Jista' il-Ministru jgħid kemm hija r-rata ta' ċesarji ġewwa pajjiżna mqabbla ma' dik tal-membri l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 2004, 2005 u 2006?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-ħlasijiet kollha ġewwa l-isptar San Luqa għas-snin 2004-2006, konsulent b'konsulent, kienu induced deliveries?
X'persentaġġ minnhom jinbdew f'kull ġurnata tal-ġimgħa, konsulent b'konsulent?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta huma l-ewwel appuntamenti available għall-vista minn professur ġo l-out-patients illum għal kull professur individwalment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-out patient clinics minn natura tagħhom huma għall-appuntament mhux urġenti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn turi l-ewwel appuntament disponibbli għall-vista minn professur ġo l-out patients illum għal kull professur individwalment.
Dati għal new cases biss ġew ikkunsidrati minħabba li appuntamenti għal follow up jingħataw skond id-diskrezzjoni tal-professur. Clinics li għandhom appuntamenti ta' tip Any ġew inklużi minħabba li jistgħu jinkludu new cases.
Il-ftit Single timeslots ma ġewx ikkunsidrati lanqas minħabba li dawn jirrapreżentaw appuntamenti li jkun għadhom kif ġew imħasra riċenti mill-pazjenti nfushom.
Uħud mill-professuri jevalwaw l-urġenza ta' kull appuntament rikjest. L-aktar każi urġenti jingħataw prijorita'.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm lid-dipartiment tas-saħħa li l-qabar nru. 16, li huwa proprjeta' skond l-istess kuntratt korrettiv tat-2 ta' Ġunju 2005, jiġi żgumbrat minn min qed jabbuża minnu fejn hemm inkluż persuna li isimha qed jintbagħat separatament, mill-Kunsill Lokali ta' l-Imġarr?
Jaħseb il-Ministru li ħadd, hu min hu, m'għandu jabbuża minn xi poter meta dan is-sit huwa esklussivament tal-familja Calleja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-qabar numru 16 fiċ-Ċimiterju ta' l-Imgarr li dwaru kienet ġa ngħatat risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 10113, ġie trasferit għal fuq isem il-familja Calleja li kienu akkwistaw il-qabar numru 31 fl-istess ċimiterju permezz tal-kuntratt datat id-9 ta' Ottubru 1962, liema qabar qatt ma' kien fil-fatt intuża mill-familja msemmija. Sadanittant, dan il-qabar beda jintuża bħala ossarju għall-għadam tal-komun.
Il-kuntratt ta' korrezzjoni li sar fit-8 ta' Ġunju 2005 kellu l-għan li kif xieraq jirregolariżża din is-sitwazzjoni. Huwa għalhekk li l-familja msemmija ngħatat il-qabar numru 16, filwaqt li l-Gvern ħa lura l-qabar numru 31 u dan sabiex din il-familja tieħu qabar kif ġa kien sar, filwaqt li l-għadam fl-ossarju ma jitqanqalx.
Għaldaqstant ma jinħtieġ l-ebda sgumbrament, aktar u aktar meta huwa l-każ li l-aħħar fdalijiet li kien hemm fil-qabar numru 16 ġew trasferiti għall-ossarju kif hija l-prattika komuni li jsir kull meta jkun hemm tindif ta' oqbra li mhumiex privati.
Ghalhekk il-qabar numru 16 kif spjegat, huwa qabar privat u ħadd għajr għall-familja Calleja m'għandu jippretendi xi dritt fuq dan il-qabar.
Jekk l-Onorevoli Interpellant ja]seb li qed isir xi abbuż mill-persuna imsemmija fil-Kunsill Lokali ta' l-Imġarr, nitolbu jagħmel mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx azzjoni fuq il-complaint li saret lis-Sanita' li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21468, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li dan id-Dipartiment irċieva lment b'ittra, saru spezzjonijiet fis-17 ta' Awwissu u fit-13 ta' Settembru 2006 fil-postijiet indikati fl-istess ittra.
