Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm korpi kostitwiti, organizzazzjonijiet jew istituti professjonali li ħatru working groups biex jirrappreżentaw il-professjoni tagħhom bil-għan li jipprovdu input lit-tax compliance unit? Liema kienu?
Response (DALLI, JOHN)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26378 f'seduta 551.
Jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni b'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25808 sax-xahar ta' Mejju ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija nru. 25808 tasal għand id-Dipartiment permezz tas-sistema tal-FSS. Id-dettalji dwar l-impjegati u x'ammonti ta' taxxa u kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali jkunu nżammu, jkunu sottomessi mill-employees fil-bidu tas-sena sussegwenti. Għalhekk l-informazzjoni mitluba għas-sena 2001 tkun għand id-dipartiment is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta ġiet imġedda l-ħatra tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali dan sarx bil-financial package li kellu fl-ewwel term tal-ħatra tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma kienx hemm tibdil fil-pakkett finanzjarju tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali meta kienet imġedda l-ħatra tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm baqgħalhom jiġu ngaġġati nies fit-tax compliance unit sabiex jintlaħaq il-full complement ta' l-organizzazzjoni? Liema huma l-karigi li għad iridu jimtlew?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fadal xi 18 l-impjegat x'jiġu ingaġġati mat-Tax Compliance Unit, fil-pożizzjonijiet kif jidhru hawn taħt :
Direttur Operations 1
Accountants Anzjani 4
Accountants 4
Junior/Trainee Accountants 1
Personnel tal-Informatika 3
Economics Officer 1
Legal Officer 1
Support Amministrattiv 2
Driver/messaġiera 1
Sejħa għal-applikazzjonijiet taħt ir-regolamenti tal-PSC għall-pożizzjonijiet Nru. 2,3, u 4 ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern tad-29 ta' Mejju, 2001. Din is-sejħa tagħlaq fit-22 ta' Ġunju.
Sejħiet għall-pożizzjonijiet vakanti l-oħra se joħorġu fil-futur qarib.
Wieħed irid jgħid li l-ħtiġijiet tal-Unit jinbiddlu min żmien għal żmien skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux il-ħsieb tat-tax compliance unit li jiġu ffissati benchmarks għal diversi setturi sa Settembru 2001? Jekk iva, liema huma dawk is-setturi identifikati mit-TCU s'issa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-Tax Compliance Unit qed taħdem fuq benchmarking ta' setturi prinċipalment fis-settur tas-servizzi.
Billi fil-ġurnal The Accountant intqal li fil-bidu ta' April 2000 il-Ministru talab lil Malta Institute of Accountants biex jiddiskutu l-benchmarking exercise li kien qed jinħadem mit-tax compliance unit, jista' l-Ministru jagħti lista komprensiva ta' dawk l-istituti professjonali, korpi kostitwiti u organizzazzjonijiet li ġew avviċinati mill-ministeru tal-finanzi għall-istess għan? Kemm u liema kienu dawk l-organizzazzjonijiet li aċċettaw li jagħtu l-input tagħhom fit-tfassil ta' dawn il-benchmarks?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni tingħata meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-benchmarks tat-TCU humiex se jintużaw fl-għażla ta' taxpayers li ser jiġu investigati u li ebda assessments m'uma ser ikunu bbażati fuq benchmarks per se? Jista' jikkonferma jekk il-benchmarks humiex ser jiġu stabiliti biex jiġi stabilit id-dħul ta' ċerti taxpayers jew jekk dan huwiex ser isir purament għal finijiet ta' l-għażla hekk kif imsemmi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif jiġu stabbiliti l-benchmarks, dawn ikunu jistgħu jintużaw fis-sistema komputerizata tat-TCU bħala linji-gwida, flimkien ma' nformazzjoni oħra li tinġabar mit-TCU, biex wieħed ikun jista' jgħarbel is-setturi ekonomiċi. B'hekk ikunu jistgħu jiġu prijoritizzati operaturi għall-investigazzjoni dettaljata.
Il-benchmarks mhux se jkunu bażi ta' assessement.
