Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali f'ċifra ta' flus tal-ministeru, inkluż ta' l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom matul is-sena 2004?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispiża?
Kemm hu n-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa responsabbli għall-pagamenti tagħhom u kemm kien fis-sena 2004?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li matul is-sena 2004 l-ispiża totali tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom kienet ta' Lm10,588. 50ċ. L-ispiża tħallset kollha.
In-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huma responsabbli għall-pagamenti tagħhom huma 24, filwaqt li fis-sena 2004 in-numru kien 31.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi studji li jindikaw fiex waslet Malta fit-taħdidiet bejn Malta, il-Libja u t-Tuneżija dwar il-linja tat-territorju Malti għat-tiftix taż-żejt?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li t-taħdidiet bejn Malta u l-pajjiżi ġirien dwar il-qsim tal-blata kontinentali għadhom għaddejjin u meta jkun hemm bżonn li jingħata xi tagħrif, dan jingħata f'waqtu.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10302, jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar xi proġetti se jsiru mill-ministeru tiegħu matul din is-sena fil-Kottonera?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li hemm diversi proġetti ppjanati u li diġa' qed isiru fil-Kottonera matul l-2005. Fost dawn hemm xogħlijiet ta restawr u ta' tisbiħ bħal:-
jitkompla x-xogħol ta' restawr fl-Armerija, il-Birgu;
tisbiħ ta' l-
area
ħdejn l-Iskola Primarja ta' Bormla;
tkomplija tar-restawr tal-Batterija fil-foss tal-Birgu;
tkomplija tar-restawr tas-sur ta' San Ġwann, il-Birgu;
xogħol ta' tisbiħ fil-Bieb ta' Santa Liena.
Jista' il-Ministru jara li jsir ix-xogħol neċessarju sabiex ma jibqax iżomm dak l-ammont kbir ta' ilma tax-xita fi Triq Kottonera, Birgu quddiem il-kulleġġ De La Salle?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li din hi kwistjoni li taqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li m'hemm l-ebda mpjegat li għandu aktar minn 61 sena ma' xi kumpannija, entita' jew awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Riżorsi u Infrastruttura — Kontijiet tat-Telephone
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004? Min huma l-persuni li huma intitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom? Kemm huwa l-ammont ta' ħlas li dawn huma intitolati għalih kull xahar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004 tħallsu Lm 8,624.13 f’kontijiet tat-telephone ta’ residenzi ta’ uffiċjali fil- Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u li huma ntitolati għal-ħlas tat-telephone privat fir-residenzi tagħhom. Lista ta’ dawn l-uffiċjali tikkomprendi s-segwenti:-
L-Onorevoli Ministru, is-Segretarju Permanenti, il-Kap tas-Segretarjat Privat tal-Ministru, is-Segretarju Privat tal-Ministru, l-Assistent Segretarju Privat tal-Ministru, il-Communications Co-ordinator tal-Ministru, id-Direttur Ġenerali, id-Direttur għas-Servizzi Korporattivi, id-Direttur ta' l-Affarijiet ta’ l-EU, id-Direttur tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni, id-Direttur ta' l- Industrija tal-Bini u l-Kostruzzjoni, id-Direttur tal-Kostruzzjoni u l-Manutenzjoni, id-Direttur tal-Bini u l-Inġinerija, id-Direttur tal-Manifattura u Servizzi, id-Direttur għas-Servizzi tat-Tindif .
M’hemm l-ebda ċirkolari li tillimita l-ammont li għalih dawn huma ntitolati kull xahar.
Kien hemm ukoll nefqa ta’ Lm 3,422 f’kontijiet tat-telephone fir-residenza ta’ uffiċjali tal-Malta Resources Authority. Dawn l-uffiċjali huma kif ġej:-
Iċ-Chairman,iċ-Chief Executive Officeru 2 Diretturi
Dawn tħallsu skond il-kondizzjonijiet tal-kuntratt tal-ħatra tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq il-ministeru tiegħu fuq mobile phones fix-xhur ta' Novembru u Diċembru li għaddew (2004)?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li matul ix-xhur ta' Novembru u Diċembru 2004, in-nefqa fuq mobile phones u mobile callsmill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienet Lm1,699.67ċ.
