1999: Lm4 kull seduta liċ-'Chairman' u Lm5 lill-Membri.
Wara l-1 ta' Jannar 1999: Lm8 kull seduta liċ-'Chairman' u Lm6 lill-Membri.
L-'Institute and Tourism Studies'
---------------------------------
'Chairman' - Lm750 fis-sena
Membri (ħlief dawk maħtura 'ex ufficio) - Lm500 fis-sena
Qabel il-5 ta' Settembru 1998, iċ-'Chairman' kellu onorarju ta' Lm1,800 fis-sena u l-Membri (ħlief dawk maħtura 'ex ufficio') kienu jitħallsu Lm750 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' jsir il-Birgu Fest?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-Birgu Fest ma jsirx kull sena u li, skond l-`Events Action Plan' ta' l-'NTOM', edizzjoni oħra tal-Birgu Festival hija ppjanata għal Settembru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartmenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija numru 3567.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computer scanners kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu, dipartiment, b'dipartiment?
Jista' jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (REFALO, MICHAEL)
B'riferenza għall-Mistoqsija 3567 inkun grat jekk l-Onor. Membru jagħtini r-raġuni għaliex qed jagħmel din id-domanda biex meta ngħaddiha lid-Dipartimenti nkun ċert u ma nkunx qed naħlilhom ħin prezzjuż.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux riċevimenti jew ikliet mill-Ministeru tiegħu fl-okkażjoni tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-Sena? Jekk saru, meta saru? Fejn saru? Min ipprovda l-ikel u x-xorb? Kemm ġiet tiswa l-ispiża totali? Inġabru kwotazzjonijiet għall-imsemmija riċevimenti jew ikliet? Jekk inġabru kwotazzjonijiet, mingħand min inġabru? Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-informazzjoni mitluba hi din li ġejja:
Fit-23 ta' Diċembru 1998 sar riċeviment fil-'Corinthia San Ġorġ' għall-impjegati tal-Ministeru u tad-Dipartiment tat-Turiżmu, tan-'National Tourism Organisation - Malta', tal-'Hotels and Catering Establishments Board', ta' l-'Institute of Tourism Studies', tal-'White Rocks Holiday Complex' u membri ta' 'Boards'. L-ispiża kienet ta' Lm2,117.50 u l-ikel kien provdut mill-istess lukanda.
Fis-6 ta' Jannar 1999 saret ikla fil-'Giardino Restaurant' għall-impjegati tat-Taqsima tal-'Beach Cleaning'. L-ispiża kienet ta' Lm718.75 u l-ikel kien provdut mill-istess 'restaurant'.
Fit-8 ta' Jannar 1999 saret ikla għall-'istaff' fis-Segretarjat Privat tiegħi fir-'restaurant La Maltija'. L-ispiża kienet ta' Lm244.50 u l-ikel naturalment ġie provdut mill-istess 'restaurant'.
Għat-tliet riċevimenti ma ntalbux kwotazzjonijiet għax ma kienx il-każ li jintalbu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm u għad hemm ħaddiema mpjegati taħt l-isem ta' beach cleaners fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fl-1995 kien hemm 32 'beach cleaners' u 113 il-'labourer' oħra impjegati fuq dmirijiet ta' 'beachcleaning'. B'effett mill-1996 wara r-riforma fis-Servizz Pubbliku l-grad ta' 'beach cleaner' ġie assorbit fil-grad ta' 'General Hand' fi Grupp II. Għaldaqstant fl-1996 l-għadd ta' 'General Hand II' li kienu qed jagħmlu xogħol ta' 'beach cleaners' kien ta' 134. Dan l-għadd niżel għal 123 fl-1997 u sar 126 fl-1998.
