Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16268 u jgħid kemm ingħataw direct orders fil-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu, ta' 'il fuq minn Lm2,000 matul l-2004 u l-2005? Jista' jgħid kemm kienet tqum kull waħda, lil min ingħatat u min approvaha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-festival internazzjonali tal-kori f'Malta se jsir bejn id-9 u t-13 ta' Novembru? Qatt saret valutazzjoni kemm dan il-festival iġġenera turisti meta ġie organizzat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq infakkar l-Onorevoli interpellant li l-Festival tal-Korijiet dejjem sar fix-xahar ta' Novembru u reġa ġie deċiż li jsir fl-istess xahar għar-raġuni li hija il-politika tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura li fix-xhur tax-xitwa jiġu organizzati attivitajiet li jistgħu jiġeneraw turiżmu lejn pajjiżna.
Għall-aħħar festival li sar fl-2004 irriżulta li ġew 330 persuna minn barra. Ta' min jgħid ukoll li din is-sena l-festival se jsir flimkien ma' l-enti internazzjonali Interkultur preċiżament biex iservi bħala attrazzjoni għal aktar turisti.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kori li s'issa huma konfermati li se jieħdu sehem fil-festival internazzjonali Malti tal-kori bejn id-9 u t-13 ta' Novembru? Kemm se jintnefqu fuq dawn il-kori? Mnejn se joħorġu l-fondi għal dan il-festival?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-aħħar xahrejn il-Fondazzjoni Interkultur ħabbret dan il-festival lill-madwar 30,000 kor u assoċazzjoni oħra f'diversi pajjiżi. Diġa intwera interess qawwi pero` l-applikazzjonijiet jagħlqu fl-aħħar ta' Lulju 2006.
Il-korijiet li jieħdu sehem huma responsabbli ta' l-ispejjeż kollha li jkollhom għall-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni.
Il-fondi ta' dan il-festival ser jittieħdu mill-budget ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu, liema fondi jiġu allokati appożitament għal attivitajiet ta' dan it-tip.
Jista' il-Ministru jgħid liema kumpannija Ġermaniża ġiet kuntrattata biex torganizza l-festival internazzjonali Malti tal-kori bejn id-9 u t-13 ta' Novembru? Kif intgħażlet? Kemm se titħallas għax-xogħol tagħha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Interkultur intagħżlet minħabba s-suċċessi li kellha biex tiġbed numru kbir ta' korijiet mid-dinja kollha għall-festivals li torganizza f'pajjiżi differenti u li għalhekk il-kollaborazzjoni ma' din il-fondazzjoni tista' tkun vantaġġjuża għal Malta. Għax-xogħol li ser tagħmel Interkultur se titħallas 20,000 Ewro. Għal informazzjoni iktar dettaljata qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija għall-Istampa tat-3 ta' Marzu 2006.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-avviżi legali li saret riferenza għalihom f'mistoqsija parlamentari 15941?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ drafting ta' l-Avviż Legali dwar l-użu ta’ inċentiv fiscali għal-benefiċju ta’ Għaqdiet Kulturali Non Governattivi qed jiġi finalizzat. Il-publikazzjoni tal-Avviż Lokali fil-Gazzetta tal-Gvern għanda ssir fil-gimgħat li ġejjin.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 16512 u 17247, jista' il-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li xi tour operators barranin din ix-xitwa ddeċidew li għal xi żmien jieqfu jġibu turisti lejn Malta u Għawdex? Jekk iva, min huma dawn l-operators? Ittieħdu xi passi rimedjali dwar dan? Jekk iva, x'passi ttieħdu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
