Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27716 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Persuni fuq Probation

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq probation illum? Kemm hemm minnhom li weħlu probation għal aktar minn darba u jekk iva għal kemm-il darba? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-figura?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-rekords kompjuterizzati disponibbli li jkopru sa Mejju 2001, it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #27720 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti akkużati fuq korruzzjoni ta' minorenni din is-sena? X'weħlu f'kull każ individwali dawk misjuba ħatja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din is-sena, sal-20 ta` Lulju, tressqu 4 persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi ta` korruzzjoni ta` minorenni. Dawn kollha għad m`humiex deċiżi.
Leg 9 PQ #27721 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Żwiġijiet Omosesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid billi issa f'diversi pajjiżi ta' l-UE jistgħu jsiru 'żwiġijiet' bejn persuni omosesswali, dan iż-żwieġ ikunx rikonoxxut hawn Malta jekk dan ikun jinvolvi żwieġ bejn tnejn barranin, tnejn Maltin jew fejn wieħed mill hekk imsejħa miżżewġa jkun Malti?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23089 f`Seduta Nru. 487.
Leg 9 PQ #27731 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Art f'Ħal Far — Esproprijazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jindaga u jara għaliex għadhom ma tħallsux l-ebda kumpens is-sidien ta' l-art f'Ħal Far (daqs ta' tomna) li fl-1964 ġiet esproprijata mill-Gvern? Dettalji qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Il-prezz li ġie ndikat lis-sidien fl-Avviż ta` Ftehim li ħareġ fl-1969 ma ġiex aċċettat mis-sidien u għalhekk hemm bżonn li l-każ jiġi npoġġi quddiem il-Bord għall-Arbitraġġ. Dan sal-lum kien għadu ma sarx. Ser jittieħdu passi mmedjati biex din issir.
Leg 9 PQ #27736 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Towing ta' Karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid 'il għaliex il-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament na ngħatax refund mill-Kummissarju tal-Pulizija tal-multa li kellu jħallas biex tiġi rilaxxata lilu l-vettura li l-partikularijiet tagħha qegħdin jintbagħtu separatament li kienet ġiet towed minn fejn kienet ipparkeġġjata quddiem ir-residenza tiegħu nhar is-Sibt 30 ta' Lulju 2000? Jaf l-Ministru li l-uniku avviż li kien jgħid li fit-tali ġurnata, lok u ħin ma setax isir parking kien fuq il-Gazzetta tal-Gvern liema gazzetta ma kinetx waslet puntwalment minħabba l-azzjonijiet industrijali ordnati mill-GWU u li kienu affetwaw il-posta dak iż-żmien u b'jekk ħadd ma seta jkun jaf b'dak l-avviż? Ma jaħsibx il-Ministru li ma kienx gust li ttieħdet din l-azzjoni fil-konfront tal-persuna indikata jekk ma seta qatt isir jaf bl-avviż sal-ġurnata indikata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet tħalliet ipparkjata fir-rotta u waqt il-ħin tal-purċissjoni nhar il-festa tal-lokal fejn sid il-vettura huwa residenti. Kien għalhekk li din l-istess vettura ġiet irmunkata.
Leg 9 PQ #27604 Sitting 589 2001-07-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'applikazzjonijiet għandha pendenti l-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn persuni li talbu li ssir lift fejn jgħixu? Kemm minnhom huwa persuni b'diżabilita'? X'qed iżomm milli jingħataw il-permessi meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiema 10 applikazzjonijiet pendenti li jipproponu "lift" f`bini residenzjali. Minn dawn l-għaxar applikazzjonijiet waħda hija indikata għal persuna b`diżabilita`. Ta` min jgħid illi l-Awtorita` ma titlobx informazzjoni dwar jekk l-applikant hux persuna b`diżabilita` jew le. L-Awtorita` tkun taf b`dawn il-każi meta l-applikant minn jeddu jindika dan fl-applikazzjoni.
Leg 9 PQ #27581 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Direttur Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-perit li ismu jidher under separate cover ma ffirmax il-kuntratt bħala direttur ġenerali li skadielu fil-21 ta' Ottubru 2000? Jista' jikkonferma li l-perit inkwistjoni qiegħed jaqdi l-funzjoni tiegħu bla kuntratt?