B'riferenza għall-perijodu l-1 ta' Novembru, 1998 sal-31 ta' Jannar, 1999 u għad-dekasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (a) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (b) lil min intalbu quotations; (ċ) kemm kienet kull kwota; (d) min rebaħ il-kuntratt; (e) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv jgħid fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li ma sar l-ebda ġarr ta' għamara minn dan il-Ministeru jew minn xi entita' li taqa' taħtu fil-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata ta' kemm laħqet l-ispiża għall-istampar jew xiri ta' kartolini għall-Milied 1998 u kemm ġiet tiswa l-ispiża postali konnessa ma' dawn il-kartolini, kemm mill-Ministeru, kemm mid-dipartimenti li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment, u kemm mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru? Jista' l-Ministru jgħid fejn ġew stampati l-imsemmija kartolini? Jista' jgħid lil min intbagħtu?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-informazzjoni mitluba hi kif tidher hawn taħt:
Ministeru
Stampar, kartolini u 'envelopes' Lm364.90
Spiża postali Lm138.00
Stampatur 'Lombardi Press'
Intbagħtu lil Proprjetarji ta' diversi Lukandi,
Ristoranti, 'Guest Houses', u
'Travel Agencies', kif ukoll lil dawk li bagħtu l-awguri lill-Ministru.
__________________________________________________ ______________________
Segretarju Permanenti
Stampar, kartolini u 'envelopes' Lm51.90
Spiża postali Lm10.00
Stampatur 'Eden Foundation'
Intbagħtu lil Kull min bagħat l-awguri lis-
Segretarju Permanenti.
__________________________________________________ ______________________
Dipartiment 'NIL'
__________________________________________________ ______________________
'National Tourism Organisation
Malta'
Stampar, kartolini u 'envelopes' Lm841.00
Spiża postali Rati normali
Stampatur 'Beck Graphics'
Intbagħtu lil Dawk li bagħtu l-awguri f'Malta
imma l-iktar barra minn Malta mill-uffiċjali ta' l-'N.T.O.M.' stazzjonati barra minn Malta.
__________________________________________________ ______________________
'Hotels and Catering Establisments
Board' 'NIL'
__________________________________________________ ______________________
'Institute of Tourism Studies'
Stampar, kartolini u 'envelopes' Lm175.00
Spiża postali Lm 45.00
Stampatur 'Carlai Print Limited'
Intbagħtu lil Dawk li bagħtu l-awguri lill-
'I.T.S.' inklużi diversi Dipartimenti u Ministeri, kif ukoll Aġenti u Lukandiera (f'Malta u barra minn Malta). Intbagħtu wkoll lil dawk il-postijiet tax-xogħol barra minn Malta fejn hemm studenti ta' l-'I.T.S.' li qegħdin fuq 'International Placement'.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3289?
Response (REFALO, MICHAEL)
Qed inwieġeb għall-mistoqsijiet numru 3289 u 3665. Informat li bħalissa hemm 6 lukandi li huma 'under construction' li b'kollox ser ikollhom 2,212-il-sodda. Il-klassifikazzjoni tingħata wara li jkunu lesti u għalhekk, għalkemm għandi indikazzjoni m'inhix f'pożizzjoni llum ngħid f'liema klassi ser ikunu.
Xogħol ta' 'upgrading', isir kontinwament f'bosta lukandi. Naħseb li l-Interpellant qed jirreferi għal ristruttament ta' lukandi eżistenti. Bħalissa hemm 4 lukandi li qed jiġu ristrutturati, waħda 2 Star b'34 sodda; oħra 3 Star b'272 sodda; oħra 3 Star b'150 sodda u oħra 3 Star b'122 sodda.
Mill-1995 sallum inbnew ħdax il-lukanda u għaxra oħra ġew ristrutturati kif jidher hawn taħt:-
SENA LUKANDI ĠODDA LUKANDI RISTRUTTURATI
1995 2 2
1996 2 3
1997 4 2
1998 3 3
Total 11 10
Fir-reanactments militari illi qed isiru, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' insurance għandhom il-persuni li jisparaw l-armi f'każ illi jweġġa' xi ħadd minnhom jew xi ħadd li jkun qed jara ir-reanactments ta' żmien il-Kavallieri In Guardja, jista' l-Ministru jgħid minn fejn inxtraw l-armi in kwestjoni? Fejn inħadmu, min ħadimhom u fejn saru il-barrel proofing ta' l-armi in kwestjoni? X'tip ta' liċenzji iħallsu dawn il-persuni li jużaw dawn l-armi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-persuni li jisparaw l-armi waqt ir-'re-enactments' ta' l-'In Guardia!' huma koperti kemm b''Employers Liability Insurance' kif ukoll bi 'Group Personal Accident Insurance'.
