Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35218 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Ġunju sa Awissu, separatament, kemm sar serq ta': a) vetturi b) minn vetturi? Kemm mill-vetturi misruqa nstabu? Jista' jelenka minn fejn l-aktar li nsterqu vetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn Ġunju sa Awissu 2002 ġew irraportati lill-Pulizija 148 serqa ta` vetturi u 752 serqa minn vetturi. Mill-vetturi misruqa, instabu 103. Il-lokalitajiet fejn l-aktar li nsterqu vetturi huma Qormi, San Ġiljan, Pieta`, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema u l-Mellieħa.
Leg 9 PQ #35219 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid fix-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awissu separatament kemm kien in-numru totali ta' serq li ġew irrapurtati lill-pulizija? Kemm minn dawn kienu minn djar? Mil-liema lokalitajiet l-aktar li sar serq minn djar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` serqiet irrappurtati lill-Pulizija fix-xhur ta` Ġunju, Lulju u Awissu 2002, kien ta` 799, 1,099, u 1,009 rispettivament. Minn dawn is-serq minn djar kien ta` 54, 68, u 63. Il-lokalitajiet li l-aktar kien hemm serq minn djar huma San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, il-Mellieħa, San Ġiljan u l-Mosta.
Leg 9 PQ #35220 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk inqabdux makni illegali tal-logħob f'Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet? Jista' jagħti l-figuri għall-ewwel tmien xhur tas-sena u jgħid ukoll x'passi ittieħdu kontra s-sidien tal-postijiet konċernati? Jista' jagħti l-ismijiet tal-ħwienet/każini eċċ fejn instabu peress li dawn il-makni huma ta' rovina kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Awissu 2002, il-Pulizija qabdet 26 kaxxa tal-logħob illegali fil-lokalitajiet ta` San Ġiljan, San Ġwann, Buġibba, il-Belt, M`Xlokk u Ħaż Żabbar. Infurmat ukoll illi 14-il persuna tressqu l-Qorti dwar dawn l-abbużi.
Leg 9 PQ #35221 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jara li l-pulizija tagħmel aktar sorveljanza fil-playground ta' San Ġiljan (quddiem il-Wembley) peress li qed ikun hemm tfal taħt l-eta' jixorbu xorb alkoħoliku speċjalment fi tmiem il-ġimgħa? Jista' jara li l-pulizija tad-distrett tara li l-ħwienet tal-merċa jagħlqu fil-ħin stipulat fil-liċenzja peress li hemm rapporti li dawn jistgħu jbiegħu xorb alkoħoliku lit-tfal taħt l-eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-Pulizija qed tagħmel sorveljanza fil-playground imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi il-Pulizija tad-Distrett ta` San Ġiljan jagħmlu wkoll ronda fl-inħawi, sabiex jassigurawli l-ħinijiet ta` l-għeluq tal-ħwienet jiġu osservati.
Leg 9 PQ #35222 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'Ġunju, Lulju u Awissu separatament kemm-il żagħżugħ instab mill-pulizija f'xi post ta' divertiment meta dawn iż-żgħażagħ kienu taħt is-sittax il-sena? F'liema lokalitajiet? Kemm minn dawn kienu barranin? X'passi ittieħdu kontra s-sidien? Kemm-il sid kien involut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn Ġunju sa Awissu 2002, il-Pulizija qabdet persuna waħda taħt is-sittax-il sena f`post ta` divertiment. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti kontra is-sid ta` dan il-ħanut fil-Belt u mistenni jitressaq fit-12 ta` Settembru 2002 akkużat talli ippermetta persuna taħt l-eta` fil-ħanut tiegħu.
Leg 9 PQ #35252 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid tistax tikkonferma dak li r-residenti ta' Qratas Str, Swieqi/l-Ibraġġ saru jafu mill-Ministeru tat-Trasport li t-triq ma tistax tiġi asfaltata għaliex għadha ma ġietx esproprijata mill-Gvern? Jekk iva, fiex wasal il-proċess ta' esproprijazzjoni u meta mistenni li jiġi konkluż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi id-Dipartiment tal-Artijiet ma għandu l-ebda talba għall-esproprjazzjoni ta` Triq il-Qratas, Swieqi/Ibraġġ.
Leg 9 PQ #35213 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministu jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li jinstabu sospiżi? Fuq liema akkużi? Ta' liema rank huma? Meta ġie sospiż kull wieħed? Dawn se jitressqu l-qorti? Minn dawk li diġa tressqu l-qorti meta dehru l-ewwel darba? Hemm xi membri tal-korp li ġew akkużati b'xi reat u li mhumiex sospiżi? X'inhuma l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #35214 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 35048, jista' jgħid kemm applikaw biex joqgħodu għall-kors ta' spetturi tal-pulizija fl-akkademja? Kemm huma diġa membri tal-korp? Jista' jgħid kemm b'kollox ma ġewx aċċettati minn dawk li applikaw oriġinarjament? Għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 60 applikant li wieġbu għas-sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Spetturi fil-Korp tal-Pulizija li kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta` Ġunju 2002. Minn dawn 34 huma membri tal-Korp tal-Pulizija. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed ikunu pproċessati.
Leg 9 PQ #35235 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Żwieġ bir-Reġistru