Minn dawn l-ispezzjonijiet ma' rriżultax li kien ħiereġ xi duħħan iswed eċċessiv miċ-ċmieni tal-fran ikkonċernati. Irriżulta li jsir tindif regolari taċ-ċmieni wara li l-Ispettur tas-Saħħa ġie pprovdut bid-dokumentazzjoni neċessarja li tixhed dan.
Nixtieq ninforma wkoll li ġie mwaqqaf kumitat bejn stakeholders konċernati sabiex isiru regolamenti ġodda rigward il-kontaminazzjoni ta' l-arja, sabiex b'hekk tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika. Dan il-kumitat għandu jippreżenta l-ewwel abbozz fil-futur qarib.
Madankollu, ħadd ma jista joħloq inkonvenjent lil ebda persuna għaldaqstant ilmenti li jirċievi dan id-Dipartiment rigward ċmieni li jiġu rrapurtati li qed jikkawżaw inkonvenjent, qegħdin jiġu riferuti lill-Pulizija.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk in-nurses li laħqu f'Lulju 2006 (Diploma Nursing Intake 2002) hux se jiġu impjegati u dan fid-dawl tan-nuqqas li hemm? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jiġu mpjegati bejn wieħed u ieħor?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-nurses li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant diġa ġew impjegati.
Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Kuntratturi tat-tindif
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi tat-tindif imqabbda f'kull dipartiment, fondazzjoni, awtorita', eċċ fid-dekasteru tiegħu? Jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kull kuntratt bejn kull dipartiment jew awtorita' eċċ li huma parti mid-dekasteru tiegħu u kull kuntrattur tat-tindif imqabbad?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm irriżenjaw tobba mid-dipartiment tas-saħħa matul din l-aħħar sena? X'kien il-grad tagħhom? Għal liema speċjalita' kienu jappartjenu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li teżisti differenza kif ġew stmati ġenituri li kellhom telf tal-faetus kmieni fit-tqala, fejn uħud qalulhom li bilfors kellhom iqabbdu kummissjonant filwaqt li ġenituri oħra tħallew jieħdu ħsieb it-teħid tal-faetus biex jindifen?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-sistema li tintuża għal dawk il-ġenituri li jitilfu l-fetu kmieni fit-tqala huwa kif ġej:
i. Il-ġenituri jiġu offruti l-possibilta` li l-fetu jindifen bi dfin komuni, jiġifieri l-feti kollha ta' sena sħiħa jindifnu flimkien f'Novembru. Din is-sistema ma tinvolvi l-ebda spejjeż għall-koppja u d-difna jieħu ħsiebha d-Dipartiment tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija flimkien ma' SANDS li hija support group volontarju.
ii. Il-ġenituri jiġu mistoqsija jekk ikunux iridu jidfnu l-fetu huma stess. F'dan il-każ, jieħdu ħsieb id-difna huma. Jekk il-ġenituri jagħżlu li jidfnu l-fetu huma stess iridu jqabbdu kummisjonant biex jieħu ħsieb id-difna, bħal kwalunkwe difna oħra. Fl-ebda okkażjoni ma jingħata permess li l-feti jittieħdu mingħajr kummisjonat għaliex il-ġarr tal-mejtin jista' jsir biss minn karozzi awtoriżżati li huma l-hearses. Ikun jinħtieġ ukoll permess għad-difna li jinħareġ mill-Pulizija.
Id-deċiżjoni hija tal-ġenituri u l-ebda ġenituri ma jiġu mġelgħin bilfors.
Jista' il-Ministru jikkonferma jeżistux rekords uffiċjali jew estimi ta' l-ammonti ta' particulate matter jew fly ash li jiġu emessi fl-arja mill-inċineratur ta' l-isptar San Luqa? Jekk iva, jista' jipprovdi din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-awtoritajiet ta' l-Isptar San Luqa la jagħmlu testijiet u għalhekk lanqas ma jżommu records ta' l-ammont ta' particulate matter jew fly ash li jiġu emmessi fl-arja mill-inċineratur ta' l-Isptar San Luqa.
Testijiet simili isiru fl-inħawi mill-MEPA.