L-ispettaturi huma koperti b''Public Liability Insurance'.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ta' min jgħid, qabel xejn, illi l-armi li jintużaw fir-'re-enactments' ta' 'In Guardia!' m'humiex armi veri, iżda 'imitation blank-firing, special effects props' u bħala tali ma jaqgħux taħt ir-regolamenti u restrizzjonijiet imposti mill-liġijiet dwar armi tan-nar.
L-armi jew 'muskets' ġew iddisinjati mis-Sur Michael Stroud, Assistent Kuratur fit-Taqsima ta' l-Armi u Armerija tad-Dipartiment tal-Mużewijiet u Membru ta' l-'Arms., Armoury and Militaria Society (A.A.M.S.)'. Is-Sur Stroud huwa wkoll 'Militaria Director ta' 'In Guardia!' u jkun preżenti għal kull 're-enactment' li ssir.
Il-'barrels' u l-'locks' inħadmu mis-Sur Joseph Schembri minn Sta. Venera.
Il-'barrels' saru minn kanen ikklassifikati bħala 'schedule 40 solid drawn high pressure hot finished seamless steel' u ġew impurtati mid-Ditta Bezzina Limited tal-Marsa mingħand il-'British Steel Company Limited' ta' l-Ingilterra. Din id-ditta Ngliża tforni lis-suq mondjali kollu b'dawn it-tip ta' 'parts' għall-armi tan-nar.
Il-kwalita' tal-'barrels' (kanen) hija garantita mill-'British Steel Company Limited', u ġew awtentikati mis-Sur Stroud fir-'rifle ranges' ta' Pembroke, bl-awtorita' tal-Forzi Armati ta' Malta.
Li 'stocks' ipprovdiethom id-Ditta Cortis Limited ta' Ħaż-Żebbuġ.
Il-partijiet kollha tal-'muskets' ġew immontati mis-Sur Anthony Enriquez minn San Ġwann.
Is-Sinjuri Joseph Schembri u Anthony Enriquez huma wkoll membri ta' l-A.A.M.S.
Il-mili tal-'muskets' waqt l-'In Guardia!' jsir dejjem minn membri ta' l-A.A.M.S. li kollha għandhom liċenzja biex jisparaw armi tan-nar, u għandhom il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija biex jisparaw armi 'loaded' bil-porvli iswed (black powder).
Ir-'re-enactors' kollha li jkunu ngaġġati biex jimmaniġġjaw u jisparaw il-'muskets', jagħmlu dan taħt is-superviżjoni regolari u kostanti ta' membri liċenzjati ta' l-A.A.M.S.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-ministeru tiegħu bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999; f'riċevimenti, f'safar, f'petrol u diesel u f'pagi għall-impjegati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi fil-Mistoqsija sar dan l-infiq:
Riċevimenti: Lm 2,836
Safar: Lm 1,764
Petrol / Diesel: Lm 825
Pagi: Lm32,073
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx rigali lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998? Jekk ingħataw, jista' l-Ministru jgħid lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni ta' l-għażla ta' dawn l-individwi? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża totali?
Jista' l-Ministru jgħid min se jkun jipparteċipa fil-kumitat interministerjali dwar it-turiżmu? Kemm se jkun qed jiltaqa' regolarment? Iltaqa' s'issa? X'ġie deċiż?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-Kumitat Interministerjali huwa magħmul minn dawn l-uffiċjali:
Is-Sur Louis Naudi Segretarju Permanenti fil-Ministeru
tat-Turiżmu [Chairman]
Is-Sur Paul Mifsud Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta'
l-Ambjent
Is-Sur Josie Brincat Assistent Kummissarju tal-Pulizija
Is-Sur Joseph Portelli Direttur (Projects and Development),
Ministeru għal Għawdex
Is-Sur Victor Rizzo A/Direttur, (Kunsilli Lokali)
Is-Sur Joe Borg Viċi President
Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali
Is-Sur Joe Vella Assistent Personali tal-Ministru għat-
Trasport u Komunikazzjoni
Is-Sur Anthony Pace A/Direttur (Mużewijiet)
Is-Sur Joseph Magro Conti Awtorita' ta' l-Ippjanar
Is-Sur Antoine Schembri Assistent Direttur (Turiżmu)
[Segretarju]
Il-Kumitat iltaqa' l-ewwel darba fit-12 ta' Jannar 1999 u jiltaqa' darba fil-ġimgħa u aktar jekk ikun hemm ħtieġa. S'issa ltaqa' tliet darbiet. Jiena nfurmat li bħalissa l-Kumitat l-aktar li qed jaħdem huwa dwar il-'beach cleaning' u dwar it-tindif ta' miżbliet f'inħawi prominenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pakket sħiħ ta' remunerazzjoni li ġie offrut lil Dr John Grech bħala diriġent ewlieni prospettiv ta' l-awtorita l-ġdida tat-turiżmu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Dr. John C. Grech ser jingħata rimunerazzjoni skond il-parametri stabbiliti mill-Gvern għall-Chairmen, mhux eżekuttivi, ta' organizzazzjonijiet Governattivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-NTOM mill-31 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998? Jista' l-Ministru jgħid ukoll, jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għal imsemmi impjieg?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma ġie mpjegat ħadd man-National Tourism Organisation-Malta fil-perjodu msemmi fil-Mistoqsija.