Assessements, fejn ikun il-każ, joħorġu biss wara investigazzjoni u verifika tat-taxpayer konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, fid-dipartiment tad-dwana, x'kuntratti għandha mad-dipartiment, min qed iħallasha, fejn joqgħod f'Malta u jekk dan hux ukoll inluż fil-kuntratt tax-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija ġiet ingaġġata mill-gvern malti biex tgħin fit-twaqqif tal-Pre-Accession Unit fid-Dwana.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru collective agreements is-sena l-oħra u din is-sena f'entitajiet fejn il-gvern għandhu sehem maġoritarju? Kemm se jiswew lil Gvern u x'kienu l-azjendi jew entitajiet in kwistjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm-il pubblikazjoni ġiet maħruġa mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 1999, 2000 u 2001?
Jista' jgħid separatament f'kull każ x'kienet ir-raġuni tal-pubblikazzjoni, liema kienet u kemm-il kopja ġiet stampata?
Jista' jgħid f'kull każ min stampa u għamel l-artwork u colour sepations?
Jista' jgħid separatament f'kull każ kemm sar ħlas għall-istampar, artwork, colour separations, posta, distribuzzjoni etc?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-mejda tal-kamra tagħrif dwar pubblikazzjonijiet maħruġa mid-dekasteru tiegħi.
B'referenza għal-mistoqsija parlamentari nru. 25796 fejn staqsejt jekk hux minnu li hemm ħsieb li s-servizz tat-trasport ta' xi ministeru/i partikulari ser jibda jitħaddem mill-privat, jistgħax l-Ministru jgħid fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditur dwar it-trasport tal-Gvern, hux minnu li hemm ħsieb li jsir electronic tracking tat-trasport ta' xi ministeru/i partikulari, mill-privat u jekk dan hu l-każ, jekk dan is-servizz huwiex ser jinkludi wkoll fleet management biex itejjeb l-internal controls u l-fleet efficiency? Jekk fl-affermattiv liema huma l-Ministeri partikulari li l-Gvern iħoss li għandhom jingħataw prijorita?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tal-Finanzi, flimkien ma' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qed jaħdem biex jitwaqqaf Working Group li jkun mitlub jeżamina s-servizz tat-trasport tal-Gvern u jagħmel rakkomandazzjonijiet li jwasslu biex titjieb is-sitwazzjoni ġenerali f'dan ir-rigward.
Ninsab infurmat li bħalissa għadhom qed jitħejjew it-terms of reference li mistennija jingħataw lill-Working Group. Għalhekk għadu kmieni biex wieħed jikkummenta fid-dettal liema huma dawk l-oqsma tar-regolamenti jew operazzjonijiet li se jiġu ndirizzati bħala prijorita'.
Peress li qed ikun hemm dewmien ta' madwar xahar għall-ħlas lura lill-importaturi, jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta' flus involut f'dan id-dewmien?
Kemm qed idaħħal il-gvern miż-Lm2 fee li qed iżomm minn kull entry ?
Kemm hu l-ammont ta' flus li ma ġewx refunded jew li l-importaturi ma ġabrux fuq id-deposit tal-EUR1?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tad-depożiti huwa wieħed fejn kontinwament ikun hemm ħlas ta' depożiti mill-importaturi u rifużjonijiet lura mit-Teżor wara li jkun intemm il-proċess ta' verifika mid-Dwana fuq id-dokumentazzjoni relatata, inklużi ċ-ċertifikati ta' l-EUR 1.
Wieħed ma jistax jidentifika l-ammont involut fil-perjodu ta' l-ipproċessar mis-sottomissjoni tad-dokumenti sal-ħruġ taċ-
cheque
, biss wieħed jista' jgħid li fl-aħħar ta' Mejju 2001 kien hemm bilanċ fil-kont 'Below the Line' relattiv ta' Lm 823,000 li mhux kollha huma depożiti fuq EUR 1 għalkemm dawn jagħmlu persentaġġ qawwi. Barra dan bejn Jannar u Mejju 2001 tħallsu lura depożiti b'kemm jagħmlu Lm2,136,130 b'kollox.