F’dawn l-aħħar snin saret prassi illi tour operators, speċjalment dawk fir-Renju Unit, iwaqqfu l-programm tagħhom għal xi perjodu ta’ żmien fix-xitwa. Din hija ħaġa normali li ssir kull sena, u tiġi ppjanata bil-quddiem, ħafna qabel il-bidu ta’ l-istaġun, meta l-operatur ikun qiegħed ifassal il-programmi tiegħu. Mit-tweġibiet mogħtija lilna mill-operaturi ewlenin fir-Renju Unit, jirriżulta illi l-perjodi fejn il-programmi tagħhom twaqqfu għax-xitwa ta’ din is-sena, huma bejn wieħed u ieħor l-istess bħal tas-sena l-oħra u ma kienx hemm xi tibdil sostanzjali. Madanakollu, u minkejja li s-sitwazzjoni ma tinħtiġx li jittieħdu passi rimedjali għal ta’ l-apposta, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta xorta waħda qegħda tissokkta bil-programm ta’ Joint Marketing Activities, bil-għan illi s-servizzi tat-tour operators barranin lejn Malta jissaħħew. Il-programm ta’ Tour Operator Support jikkonsisti fost l-oħrajn f’kampanji ta’ marketing u ta’ pubbliċità għal Malta li jittellgħu bi sħab bejn operaturi u l-Awtorità. Barra minn hekk, mil-lat ta’ promozzjoni u marketing qed isir kull sforz sabiex tissaħħaħ il-pubbliċita' għal Malta, speċjalment f’dawk li huma s-swieq ewlenin tagħna. Fil-perjodu tax-xitwa ta’ din is-sena, per eżempju, l-ispiża għall-pubbliċita' u l-promozzjoni fir-Renju Unit kienet ’l fuq minn 5 darbiet aktar mill-ispiża għall-istess perjodu tas-sena l-oħra. Minħabba n-natura kummerċjalment sensittiva ta’ l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant, għal dawk li huma ismijiet ta’ kumpaniji speċifiċi, ma nħossx li din l-informazzjoni għandha tingħata, aktar u aktar meta tintalab informazzjoni kummerċjali dwar l-istaġun kurrenti.
Peress li tul Jannar u Frar 2006 baqgħu jasluli rapporti regolari li bejjiegħa barranin tat-timeshare baqgħu jdejqu b'mod arroganti u inaċċettabbli turisti li jkunu fil-pjazza ta' Buġibba, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra dan l-abbuż li qed jagħmlilna ħsara mat-turisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Matul Jannar u Frar 2006 saru għaxar (10) spezzjonijiet f’Buġibba, Qawra u Golden Sands. Matul dawn l-ispezzjonijiet, ġew iċċekkjati:
· 62 OPCs; u
· 3 identification tags ġew elevati.
Id-Direttorat ta’ l-Infurzar qiegħed jagħmel ukoll spezzjonijiet flimkien mal-Pulizija ta’ l-
Administrative Law Enforcement.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tempju Ta' Skorba ġo l-Imġarr, Malta jistax ikollu l-parametri tiegħu li jinkludu dik il-parti li llum mhijiex mdawwra b'fence? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'jista' isir sabiex dan isir?
Jista' il-Ministru jaċċertana wkoll li fit-tempju Ta' Skorba, dik il-parti li mhijiex imdawwra b'fence, tiġi mnaddfa u s-siġar tal-lewż jiġu miżbura?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-parti in kwestjoni ġiet akkwista b’dikjarazzjoni ta’ l-Aġent President ta’ Malta datata 13 ta’ Jannar 1992 u ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-21 ta’ Jannar 1992. Ta’ min iżid li s-sidien preċedenti għadhom ma rċevewx il-ħlas dovut lilhom għal din l-art.
Il-ħsieb ta’
Heritage Malta
hu li twettaq proġett għall-ħarsien ta’ dawn il-fdalijiet, b’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu dwar l-allegat dħul ta' ilma u qatran fil-passaġġ li jagħti għall-grotta ta' San Pawl fir-Rabat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-14 ta’ Frar 2006, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali spezzjonat is-sit tal-Grotta ta’ San Pawl, Rabat, wara li sar rapport dwar ħsara f’dan il-post.