Response (BORG, TONIO)

Nikkonferma li għalkemm il-Perit in kwistjoni għadu ma hux f`pożizzjoni li jiffirma l-kuntratt ta` Direttur Ġenerali għal raġunijiet personali, dan qiegħed jaqdi l-funzjonijiet u l-obbligi kollha li tirrikjedi din il-kariga.
Leg 9 PQ #27592 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

The Malta Independent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra l-pulizija li arrestaw bla bżonn fotografi ta' The Malta Independent waqt il-protest tal-Greenpeace fl-Isptar San Luqa l-ġimgħa li għaddiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għaddejja investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi nuqqas da parti ta` xi uffiċjal/i tal-Pulizija; jekk iva, jittieħdu passi dixxiplinarji.
Leg 9 PQ #27601 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Vetturi Abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jara li ż-żewġ vetturi tat-tip Skoda u Allegro illi ilhom abbandunati fi Triq A Sammut ta' Paris B'Kara jinġabru mill-Pulizija u dan peress li ilu jsiru rapporti dwarhom għal dan l-aħħar sentejn mingħajr riżultat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija mill-Onorevoli Interpellant tneħħew.
Leg 9 PQ #27621 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Boat Yard

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li kienet se tingħata lill-Konsorzju tal-Kottonera fir-Rinella biex issir boat yard għadhiex f'idejhom jew inkella ingħatatx lil xi ħadd ieħor għal xi proġett ieħor?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet m`għandu l-ebda inidikazzjoni li l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant m`għadhiex f`idejn il-Konsortju tal-Kottonera.
Leg 9 PQ #27622 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Villa Portelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkriet Villa Portelli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li Villa Portelli ġiet allokata lil Kunsill Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) bil-kera ta` Lm100,000 fis-sena.
Leg 9 PQ #27629 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rapurtati nieqsa lil-Pulizija matul dawn l-ewwl 6 xhur tas-sena? X'irriżulta lill-Pulizija f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ġunju ta` din is-sena kien hemm 96 persuna rrapurtati nieqsa lill-Pulizija. Dawn kollha ġew accounted for jew instabu.
Leg 9 PQ #27634 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Hold Up

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' hold up li ġew rapurtati lil pulizija xhar b'xhar matul din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 separatament għall-istess perjodu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: 1997 1998 1999 2000 2001 Jannar 2 3 8 1 1 Frar 2 4 4 4 4 Marzu 2 7 4 2 3 April 1 6 4 5 2 Mejju 4 3 nil 3 2 Ġunju 2 4 2 2 2
Leg 9 PQ #27514 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

ECF 1235/97

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli tiġi nfurzata ECF 1235/97 wara li l-anzjana konċernata mietet żmien ilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Avviż tat-Twettieq ECF 1235/97 kien inħareġ kontra l-persuna li kienet tokkupa l-post fil-1997. Dan peress li kienet issaqfet parti mill-bitħa interna komuni ta` l-appartamenti. L-Awtorita` kienet qieset l-eta` kbira tal-persuna konċernata u aċċettat il-prinċipju li jitħalla s-saqaf tal-"perspex" sakemm tibqa` tgħix fih is-sinjura anzjana. Jirriżulta li l-post ġie vakat meta din il-persuna mietet riċentament. Minkejja li ngħataw żmien raġonevoli, l-eredi qed jonqsu li jonoraw l-arranġament li kien sar mal-ġenitur u jneħħu s-saqaf in kwestjoni. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi il-każ ser jiġi inkluż fil-lista tad-"direct action". L-Awtorita` ser tibqa` ssegwi il-każ sa ma dan jiġi konkluż skond il-liġi.
Leg 9 PQ #27518 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ġnien ta' Hastings

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tneħħa parti mill-ħadid madwar l-ġnien ta' Hastings dan l-aħħar saritx applikazzjoni quddiem l-Awtorita' tal-Ippjanar u x'ġara minnha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li dan l-aħħar l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet xi applikazzjoni dwar tneħħija ta` xi ħadid minn Hastings.
Leg 9 PQ #27551 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Extractors