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar s'issa u x'hemm ippjanat li jsir din is-sena biex il-gvern jirranġa l-aquaducts li jinsabu fir-Rabat, Ħ'Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u r-Rabat? X'tip ta' irranġar sar u se jsir? Kemm se jieħu żmien biex ikun komplut il-proġett? Kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Ma' liema kunsilli saru taħditiet dwar dan il-proġett u x'tip ta' ftehim sar ma' kull kunsill?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li f'Ġunju li għadda beda x-xogħol ta' restawr fuq l-akwadott li kellu jieħu madwar sena. Fl-aħħar ta' dan ix-xahar ix-xogħol għandu jkun lest. l-akwadott tnaddaf minn ħafna biċċiet ta' njam u ħadid li matul iż-żmien twaħħlu miegħu kif ukoll minn depożiti bijoloġiċi u atmosferiċi u tkaħħlu l-fili kollha b'materjal li jixbaħ dak li kien intuża qabel.
Qed isiru xogħlijiet preparatorji biex jiġu ppavimentati l-bankini fuq kull naħa ta' l-akwadott kif ukoll biex il-monument jinxtegħel kif jixraqlu. L-ispiża ta' dan għadha m'hiex magħrufa minħabba l-fatt li bħalissa hemm xi diskussjonijiet fuq il-materjal li ser jintuża.
Saru taħdidiet mal-Kunsilli ta' Birkirkara, Attard, Balzan u Santa Venera fejn il-Gvern Ċentrali ħallas il-labour costs (Lm72,000) u l-Kunsilli ħallsu l-materjal għar-restawr (Lm40,000).
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol ta' bdil ta' culverts f'The Strand, Gżira u Tas-Sliema? Kemm se jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' bdil ta' culverts f'The Strand il-Gżira ser jitlesta' f'Marzu. Ix-xogħol li ser iqum Lm3,000 ser jitħallas mill-Kunsill Lokali tal-Gżira. Mhuwiex qed isir xogħol mid-dipartiment fuq il-culverts ta' The Strand, Sliema
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar s'issa f'Wied Irmiedi, f'Ħ'Attard?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li f'Wied Rmiedi H'Attard sar xogħol ta' tħammil u ġarr ta' materjal sostanzjali minn naħa ta' Wied Ċampra fin-naħa tar-Rabat, u n-naħa t'isfel ta' Wied Rmiedi fil-bidu ta' Ħ'Attard.
Fil-programm ta' Widien ta' l-2004/2005 sar survey ta' Wied Rmiedi, inkluż il-fdalijiet ta' ħames lqugħ antiki, passaġġi mal-ġenb u culvert antik, kollha b'ġebel kbir u partijiet tal-qawwi. Dan sar biex dawn jiġu rranġati u msaħħa u l-pajżaġġ jerġa jiġi ripristinat.
Sar survey ta' żona fejn sar irdim illegali u qed jittieħdu passi biex dan jitneħħa u jerġa jippermetti l-passaġġ regolari ta' l-ilma. Ix-xogħol jinkludi wkoll tindif fil-medda kollha tal-wied u tneħħija ta' materjal li jista' jimblokka r-rotta ta' l-ilma.
Bħalissa qed isir xogħol ta qtugħ ta' blat u twessiegħ ta' mina li tieħu l-ilma minn Wied Rmiedi għal Wied Inċita (taħt il-Main Road tar-Rabat).
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ċint u ġebel imwaqqa' fi Triq il-Foss, fil-Fgura hux se jitranġa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li dan ix-xogħol jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali. Minkejja dan u minħabba raġunijiet ta' safety, il-Works Division ser jara kif ineħħi l-inkonvenjent.
