Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċirkewwa — Moll

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol li sar s'issa fuq il-moll taċ-Ċirkewwa? Meta hu maħsub li l-proġett kollu jintemm? Kemm intnefaq fuq dan il-proġett s'issa? Kemm kien stmat li se jiswa meta ġie pproġettat? Se tinżamm din l-istima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol li diġa sar fuq il-moll taċ-Ċirkewwa huwa dan: Upgrading tal-mollijiet eżistenti, Xogħol ta' reklamar ta' art fejn ser jinbena s-Sea Passenger Terminal, Estensjoni tal-moll numru 1 ġewwa l-Imġarr Għawdex, Bini ta' moll ġdid numru 2 ġewwa ċ-Ċirkewwa, Xogħol ta' Traffic Management. Jiena nfurmat li l-proġett hu antiċipat li jitlesta fl-2004. S'issa intefqu Lm 4,950,000. Meta l-pjanti kienu ġew finalizzati, l-istima kienet ta' Lm 13-il miljun. S'issa l-indikazzjonijiet huma li l-istima sejra tinżamm. Kull sforz qiegħed isir biex din l-istima ma tinqabiżx.

Karozzi tal-Linja — Rotot

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-linja li llum qed joperaw fuq ir-rotot f'Malta u Għawdex? Kull meta jsiru testijiet fuq karozzi tal-linja biexjiġi żgurat li huma f'kundizzjoni tajba speċjalment dwar il-brejkijiet u kumdita' għall-passiġieri? Kemm il-karozza tal-linja ma tħallitx topera din is-sena s'issa għaliex kellha xi difett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li b'kollox hemm 508 permess għal-xarabank li jopera fuq ir-rotta f'Malta u 78 f'Għawdex. Kull sena jsir test fuq kull xarabank. Minbarra t-test tal-VRT din is-sena uffiċċjali ta' l-Awtorita' waqqfu minn fuq ix-xogħol tar-rotta tagħhom 115 xarabank sabiex jiġu ttestjati fuq dawn in-nuqqasijiet: Duħħan ġewwa x-xarabank Twieqi mingħajr packing Żebgħa Seats imqatta Dwal Qanpiena Ħsarat mekkaniċi Twieqi nieqsa jew miksurin Tqattir taż-żejt Minnhom, 18-il karozza tal-linja ma tħallewx joperaw f'Malta għall-perjodu ta' żmien minħabba l-problemi mekkaniċi li kellhom, li huma dawn; sakemm ġew irranġati 5 Ħġieġ nieqes jew imkisser 4 Duħħan eċċessiv 3 Seats imqatta 3 Kundizzjoni tal-body mhux adattat 2 Ħsarat mekkaniċi 1 Brejkijiet difettużi

Mosta Ring Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq il-Mosta Ring Road? Kemm hu l-ammont ta' ħlas li sar lill-kuntratur s'issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa hu stmat li l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm567,570 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm350,720 filwaqt illi l-ammont Lm141,892 ġie miżmum bħala retention skond il-kuntratt. Il-kuntratt hu stmat li ser jiswa Lm898,000 u għalhekk jirriżulta illi sa llum tlesta 63% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Ix-xogħol fuq dan il-kuntratt hu maħsub li jitlesta fi Frar 2003.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq it-triq li tagħti mis-Salini sa San Pawl tat-Targa? Kemm hu l-ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi s'issa hu stmat illi l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm900,000 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm691,000 filwaqt illi l-kumplament ġie miżmum bħala retention skond il-kuntratt. Il-Kuntratt hu stmat li ser jiswa Lm1,690,000 u għalhekk jirriżulta illi sa lum tlesta 53% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Id-Direttorat tat-Toroq u l-kuntrattur qed jiddiskutu l-qagħda preżenti tal-kuntratt u l-kuntrattur qiegħed jieħu passi biex iżid in-numru tal-ħaddiema li hemm fuq dan il-proġett.

Imtarfa Bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta fuq it-tieni fażi tal-bypass ta' l-Imtarfa sal-lum? kemm hu l-ammont ta' ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-bini mill-ġdid tat-triq ta' l-Imtarfa hu maqsum f'żewġ sezzjonijiet. Bħal issa għadu kif sar ix-xogħol tal-bini tar-retaining wall fuq l-ewwel sezzjoni jiġifieri mir-roundabout sat-triq ta' l-istazzjon. Dan Ix-xogħol hu stmat li jiswa Lm320,000 u li minnhom s'issa tħallsu Lm155,000. Il-Korporazzjoni tad-Drenaġġi u l-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma qedgħin jikkunsidraw jekk jistgħux javvanzaw il-proġetti tax-xogħol tagħhom ta' tqegħid ta' mains f'din it-triq u għalhekk risposta għall-kumplament tal-mistoqsija tkun tista' tingħata hekk kif dawn iż-żewġ entitajiet jieħdu d-deċiżjonijiet taghhom.