Matul is-sena 2000, id-Dwana daħħlet is-somma ta' Lm24,236 mill-'fee' ta Lm2 waqt li daħħlet is-somma ta' Lm10,069 bejn Jannar u mejju 2001.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija mhux possibli li tkun identifikata l-figura mitluba billi ma ġiex identifikat iż-żmien.
Wara d-diskussjonijiet mal-ministeru ta' l-edukazzjoni dwar l-għajnuna mwiegħda lill-ġenituri li jibgħatu t-tfal fl-iskejjel privati, jista' jgħid itteħditx deċiżjoni dwar kif se jsir issa li s-sena skolastika waslet biex tispiċċa? X'inhu n-numru ta' ġenituri li mistennija jibbenefikaw mill-għajnuna mwiegħda?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għal comparative return of expenditure għal perjodu 1 ta' Jannar 2001 u l-31 ta' Marzu 2001 li ġie ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern fil-15 ta' Mejju 2001, jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-items, item, item li jidhru n-numerati minn 10 sa 16 jiġifieri 10. Ministru of Social Policy 11. Social Security 12. Social Security Benefits 13. Family and Social Welfare 14. Care of the Elderly; 15. Housing 16. Industrial and Employment Relations u n-nefqa taż kull sub item?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab f'appendiċi 'B' annessa ma' kopja tal-'Comparative Return of Expenditure' kif ippublikat mit-Teżor fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta' Mejjue 2001 (Appendiċi A).
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-assistent personali tiegħu ġiex maħtur bħala human resource manager fil-Maltacom? Jista' jgħid ukoll jekk din il-persuna hix l-istess waħda li qed tinnegozja f'isem il-gvern sabiex ma jingħatawx żidiet fil-ftehim kollettiv ta' diversi azjendi pubbliċi u parastatali? Jista' jgħid ukoll jekk is-salarju ta' din il-persuna hux marbut b'xi mod jew ieħor ma żidiet fil-produttivita'?
Response (DALLI, JOHN)
Jien nfurmat li l-Assistent Personali tiegħi kien inħatar Assistant General Manager (Human Resources) mat-TeleMalta Corporation b’kuntratt ta’ tliet snin f’Jannar 1995. Fl-1997, taħt amministrazjoni Soċjalista dan il-kuntratt ma ġiex imġedded bla ma ngħata raġuni għaliex. B'danakollu hu baqa’ jservi bħala Acting General Manager għal xi xhur. F'Jannar 1998, hu nħatar Resources and Precedural Auditor u f'Mejju 1998 wara li kien hemm sejħa għall-applikazzjonijiet, intgħażel għal Business Development Executive (scale 4).
F'Settembru 1998 aċċetta li jassenti ruħu temporarjament mill-Maltacom u jservi bħala assistent personali fis-segretarjat tiegħi.
Is-sena l-oħra, l-Bord tad-Diretturi għamel eżerċizju ta’ ristrutturar fil-management tal-Kumpanija. B’dan l-ezerċiżju, l-Assistent Personali tiegħi, flimkien m’oħrajn, ġie identifikat sabiex jassumu dmirijiet ġodda fil-Maltacom. L-assistant personali tiegħi ġie magħżul, sabiex meta jirritorna l-Maltacom, hu jassumi d-dmirijiet ta’ human resource executive.
Is-salarju tal-assistent personali tiegħi hu dak ta' skala 4 bħal ta' l-assistenti personali ta' ministri oħra.
Jista' l-Ministru jindika jekk it-terminal benefits (sena 2001) mit-tarzna humiex taxxabbli jew le?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fi kwalunkwe każ ta' terminal payments wieħed irid jagħmel riferenza għad-dokument, ftehim eċċ, li a bażi tiegħu jkun qed jingħata t-terminal payment. B'mod ġenerali jingħad li fejn il-pagament ikun fin-natura ta' redundancy payment jew retirement gratuity allura wieħed jista' jgħid li pagament simili ma jkunx taxxabbli f'idejn min jirċevih.