Waqt din l-ispezzjoni ġie innotat li saret ħsara f’xi katusi li jgħaddu minn fuq passaġġ taħt l-art li tgħaqqad il-Grotta ta’ San Pawl mal-Mużew ta’ Wignacourt. B’konsegwenza ta’ din il-ħsara, kull meta tagħmel xita qawwija qiegħed jidħol ilma u tajn ġewwa dan il-passaġġ.
Jidher li din il-ħsara ġiet ikkawżata minn xogħol reċenti ta’ surfacing bl-asfalt tat-triq li tgħaddi minn fuq l-istess passaġġ.
Skont informazzjoni li għandha s-Sovrintendenza, ir-responsabilta` għat-tiswija ta’ din il-ħsara hija tal-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qiegħda iżomm kuntatt kemm mal-Kuratur tal-Grotta ta’ San Pawl u mal-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex tassigura li t-tiswija fuq dan is-sit isir minnufih.
Jista’ il-Ministru jikkonferma li fi ħdan il-Ministeru tiegħu twaqfet taqsima biex tieħu ħsieb il-programm Media ta' l-Unjoni Ewropea, u jekk iva x'inhi l-mansjoni ta' tali programm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura applika għall-fondi għall-operat għall-uffiċċju tal-Media għal din is-sena. Il-fondi li ngħataw huma ta’ madwar €35, 500. Dawn ikopru ħamsin fil-mija tal-budget. Dawn il-fondi qegħdin jintużaw sabiex jkun hemm persuna illi tieħu ħsieb l-immaniġġjar tal-uffiċċju li jaqa’ fi ħdan id-direttorat ghall-affarijiet ta’ l-UE u Żvilupp ta’ Policy. L-uffiċċju għandu r-responsabbiltà li jinforma lin-nies li huma nteressati fil-qasam awdjovisiv permezz ta’ seminars li qedgħin jiġu organizzati, kreazzjoni ta’ sit tal-internet, publikazzjonijiet b’informazzjoni fuq il-programm, kif ukoll laqgħat fuq bażi ndividwali ma’ persuni li juru nteress f’din l-iskema. L-uffiċċju qiegħed ukoll jagħmel kuntatti ma’ msieħba privati u pubbliċi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jonqsu t-titjiriet minn pajjiżi mnejn inġibu t-turisti, bħall-Isvezja, fix-xhur li ġejjin? X'passi qed jittieħdu biex it-turisti li jridu jiġu jsibu t-titjiriet diretti li għandhom bżonn biex jaslu f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurma li s-seat capacities previsti għall-istaġun tas-Sajf 2006 (April sa Ottubru) jindikaw tnaqqis marġinali ta' 1% meta mqabblin ma l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan it-tnaqqis marġinali għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tas-seat capacity eċċesiva, speċjalment mis-suq Ingliż, li kien hemm is-sena l-oħra. Dani ifisser li s-seat capacities għal din is-sena huma pjuttost fl-istess livell tas-sena l-oħra.
Għas-sajf li ġej, ir-rotot Skandinavi qegħdin juru tnaqqis kollettiv ta' 0.5% fuq is-sajf tas-sena l-oħra. Il-capacities mill-Isvezja u l-Finlandja qegħdin juru tnaqqis ta' 28.5% u 7.2% rispettivament, filwaqt li ġiet reġistrata żieda ta' 50% fin-numru ta' airline seats fuq ir-rotta Norveġiża. Fil-każ tal-Isvezja, it-tnaqqis fis-seat capacity jirriżulta minn konsolidazzjoni tal-operat tal-linja ta' l-ajru SAS li waqqfet it-titjiriet charter tagħha minn Gothenburg u ikkonsolidathom mat-titjiriet taghħa minn Stockholm, minn fejn żiedet is-seat capacity fuq is-sajf tas-sena li għaddiet. Id-Danimarka żammet l-istess seat capacity tas-sena l-oħra. Id-Danimarka żammet l-istess seat capacity tas-sena l-oħra.
