Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex persuna tkun tista' tixtri sit ta' qabar? Jista' jgħid kemm hemm applikanti għax-xiri ta' oqbra f'pajjiżna, ċimiterju ċimiterju iżda b'mod speċjali fiċ-ċimiterju ta' Maria Addolorata fil-limiti ta' Raħal Ġdid?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-proċeduri għal xiri ta' oqbra hija hekk: formoli relattivi jistgħu jinġiebu mill-Uffiċċju ta' l-Addolorata jew mit-taqsima tar-Registry tad-Dipartiment tas-Saħħa, l-Belt Valletta. Wara li jimtlew, il-formoli għandhom jintbagħtu lill-imsemmijja taqsima tar-Registry jew direttament fl-uffiċċju taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata. L-applikazzjonijiet jiġu reġistrati waħda waħda kif jidħlu w jiġu nnumerati.
Meta jkun hemm oqbra vakanti lesti għal bejgħ, l-applikanti jiġu msejħa permezz ta' ittra formali skond kif jidhru fil-lista. Jingħatalhom sit indikat lilhom b'numru, u jiġu riferuti għand nutar tal-Gvern għall-kuntratt.
In-numru ta' applikazzjonijiet pendenti sa llum huwa kif jidher hawn taħt.
Ċimiteru (Malta)
Addolorata 2032
Ħaż-Żebbuġ 182
Mosta 418
Rabat 596
Ta' Braxia 88
Mġarr 16
Kalkara 26
Mellieħa 21
Qormi 184
Burmarrad 261
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta l-ġenituri tat-tifel, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kitbu lill-awtoritajiet ta' l-isptar biex lit-tifel tagħhom jagħmlulu l-MRI huma ġew mgħarrfa li jridu jistennew madwar tliet xhur biex issir l-MRI?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Peress li f'dan iż-żmien tas-sena hawn ħafna reklamar ta' prodotti dwar obesity u slimming products, kemm fuq it-tv, u gazzetti, jista' l-Ministru jordna li flimkien ma' dawn ir-reklami ssir twissija fl-istess waqt tal-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu w awareness oħrajn dwar dawn il-prodotti? X'miżuri qiegħed jieħu d-dipartiment f'dan ir-rigward?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li reklamar ta' prodotti dwar obesity u slimming għandhom bżonn il-permess mill-Kunsill tas-Saħħa. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu ċċekkjati għall-kontenut tal-prodott konċernat u twissijiet bħal "ikkonsulta mat-tabib tiegħek qabel ma tibda dieta biex tnaqqas il-piż" jiġu miżjuda mar-riklam.
F'każijiet fejn ikunu saru xi reklami mingħajr tali permess, id-Diviżjoni tas-Saħħa tieħu dawk il-passi neċessarji.
B'referenza għad-dewmien ta' l-appuntamenti, l-iskeda ta' l-operazzjonijiet ġiet affettwata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Mistoqsija hija ftit jew wisq ġenerika. Jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema Dipartiment jew Dipartimenti qed jirreferi, nkun nista` nagħti d-dettalji mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid sarux xi żjarat minn spetturi tas-sanita` fl-iskola sekondarja tas-subien tar-Rabat, Għawdex? X'irriżulta minn din iż-żjara? X'passi ttieħdu wara din iż-żjara? Meta se ssir iż-żjara li jmiss f'din l-iskola?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-aħħar spezzjoni minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika li saret fl-iskola ndikata kien fit-3 ta` Mejju 2002. Dan wara li saru xi lmenti dwar allegat nuqqas ta` iġenje fil-faċiltajiet sanitarji (toilets) u fil-klassijiet.
Wara l-ispezzjoni ġew ikkonfermati xi nuqqasijiet. Il-Kap ta` l-iskola, kif ukoll l-Assistent Direttur ġew infurmati verbalment kif ukoll bil-miktub biex jiġu rimedjati tali nuqqasijiet fl-iqsar żmien possibbli.