Nixiteq ngħid li ma nbidel xejn f'dan ir-rigward għas-sena 2001 u għalhekk terminal benefits mit-Tarzna, jekk huma ta' dan it-tip, mhumiex taxxabbli għas-sena 2001.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li matul is-sentejn u nofs li għaddew il-Gvern fl-ebda okkazzjoni ma ta indikazzjoni li l-Kordin Grain Terminal ser ikun privatizzat?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex inżamm dan is-skiet perfett kollu dwar din il-privatizzazjoni ta' settur tant vitali fil-ħajja ta' kuljum tal-poplu Malta?
Jista' jgħid kif issa f'daqqa waħda, il-Gvern ħareġ offerta biex dan il-settur jiġi ipprivatizzat?
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li wasluli li jeżisti pjan biex dan is-settur jiġi mgħoddi f'idejn ċirku ta'nies magħrufa li għalihom il-profit jiġi qabel kull sens soċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal paġna 15 tal-White Paper fuq il-Privatizzazzjoni publikata f'Novembru 1999. Dwar din il-Privatizzazzjoni saru reklami li dehru kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta. Urew interess 9 kumpaniji. L-aħħar parti tal-mistoqsija m'hix denja ta' tweġiba.
Jidher ċar li din l-allegazzjoni, li hi mgiddba mill-fatti kif inhuma, hi l-bażi ta' l-istorja ġdida li qed jivvinta l-kap tal-oppożizjoni fil-kullana "ħmieġ u aktar ħmieġ".
Il-Privatizzazzjoni għall-ħbieb saru mill-Gvern Laburista meta :
1) ta letter of intent esklussiva lill-Port of Singapore biex jgħatihom it-tmexxija tal-Port Hieles. Dan sar permezz ta' erba' ħbieb li diġa ssemmew u li kienu qed jagħmluha ta' brokers.
2) il-privatizzazzjoni skandaluża tal-Maltacom fejn ġew maħruġa ishma bearer barra minn Malta. Għalkemm intalbet spjegazzjoni kemm il-darba dwar il-ħtieġa ta' dawn l-ishma bearer barranin, il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien u l-gurus li kienu organizzaw din il-manuvra finanzjarja għadhom ma tawx tweġiba u spjegazjoni. Wieħed jista' jaħseb li dan seta' sar biex xi ħbieb jingħataw preferenza f'din il-privatizzazzjoni bl-irħis fuq oħrajn billi jużaw flus li kellhom moħbija barra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ikkunsidraw l-effetti ekonomiċi u soċjali li jistaż jkollu l-fatt li l-Kordin Grain Terminal li huwa l-uniku post fejn iissr il-ħatt min fuq il-bastimenti u l-ħażna tal-imquh f'pajjiżna ser jgħaddi f'idejn il-privat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-effetti qegħdin jiġu meħuda in kunsiderazzjoni.
Jaqbel l-Ministru li kien ikun aktar għaqli u xieraq kieku qabel il-gvern xandar u ippublika l-offerta għall-privatizzazjoni tal-Kordin Grain Terminal, li wara kollox hija kumpanija tal-poplu, kienet tinħoloq diskussjoni nazzjonali bil-partiċipazzjoni ta' kull min hu involut f'dan il-qasam b'mod speċjali il-furnarra u l-poplu Malti li huwa l-konsumatur?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f'Novembru 1999 il-Gvern kien għamel stedina għal kummenti fuq il-White Paper dwar il-Privatizzazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li n-nefqa fuq il-ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi telgħett għal Lm 3,149 miljun fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena b'paragun mal-Lm 286,147 li ntefqu fl-istess perijodu is-sena li għaddiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn din is-sena l-kontribuzzjoni lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma għadhiex tifforma Vot separat għaliha (kif kien il-każ sas-sena l-oħra) imma qed tifforma parti mill-Vot tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Għalhekk din is-sena l-Vot 37, Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi qed juri nefqa ta' Lm2.9 miljuni aktar mis-sena l-oħra proprju minħabba din l-Item (taħt il-Kategorija "Kontribuzzjonijiet lill-Entijiet Governattivi"), meta sas-sena l-oħra nefqa kienet tidher bħala Vot għalih.