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga u jara li jinqalgħu l-extractors, generaturi u oġġetti li twaħlu bla permess mill-liċenzjaturi TL/V/18/98 u TL/V/38/98 u dan fir-rispett taż-żamma ta' l-ordni? Peress li residenti Mostin ta' l-inħawi jinsabu imdejqa kawża ta' dawn il-ħsejjes insupportibli li żdiedu aktar fil-lejl tat-12 ta' Lulju 2001, jista' l-Ministru jara li ssir ġustizzja sabiex is-sitwazzjoni terġa tiġi għan-normal għall-dawn ir-residenti? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27550 f`Seduta Nru. 586.
Leg 9 PQ #27561 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Hold Ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru hold ups bejn 1 ta' Jannar 2001 u 15 ta' Lulju? Fejn saru? f'Kull każ x'insteraq? Kemm il-persuna tresqet il-Qorti? Fuq liema każi?

Response (BORG, TONIO)

B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25969, ninsab infurmat illi sal-15 ta` Lulju ta` din is-sena ġew irrappurtati lill-Pulizija 7 każi. Fil-każi li seħħew bejn l-1 ta` Jannar u l-15 ta` Lulju 2001, kien irrappurtat li nsterqu ammonti differenti ta` flus Maltin, deheb, mobile phones, sigaretti, apparat tal-kompjuter, etc. Infurmat ukoll illi n-numru ta`persuni li tressqu l-Qorti kien ta` 2.
Leg 9 PQ #27566 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Stupru fuq nisa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 27156 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern u Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid kemm mill-każi ta' stupru fuq nisa (rape) li tressqu l-qorti din is-sena u s-sena l-oħra l-allegat aggressur instab ħati? Jista' jgħid x'kienet il-piena f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 4 persuni fuq akkużi ta` stupru fuq nisa. Każ wieħed ġie deċiż fejn l-akkużat tpoġġa taħt probation officer għal żmien sena. Infurmat ukoll illi din is-sena tressqu 2 persuni fuq l-istess akkuża u li l-każ tagħhom għadu mhux deċiż.
Leg 9 PQ #27590 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Supritendent

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex iż-żewġ trasferimenti, wieħed minn Malta għal Għawdex u l-ieħor minn Għawdex għal Malta, taż-żewġ supritendenti li isimhom qed jintbagħat under separate cover reġgħu gew irtirati?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid, tibdil fix-xogħol ta` membri fil-Korp isir meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp.
Leg 9 PQ #27493 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Dar ta' l-Anzjani fl-Imsida

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu mill-kummissarju tal-Pulizija wara l-aħħar rapporti li saru f'April ta' din is-sena għaliex fil-keep clear area li hemm ħdejn id-Dar ta' l-Anzjani fl-Imsida xorta għadu jsir parking bl-addoċċ kif wkoll quddiem il-garage ta' residenti ta' l-akwati? Jikkonferma li fil-parking area saħansitra qed isir xogħol fuq barra ta' panel beating u spray painting kif wkoll qed jitħallew li jiġu pparkjati karozzi għat-tiswija, mitluqa maħbuta u x'aktarx bla liċenza? Peress li apparti milli nġibdet l-attenzjoni tal-Kummissarju saru diversi rapporti fl-għassa tal-Pulizija fl-Imsida u billi ma sar ebda progress mindu saret interpellanza dwar l-istess suġġett nhar it-12.03.01 kif wkoll dehru rapporti fil-ġurnal It-Torċa tal-Ħadd 11.3.2001, jista' jara li tittieħed azzjoni rimedjali flimkien mal-Ministru responsabbli tal-kunsilli Lokali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tieħu passi meħtieġa sabiex tassigura illi fl-akkwati msemmija mill-Onorevoli Interpellant ma jkunx hemm ksur ta` liġi. Fil-fatt, ninsab infurmat ukoll illi anke ittieħdu passi quddiem il-Qorti kontra s-sidien tal-workshops li hemm fil-post, meta instabu irregolaritajiet. Infurmat ukoll illi l-Pulizija dejjem tat l-assistenza tagħha meta din intalbet minn xi sid ta` garage fl-inħawi li lmenta li li kellu l-aċċess għal garage tiegħu ostakolat.