Spezzjonijiet oħra għandhom jerġgħu jsiru fl-istess skola f'ġurnata mill-ġimgħa li ġejja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jekk l-Onorevoli interpellant jippreċizali x'tip ta` rapporti għandu f'moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għal kull rapport li sar fuq perjodu ta` tlett snin sħaħ, inkun nista` niddeċiedi jekk inhix ġustifikt li nordna li jintużaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar l-għalqa msejħa tal-baruni li hemm fi Triq Giacint Tua, Gzira, kantuniera ma' E. Bernard Street li allegatament qiegħda spiss tintuża kemm bħala rubbish dump kif ukoll bħala lok għal prostituzzjoni, minkejja li tinsab qrib ħafna ta' l-abitat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li spezzjoni minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika saret fl-għalqa ndikata fl-10 ta` Mejju 2002, fejn ġie nnotat xi skart u materjal ieħor.
Fid-dawl ta` dan, intbagħat avviż lis-sid konċernat sabiex jieħu l-passi meħtieġa ħalli jitneħħa dan l-iskart. Fin-nuqqas ta` dan, jittieħdu passi legali.
Fir-rigward ta` l-allegat prostituzzjoni fl-inħawi, nissuġġerixxi li tali lment jiġi riferut lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li saret spezjoni fl-isptarijiet privati fin-nofs inhar ta' fil-għodu biex jaċċertaw li konsulenti li kienu jaħdmu hemm mhux suppost li kienu jaħdmu fl-isptar San Luqa?
Jista' jagħti din l-informazzjoni għall:
fl-isptar St. James ,
fl-isptar San Filippu, u
fl-isptar Capua Palace?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li r-regolamenti dwar kliniċi privati ma jagħtux poter li jsiru spezzjonijiet għall-fini speċifiċi li qed isemmi l-Onor. Inrterpellant. Jeżistu (i) l-obbligu tad-detentur tal-liċenzja li jżomm reġistru ta' ħin ta' dħul u ħruġ ta' professjonisti li joffru servizz fl-isptar/klinika u (ii) id-dover tad-detentur tal-liċenzja li b'mod raġjonevoli jassigura li ma jsirux abbużi fis-sens li għalih qed jirreferi l-Onor Interpellant.
Minbarra li matul l-ispezzjonijiet regolari jiġi assigurat li r-reġistru qed jinżamm, detenturi tal-liċenzja jistgħu jintalbu li jipprovdu kopji tar-reġistru. L-aħħar li dan sar għat-tliet kliniċi msemmija kien biex jiġi nvestigat każ partikulari u dan kien f'Novembru 2000.
Jekk l-Onor Interpellant għandu każijiet speċifiċi, nitolbu jgħaddihomli bil-miktub, ħalli jkunu jistgħu isiru l-verifiki neċessarji skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal il-każ ta' dawk id-disa nurses li ngħataw promotion uffiċċjali, u li wara diversi snin ġiet irtirata, u saħansitra ġew imġiegħla jroddu lura d-differenza fil-pagi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Enrolled Nurses li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant ġew mitluba mid-Diviżjoni tas-Saħħa biex jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex jirrifondu s-somma ta' flus li kienu tħallsu żejda. Dawk il-persuni li ma jagħmlux hekk ser jittieħdu passi ġudizzjarji kontra tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu s-suġġerimenti li saru fir-rapport li sar dwar l-incinerator li hemm fl-Isptar San Luqa?
Jista' jgħid jekk humiex se jiġu applikati s-suġġerimenti li saru dwar dan l-incinerator?
Jista' jgħid jekk irriżultax li l-livell ta' dħaħen li jarmi dan l-incinerator huwiex ta' periklu għan-nies li jgħixu fl-inħawi? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jista l-Onorevoli Membru jindika għal liema rapport qiegħed jirreferi sabiex ikun possibbli li jingħata tweġiba għal mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa lit-taxpayer Malti l-proġett ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li t-total tal-pagamenti li saru fuq l-Isptar il-Ġdid, mid-Diviżjoni tas-Saħħa, mill-bidu tal-proġett sal-31 ta` Diċembru 2001, kien ta` LM53.9 miljun lira Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ taħt il-21 sena li bħalissa qed jattendu ċ-ċentru tad-Detox f'Malta u dak f'Għawdex?
Kemm minnhom bdew jattendu għall-ewwel darba f'dawn l-ewwel erba xhur ta' din is-sena?