Pazjenti li ddaħħlu l-isptar kawża ta' armi tan-nar
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies l-isptar din is-sena jsofru minn feriti kkaġunati minn armi tan-nar? Kemm minn dawn kienu aċċidentali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li skond l-informazzjoni disponibbli fid-dipartiment ta' l-Emerġenza, in-numru ta' każi fejn nies iddaħħlu l-isptar jsofru minn feriti kkaġunati minn armi tan-nar kien ta' erbgħa matul is-sena 2006 sal-ġurnata tal-lum.
Kull ferita kkaġunata minn arma tan-nar tiġi infurmata l-pulizija u għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu persuni l-isptar minn overdosage din is-sena? X'kien l-esodu? Kemm minn din kienet droga?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta' każijiet ta' overdose li ddaħħlu fl-Isptar San Luqa bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena huma kif ġej:
Kategorija A (Jannar-Awissu 2006)
Kien hemm 8 pazjenti irreġistrati li ddaħħlu kawża ta' avvelenament inċidentali. Kollha kemm huma intbagħtu d-dar.
Il-kawża f'dawn il-każijiet kienet kif ġej: f'wieħed l-avvelenament inċidentali kien b'mediċinali anti-epileptiċi, jew sedativi/ħipnotiċi jew anti-parkinsonism, waqt li fis-7 l-oħra s-sustanza ta' l-avvelenament ma ġietx speċifikata.
Kategorija B (Jannar-Awissu 2006)
Ma kienx hemm każijiet irreġistrati f'din il-kategorija.
Kategorija Ċ (Jannar-Awissu 2006)
Kien hemm 87 pazjenti li ddaħħlu l-isptar kawża ta' avvelenament fejn mhux magħruf jekk kienx inċidentali jew premeditat. Minn dawn il-87 pazjenti, 79 intbagħtu d-dar waqt li 8 ġew trasferiti f'sptar ieħor.
Il-kawża ta' l-avvelenament f'din il-kategorija (fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx premeditat jew inċidentali) f'ħafna każijiet mhix irreġistrata. Minn dawn it-87 każ, 7 kienu kawża ta' avvelenament b'mediċinali anti-pyretics, analġesiċi jew anti-rewmatiċi, f'9 każijiet il-kawża ta' avvelenament kien mediċinali anti-epileptiċi, jew sedativi/ħipnotiċi jew anti-parkinsonism, f'8 każijiet il-kawża kienu narkotiċi jew sustanzi psychodysleptics (hallucinigens), waqt li l-bqija 63 każ is-sustanza li kkawżat l-avvelenament ma ġietx speċifikata.
Jista' il-Ministru jikkonferma ilmenti li wasluli mingħand kostitwenti mill-Gżira li stqarrew li staff tal-Gżira health centre qalulhom li l-equipment ta' l-x-rays huwa qadim u għalhekk ġieli jkollhom jieħdu l-istess x-rays aktar minn darba?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qegħdin nindagaw l-allegazzjonijiet imsemmija fil-Mistoqsija. Risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus id-dipartiment tas-saħħa fuq ħlas għal xiri ta' mediċini?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu jħallas Lm8,960,900 fl-aħħar ta' Settembru 2006 għall-xiri ta' mediċini u tagħmir mediku. Dan l-ammont jista' jvarja minħabba li hemm xi fatturi li jkunu għadhom ma ġewx irrekordjati fis-sistema għax għadhom ma ġewx riċevuti mill-Goverment Pharmaceutical Services. (GPS).
Bħalissa s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern jixtru medja ta' Lm2,292,033 fix-xahar waqt li jħallas medja ta' Lm2,342,355.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru testijiet għall-AIDS din is-sena? Kemm kienu fil-pożittiv?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li din is-sena 2006 sa xahar ta' Lulju saru sitt elef u sebgħa u sebgħin (6,077) test għal HIV li minnhom irriżultaw pożittivi sitta u għoxrin (26).
Minħabba anominita' ma nistgħux nkunu nafu jekk it-testijiet pożittivi humiex kollha ta' persuni differenti.