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' dawk il-koppji fejn wieħed/waħda mill-koppja hija ta' nazzjonalita barranija li żżewwġu bir-reġistru fis-snin bejn l-1998 sal-lum, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` dawk il-koppji fejn wieħed jew waħda mill-koppja hija ta` nazzjonalita` barranija li żżewġu fir-reġistru mill-1998 sal-lum, sena b`sena, huwa kif ġej: Sena Malta Għ awdex 1998 228 4 1999 236 9 2000 224 14 2001 253 8 2002 (sal-lum) 204 13
Leg 9 PQ #35063 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Gżira

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li f'garage li hemm taħt blokk fil-Gżira (l-indirizz qed jintbagħat separatament) li tidħol għalih minn Bouverie Str, Gżira qed isir xogħol ta' spray mingħajr permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan l-ilment qed ikun investigat mill-Pulizija.
Leg 9 PQ #35065 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA — Gżira

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-isprall li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sarx bil-permess tal-MEPA jew le, minħabba l-inkonvenjent li dan qed ikun għan-nies li jgħaddu fuq il-bankina kif ukoll li jkunu deħlin u ħerġin minn din ir-residenza?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm qatt ma saret talba lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ninsab infurmat illi fl-1994 is-sid tal-garaxx ta` fejn sar l-isprall kien ottjena xi permessi neċessarji mingħand id-Dipartiment tat-Toroq skond numru tal-permess 1029/94/0766 maħruġ fil-18/10/94. Infurmat ukoll illi x-xogħol li sar kien approvat ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Gżira.

Ilma tat-Tisqija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jiġi organizzat li siġar u xtieli li hemm f'postijiet pubbliċi, fosthom proġetti ta' toroq ġodda, jiġu msaqqa' bl-ilma b'mod regolari partikolarment fix-xhur sħan tas-sajf?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 9 PQ #35150 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Kuntrabandu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-valur ta' kuntrabandu ta' deheb u ġojjelerija li nqabbdu mill-pulizija mill-1998 sal-lum kull sena separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kelliex każi kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #35173 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ħabs

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn qegħdin jispiċċaw is-sigaretti, videos u l-mobile phones li jinqabdu illegalment fil-pussess ta' priġunier fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-oġġetti kollha li jinqabdu illegalment fil-pussess tal-priġunieri jinżammu fil-kustodja tad-Direttur tal-Ħabs. Jekk il-każ ikun ta` xi sigaretti, li huwa ferm rari, dawn jingħataw lill-priġunieri oħra li ma jkollhomx flus biex ikunu jistgħu jixtru s-sigaretti.
Leg 9 PQ #35186 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jistax jieħu passi sabiex jassigura li l-uffiċjal tal-pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jitbagħtu separatament jidħol għax-xogħol bħal ħaddieħor u dan billi minkejja d-detail officer joħroġ d-detail tiegħu l-ġurnata ta' qabel jibqa' ma jidħolx? Jaf il-Ministru li l-uffiċjal ikkonċernat jidħol biss nhar ta' Ħadd bl-uniformi u ma jersaqx lejn ix-xogħol matul il-ġimgħa? Jaf li dan l-uffiċjal suppost qiegħed special duty fl-għassa kkonċernata mhux jersaq għax-xogħol? Jista' jassigura li d-detail officer ikkonċernat jimponi d-dixxipplina neċessarja biex l-uffiċċjal kkonċernat jidħol għax-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-allegazzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġew investigati mis-Supretendent inkarigat mid-Distrett ta` Għawdex, li irraporta li l-membru tal-Korp imsemmi, qed jirraporta għax-xogħol skond ma jkun ordnat.
Leg 9 PQ #35282 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kordin — Vettura