Fil-każ ta' dawk taħt il-21 sena u fil-każ ta' dawk li bdew jattendu din is-sena, huma kollha Maltin?
Kemm minn dawn il-każi hemm tfal taħt is-sittax (16) il-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pazjent/a barrani/ija għamlu użu minn servizz fl-Isptar San Luqa (i) bħala inpatient (ii) bħala out patient
a) xahar b'xahar minn Jannar sa April din is-sena?
b) servizz b'servizz
c) nazzjonalita' b' nazzjonalita'
Kemm ħarġu kontijiet? Kemm kienu jammontaw fi flus? Kemm tħallsu s'issa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' mpjieg bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u ċ-Chief Executive Officer tal-isptar Monte Carmeli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta` mpjieg bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) u ċ-Chief Executive ta` l-iSptar Monte Carmeli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fiċ-ċentri tas-saħħa, fl-aħħar ġimgħat, m'għandhomx it-tilqima tal-HIB (Haemophilus Influenza B) li tingħata lit-trabi fl-ewwel sena wara t-twelid tagħhom? Meta mistenni li fiċ-ċentri tas-saħħa terġa tingħata din it-tilqima?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għad-domanda Nru 33078.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fiċ-ċentri tas-saħħa għal xhur sħaħ, m'għandhomx it-tilqima tal-cholera?
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li fiċ-ċentri tas-saħħa tingħata din it-tilqima minħaba li diversi impjegati Maltin li jaħdmu barra minn Malta jingħataw il-prekawzjoni kontra l-cholera?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa kien ħareġ sejħa għall-Offerti għal din il-vaccine fit-13 ta` Awissu 2001, iżda ma rċieva l-ebda offerta. Sussegwentement, ġew maħruġa tliet PFIs oħra fis-sena 2001 u bidu tas-sena 2002. Minn dawn, id-Dipartiment tas-Saħħa rċieva kwotazzjoni dan l-aħħar minn aġent wieħed. Din l-offerta qed tiġi kkunsidrata.
Il-vaccine kontra l-cholera tingħata bil-ħlas mill-immunisation centre tal-Furjana u mhux miċ-Ċenti tas-Saħħa kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fiċ-ċentri tas-saħħa jeżisti nuqqas tat-tilqima MMR (Measles, Mumps, Rubella) li tingħata lit-tfal ta' ħmistax il-xahar u lejn l-aħħar tal-primarja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa kellu tilwima legali ma` l-aġent li kellu jissuplixxi l-MMR. Dan kien l-uniku aġent li offra l-ispeċifikazzjonijiet adegwati u aċċettati mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Riċentement kien hemm żviluppi ġodda rigward din il-vaccine u qed isir minn kollox biex terġa` tkun fiċ-Ċentri tas-Saħħa mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċertu kura għall-marda tal-kanċer qed tingħata mill-community chest fund u mhux kif inhuma intitolati kull pazjent tal-kanċer li huma intitolati għal kull kura, tal-kanċer b'xejn?
Billi din il-kura tiswa madwar ħamsin lira kuljum, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-gwida tad-Dipartiment dwar din il-kura? Jekk id-Dipartiment tal-Onkoloġija jidirlu li din il-kura mhux daqshekk effettiva x'pariri ngħataw il-membri tal-community chest fund?
Jekk id-Dipartiment tal-Onkoloġija jidhirlu li l-effett ta' din il-kura hija ta' benefiċċju kbir x'inhu jżomm id-dipartiment tas-saħa li jagħti din il-kura b'xejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Community Chest Fund ma tagħtix kura għall-kanċer. Dan il-fond iżda jagħti għajnuna finanzjarja lil xi pazjenti biex jixtru ċerti mediċini li m'humiex approvati mid-Drug Therapeutic Committee.
Din il-proċedura għadha l-istess bħal meta l-Onor Interpellant kien Ministru, jiġifieri li talbiet għal mediċini ġodda mhux dejjem jiġu milqugħa mid-Diviżjoni tas-Saħħa għal diversi raġunijiet inkluż l-effettivita` tal-mediċina u l-liċenzjar tal-mediċini.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, azjendi u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu li jieħdu intake ta' summer workers?
Kif isiru l-għażliet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jindirizza d-domanda lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.