L-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu iżżomm kuntatti u diskussjonijiet kontinwi mal-operaturi turitiċi u l-linji ta' l-ajru fuq materji li għandhom x'jaqsmu ma' seat capacities.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm barranin li għandhom liċenzja ta' tourist guides? Minn liema pajjiżi ġejjien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' tourist guides barranin huwa ta' ħdax. Dawn ġejjien miċ-Ċina (2), Ġappun (2), Ukrajna (1), Russja (1), Polonja (1), l-Olanda (3) u Flemish (1).
Jista' il-Ministru jgħid jekk Heritage Malta jew xi awtorita' oħra li kienet responsabbli qabel din l-aġenzija mill-Wirt Nazzjonali, kienux konsultati dwar fish farms, speċjalment fid-dawl tal-patrimonju li jeżisti taħt il-baħar? Jista' jgħid jekk dan ġarax fir-rigward tal-fish farms li jinsabu fin-naħa t'isfel ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, sarux xi kondizzjonijiet u x'kienu dawn il-kondizzjonijiet jew talbiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita` responsabli ghall-Wirt Kulturali, li tikkordina mal-Awtorita` ghall-Ambjent u l-Ippjanar ta’ Malta (MEPA) hija is-Sovrintendenza ghall-Patrimonju Kulturali mis-sena 2003. Fis-snin ta’ qabel l-enti reponsabli kien id-Dipartiment tal-Muzewijiet.
Ninsab infurmat li sas-Sena 2002, id-Dipartiment tal-Muzewijiet kien ircieva 3 talbiet ghal konsultazjoni mill-MEPA li kienu dwar ‘fish farms’.
Mis-sena 2003 l-hawn, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rcieviet kaz wiehed biss mill-MEPA dwar applikazjoni ghall-‘fish farms’.
L-erba kazijiet imsemmija kollha jinsabu fin-naha t’isfel ta’ Malta.
L-uniku kaz li gie referut lil Sovrintendenza ghal-Patrimonju Kulturali huwa dan il-gej:
Permes Nu. 87/04: Xrobb l-Ghagin
Fuq dan il kaz, li gie approvat f’Dicembru tal-2005, Is-Sovrintendenza infurmata li fost il-kondizjonijiet mhemuza mal-Permes hemm l-obligu fuq l-izvilupopatur li jaghmel spejjez tieghu Survey Arkeologiku taz-zona kollha effetwata minn din l-applikazjoni. Dan qed isir sabiex ma ssirx hsara fuq xi fsalijiet arkeologika li jista’ jkun hemm gewwa dan is-sit.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex, sena sena minn din is-sena sa l-2008?
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li waqt xogħlijiet li saru mill-privat fil-viċinanzi taċ-ċimiterju tar-Rabat instabu xi oqbra puniċi? Jekk fl-affermattiv, m'miżuri ttieħdu mis-sovrintendenza tal-wirt kulturali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ma għandha ebda informazjoni dwar sejba ta’ xi oqbra Puniċi fil-viċinanzi taċ-Ċimiterju ta’ Santa Margerita, fir-Rabat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw impjiegi ġodda f'din l-aħħar sena ma' l-MTA? Jista' jgħid x'tip ta' impjiegi huma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' impjiegi ġodda li ngħataw fl-Awtorita' tat-Turiżmu f'din l-aħħar sena kienu 5. L-impjiegi kienu kif ġej:
Executive Chairman
Personal Assistant to the Executive Chairman
Procurement Manager
Research Analyst
Tourism Zone Officer
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-monument ġdid li jinsab f'Ħal-Luqa (quddiem ix-showroom tal-Mambra) u li dwaru dehru diversi ittri fil-gazzetti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqieghed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal fuel tal-ministeru, enti, kumpanniji eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-2005?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa globali matul l-2005 għal fuel tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-enti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kienet ta' Lm 35,734.12.