Fir-reanactments militari illi qed isiru, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' insurance għandhom il-persuni li jisparaw l-armi f'każ illi jweġġa' xi ħadd minnhom jew xi ħadd li jkun qed jara ir-reanactments ta' żmien il-Kavallieri In Guardja, jista' l-Ministru jgħid minn fejn inxtraw l-armi in kwestjoni? Fejn inħadmu, min ħadimhom u fejn saru il-barrel proofing ta' l-armi in kwestjoni? X'tip ta' liċenzji iħallsu dawn il-persuni li jużaw dawn l-armi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar, u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx xi sponsor mid-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tat-Turiżmu għal-Logħba Malta League XI kontra l-Juventus lejn l-aħħar ta' Diċembru 1998?
Jekk fl-affermattiv, kemm kienet is-somma u lil min ingħatat?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-ispiża totali għal din l-inizjattiva promozzjonali min-'National Tourism Organisation - Malta' ġiet tammonta għal Lm11,000 u s-somma ngħatat lill-'Malta Organising Committee'. Tajjeb li l-Onor Membru jkun jaf li dan l-avveniment kien opportunita' unika biex il-gżejjer tagħna jingħataw pubbliċita'estensiva barra minn Malta. Fil-fatt hu smat li madwar ħmistax il-miljun telespettatur raw il-logħba fuq it-'television' fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru, 1998 fl-ITS? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda 'transfers' mill-'Institute of Tourism Studies' fil-perjodu msemmi fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu l-ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Response (REFALO, MICHAEL)
Fuq it-tliet Bordijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi, jiġifieri l-'Executive Board' tan-'National Tourism Organisation - Malta', il-'Hotels and Catering Establishments Board' u l-'Institute of Tourism Studies', hemm żewġ membri t-tnejn irġiel li għandhom inqas minn tletin sena. Wieħed minnhom għandu rimunerazzjoni.
Jirriżultali li fl-amministrazzjoni ta' qabel fuq l-istess tliet Bordijiet kien hemm tliet membri t-tlieta rġiel li kellhom inqas minn tletin sena.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lil-Onor Membru għat-tweġiba li kont tajtu għall-Mistoqsija tiegħu numru 794 minn fejn jirriżulta li hemm żewġ nisa maħtura mill-Gvern fuq il-'Hotels and Catering Establishments Board' u tnejn oħra fuq il-'Board of Governors ta' l-'Institute of Tourism Studies'.
Ħafna mill-Membri ta' dawn il-'Boards' jiġu nominati minn għaqdiet fis-settur privat iżda sew il-membri żgħażagħ kif ukoll il-membri nisa ġew nominati lkoll mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jwaqqaf kumitat ad hoc sabiex jistudja l-possibilta' li l-Birgu Fest li sar b'suċċess minn Gvern Nazzjonalista jiġi trasformat f'Kottonera Fest li jinkludi l-bliet ta' Bormla, Birgu u Senglea?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor Interpellant li, bħalma kien indikat fl-okkażjoni ta' l-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Birgu fl-1995, hija l-intenzjoni ta' l-N.T.O.M. li, 'l quddiem, din l-attivita' tkun żviluppata b'mod li tiġi trasformata fil-'Festival tat-Tlett Ibliet'.