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'użu qiegħed isir mill-vettura Daewoo GVN 118 fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Veru li ilha wieqfa xahrejn bit-tyres imniżżlin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vettura li dwarha qed issir il-mistoqsija kienet inxtrat mid-dipartiment tas-Servizzi Korrettivi fis-26 ta` Diċembru 1994. Din il-vettura kienet tintuża kontinwament biex isiru skorti mill-Ħabs għal Qorti, skorti għal visti u ukoll użu ġenerali. Din il-vettura saret perikoluża biex tinstaq minħabba difett fic-chassis u għalkemm ġie imsewwi għal diversi drabi xorta waħda baqgħet difettuża. L-ispejjeż li tirrikjedi biex tiġi irranġata jammontaw għal ferm aktar mill-valur tagħha. Din mhix tintuża u għalhekk inbdew proċeduri biex tiġi skrapjata.
Leg 9 PQ #327 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Sea Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn ser jiġi riallokat il-maintenance base tal-kumpannija Sea Malta, liema maintenance base topera mill-Belt il-Ħażna? Huwa minnu li din il-base ser tiċċaqlaq lejn post ieħor 'il bogħod mill-Port tal-Belt u jekk isir hekk ma jaħsibx li ser ikun hemm problema ta' maniġġ ta' heavy plant and machinery jekk il-base tiġi riallokata 'il bogħod mill-Port?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 9 PQ #35031 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Fenkata waqt l-Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li waqt li xi uffiċjali dan l-aħħar kienu qegħdin fuq overtime fil-main gate, ġiet organizzata fenkata waqt il-ħin tax-xogħol u f'wieħed mill-uffiċini?

Response (BORG, TONIO)

Peress li din l-allegazzjoni ma irriżultatx lil-awtoritajiet tal-ħabs, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini informazzjoni ħalli l-ilment jiġi investigat iktar.
Leg 9 PQ #35032 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

CCF

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi jiġu dettaljati l-gwardjani/uffiċjali tas-CCF fid-divizjonijiet differenti tal-ħabs? Teżisti xi forma ta' roster sabiex jitnaqqas kwalunkwe abbuż u fl-istess ħin titnaqqas l-amont ta' stress meta ċertu gwardjani dejjem jiġu assenjati divizjonijiet konsidrati aktar diffiċli minn oħrajn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uffiċjali li jaħdmu fid-diviżjonijiet jiġu magħżula u mqassma skond il-kapaċita` li għandhom u x-xogħol li tirrikjedi d-diviżjoni. Xorta waħda minn żmien għal żmien issir rotazzjoni ta` l-uffiċjali minn diviżjoni għal oħra u dan minħabba is-sigurta`. Fid-diviżjonijiet hekk imsejħa "diffiċli" jkun hemm aktar uffiċjali minn diviżjonijiet oħra u tajjeb li jingħad ukoll illi matul il-ġurnata ħafna mill-priġunieri jkunu barra mid-diviżjoni meta jkunu jew jaħdmu jew jattendu għal lezzjonijiet akkademiċi.
Leg 9 PQ #35060 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Gżira

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-ilmenti mal-pulizija tal-familja mill-Gżira li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u residenti oħrajn ta' l-inħawi dwar il-fatt li hawker tal-pitrolju qrib tagħhom qed juża l-premises tiegħu bħala loading area għall-ħinijiet eċċessivi tal-ġurnata, kif ukoll li jbiegħ il-pitrolju minn ġo l-abitat matul il-ġimgħa kollha, bil-ħdud b'kollox? Dan mhux ta' sogru kbir għar-residenti tal-inħawi li qed ikun hemm ħażna kbira ta' pitrolju fl-abitat f'din it-triq partikolari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ipparkjar quddiem il-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant huwa għat-tgħabija bejn is-7.00am u l-11.00am u bejn is-1.00pm u 5.00pm mit-Tnejn sas-Sibt. Dan l-istess fond huwa kopert b`liċenzja għal ħażna ta` pitrolju. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli issegwi dan l-ilment sabiex ma jkunx hemm ksur tal-liġi.