Triq ta' Burmarrad

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq it-Triq ta' Burmarrad? Kemm hu l-ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi s'issa hu stmat illi l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm800,000 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm737,000. Il-kuntratt hu stmat li ser jswa Lm1,640,000 u għalhekk jirriżulta illi sa lum tlesta 48% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Id-direttorat għat-Toroq u l-kuntrattur qed jiddiskutu l-qagħda preżenti tal-kuntratt u l-kuntrattur qiegħed jieħu passi biex iżid in-numru tal-ħaddiema li hemm fuq dan il-proġett.

Tal-Barrani — Traffic Lights

Question

Issa li l-permess dwar it-traffic lights f'Tal-Barrani nħareġ, jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol, aktar u aktar meta wieħed iqis li l-permessi (PA 6122/01) ilhom f'idejn ir-roads department sa mill-25 ta' Settembru 2002? Jista' jgħid ukoll jekk it-tenders għal dan ix-xogħol inħarġux u jekk iva meta jagħlqu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol biex isiru dawn it-traffic lights ġie pprogrammat għas-sena d-dieħla, it-tenders għax-xogħol ser joħorġu dalwaqt.

Zabbar — Triq San Guzepp

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux possibbli l-Enemalta tirranġa żewġ bozoz bil-ħsara li hemm Triq San Ġużepp, Zabbar għax dawn ilhom ħafna bil-ħsara u hemm anzjani joqgħodu fl-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Zejtun — Triq id-Daħla ta' San Tumas

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari tiegħi dwar Triq id-Daħla ta' San Tumas, Zejtun li tinsab fi stat diżastruż jista' il-Ministru jgħidli jekk hemmx il-ħsieb li din tiġi rranġata mir-roads department wara li l-parti li tagħmel mal-kunsill ta' Wied il-Għajn ġiet re-surfaced mill-kunsill ta' Wied il-Għajn u n-nofs l-ieħor li jaqa' taħt il-kunsill taz-Zejtun baqa' kif kien? Billi din it-triq hi ferm traffikuża u hi arterja li tagħti għar-Ramla ta' San Tumas u għal Wied il-Għajn possibli jinterveni l-Gvern biex in-nofs ta' din it-triq li baqa' mhux re-surfaced isir mill-gvern u b'hekk tintemm din l-istorja ta' nofs triq lesta u n-nofs l-ieħor le?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq kien għamel spezzjoni f'din it-triq u x-xogħol ta' rikostruzzjoni kien ġie stmat li se jiswa madwar Lm160,000. L-Awtorita' dwar it-Trasport qed timplimenta programm ta' asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien ghal żmien.

Siggiewi — Triq it-Tank

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li jingħata wiċċ adegwat lill-parti ta' Triq it-Tank, Siggiewi li hija żviluppata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi min spezzjoni li għamel id-Direttorat tat-Toroq jirriżulta li għad hemm żvilupp għaddej f'din it-triq u għalhekk mhux il-każ illi t-triq tingħata wiċċ għalissa.

B'Kara — Psaila Street

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li se jitlesta x-xogħol kollu fi Psaila Street B'Kara? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħlijiet kollha f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi xogħol li kellu jsir fi Psaila Street huwa pratikament lest u fil-preżent jonqos illi il-kuntrattur jiffriska ftit ix-xogħol ta' landscaping. Xogħol ta' żebgħa ta' l-art f'din it-triq u l-manifattura ta' tabelli qegħdin isiru mill-Koperattiva ta' Tabelli u Sinjali tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiet. Ix-xogħol kollu li twettaq fuq dan il-proġett hu stmat li se jiswa madwar Lm1,170,000.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mis-sejħa għall-offerti għall-bini u irranġar tat-toroq li jagħtu mir-roundabout tal-Qlejgħa sar-Raħal u sa Ħ'Attard, kif ukoll sat-triq ta' Srina, Ħaż-Żebbuġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-offerti li kienu ħarġu biex isir ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant kienu ġew discarded peress illi l-kumpanija li kienet tefgħet l-aħjar offerta kien diġa' kellha f'idejha xogħol kbir ieħor u għalhekk ma kienitx meqjusha li tista' tagħmel ix-xogħol f'din it-triq ukoll, filwaqt illi t-tenderer li kien baqa' kien tefa' prezzijiet li kienu għoljin wisq meta kkomparati mar-rati għal xogħol ieħor li kien qed iwettaq id-Direttorat fl-istess żmien. Hu mistenni li dawn it-tenders jerġgħu joħorġu mill-ġdid.

Fgura — Triq Hompesch

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jitlestew il-pedestrian crossings fi Triq Hompesch Fgura b'mod partikulari dik ta' quddiem il-knisja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat iili x-xogħol għat-twaħħil tal- pedestrian crossings msemmija ser jinbeda fi żmien qasir. Dan ix-xogħol ma nbediex qabel minħabba illi kien hemm xogħol li qed isir fuq stallazzjonijiet bħal dawn.

Fgura — Triq Hompesch

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li se jitlesta x-xogħol kolu fi Triq Hompesch Fgura? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħljiet kollha f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi x-xogħol huwa pratikament lest ħlief għal-bini tal-ġibjun li qed isir fil-ġenb ta' triq ħdejn Triq Kottonera u li x-xogħol fuqu hu mistenni li jitlesta f'Novembru. Jiena nfurmat li s'issa għad mhux finalizzat il-kont tax-xogħol kollu.

B'Kara — Psaila Street

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx extra capacity għall-cables ġodda li jistgħu jgħaddu minn Psaila Street, B'Kara issa li din it-triq ġiet miksija mill-ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat iili waqt il-Co-Ordination Meetings li kienu saru waqt it-tmexxija tax-xogħol, il-utilities għamlu il-previżjonijiet tagħhom għal bżonnijiet ta' tkabbir li jista' jkollhom għas-servizzi tagħhom f'din it-triq u ħadu ħsieb li jpoġġu l-extra capacities li jista' jkollhom bżonn.

Proġetti — Tenders

Question

Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hemm proġetti ta' bini jew manutenzjoni ta' toroq arterjali li t-tenders tagħhom diġa' ġew aġġudikati? Kemm huwa l-valur ta' dawn il-proġetti? Meta huwa maħsub li jsir jew jinbeda x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi proġetti li qed jitwettqu mid-Direttorat tat-Toroq fuq toroq arterjali jew distributorji u toroq oħra prinċipali li xogħlijiet fuqhom għadhom kif tlestew.

Żabbar — Triq Ħadd in-Nies

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq Ħadd in-Nies, Żabbar għax minkejja li hi kollha mibnija u ferm abitata baqgħet ma saret qatt? Billi hemm min ilu joqgħod f'din it-triq 18-il sena, jista' il-Ministru ġentilment jagħti indikazzjoni meta hu maħsub li ssir it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta d-Direttorat spezzjona t-triq sab li għad hemm ħafna żvilupp xi jsir. Id-Direttorat għat-Toroq għandu diversi talbiet għall-xogħlijiet fejn l-iżvilupp għadu lura bħal dan il-każ, u għalhekk qiegħed fil-proċess biex jifformula pjan biex toroq bħal dawn li jkunu ilhom miftuħa, imma ma fihomx ħafna żvilupp, ikunu jistgħu jingħataw surfacing temporanju biex ir-residenti f'dawn it-toroq ma jibqgħux f'sitwazzjoni ta' nkonvenjent.

Mosta — Triq Sir Arthur Barton

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir it-Triq Sir Arthur Barton fil-Mosta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Ministeri għas-Servizzi Ekonomiċi qegħdin jagħmlu l-preparamenti biex it-triq msemmija mill-Onor. Interpellant tiġi asfaltata.

Għargħur — Triq Caravaggio

Question

Peress li t-tweġiba li qed jagħtina għar-risposta 35466 dwar Triq Caravaggio, il-Għargħur tmur lura għall-2000, jista' il-Ministru jinformani x'sar matul dawn l-aħħar snin sabiex l-intoppi li hemm jingħelbu minħabba l-inkonvenjenza għar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li d-Direttorat tat-Toroq ħa passi biex il-propjeta' privata li hemm tiblokka il-ftuħ ta' Triq Caravaggio tinxtara mill-Gvern, ħalli t-triq tinfetaħ. Fil-mument id-Direttorat tat-Toroq qed jistenna li jsir il-kuntratt ta' xiri min-naħa tal-Kummissarju ta' l-Artijiet. Nispera li l-Onor. Interpellant jiftakar li kull proċess jieħu ż-żmien u li hemm proċeduri li jridu jiġu segwiti f'sitwazzjonijiet bħal dawn.