Jista' il-Ministru jgħid kemm swew ix-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni li saru fil-wied tal-Marsa? Kemm intuża konkos sabiex ġie riabilitat dan il-wied tal-Marsa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li fil-Marsa sar xogħol estensiv fit-twessiegħ tal-kanal ta' l-ilma minn Triq l-Iljun sa Triq Aldo Moro u dan sar bħala prevenzjoni mill-għargħar. Sa l-aħħar tas-sena 2004 intefqet is-somma ta' Lm416,400 fuq dawn ix-xogħlijiet. Din is-somma tinkludi l-materjal, il-kuntratti, il-pagi u l-overtime tal-ħaddiema tal-Gvern li tħallsu sa l-aħħar ta' Diċembru 2004. F'dan ix-xogħol intużaw 6,596 metru kubu ta' konkos.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9903 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u cioe' jgħid jekk hux se jsir xogħol ieħor ta’ restawr fis-sena 2005 fuq dik il-parti tal-Forti Sant’Anglu li mhux qiegħda f’idejn l-Ordni Sovran ta’ San Ġwann? Kemm intnefaq fuq xogħlijiet f’dan il-forti fl-2002, 2003 u 2004? Jista’ jgħid ukoll x’xogħol kien sar f’dawn is-snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi mhux ippjanat li jsir xogħol ta’ restawr fil-Forti Sant’Anġlu matul l-2005. Ix-xogħol li sar diġa’ kien jinkludi tindif ġenerali, twaqqiegħ ta’ bini u strutturi illegali li kienu nbnew fi snin l-imgħoddija u nstallazzjoni ta’ dawl fid-diversi livelli tal-forti. In-nefqa fuq dan is-sit matul l-2002, l-2003 u l-2004 kienet kif jidher hawn taħt:-
Sena
Xogħol
Lm
2002
Konsulenza fuq xogħol ta’ dawl
2,000.00
2003
Provista ta’
fittings
tad-dawl
5,490.00
2004
Provista ta’
fittings
tad-dawl
Installazzjoni ta’
floodlights
u xogħlijiet anċillari
Xogħol ta’ twaqqiegħ ta’ bini illegali u ġarr ta’ materjal
18,375.59
15,913.74
4,100.00
Total
45,879.33
Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jibda x-xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied is-Sewda f'Ħal Qormi? Jista' jgħid fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Dan huwa xogħol li se jsir b'ħaddiema tal-gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied is-Sewda, f'Ħal Qormi mistenni li jinbeda f’Mejju ta’ din is-sena.
Ix-xogħol jinkludi tiswija u manutenzjoni fuq l-ilqugħ li hemm u tisħiħ u estensjoni tax-xogħol estensiv li diġa' sar fuq l-istess Wied fl-2004.
Dan ix-xogħol ser isir minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema proġetti ġew imqabbda bħala konsulenti l-periti Architucture Project mill-1998 sal-lum? Kemm tħallsu fees fuq dawn il-proġetti? AP ġew imqabbda wara sejħa għall-offerti? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħataw AP? Il-fatt li senior partner ta' AP hu ċ-chairman tal-Valletta Rehabilitation Committee huwa każ ta' konflitt ta' interess?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li mill-1998 sa llum, kien iffirmat kuntratt wieħed mal-konsulenti Architecture Project. Il-kuntratt sar fit-18 ta’ Marzu 1998. Dan kien għal upgrading tal-pavimentar, installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl u street furniture għal Triq ir-Repubblika, Valletta. Fuq dan il-proġett, dawn il-konsulenti tħallsu bir-rata ta’ 5% fuq il-valur tax-xogħol, liema fees jammontaw għal Lm24,609.34. Dan il-ħlas sar fuq disa’ pagamenti li saru bejn Mejju 1998 u Frar 2004. Dawn il-konsulenti ġew magħżula minn board ta’ l-għażla wara li kienet saret kompetizzjoni pubblika ta’ disinn urban għal din it-triq.
Il-Valletta Rehabilitation Committee ma tagħax xogħol lil Architecture Project.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar fit-18 ta' Marzu 1998.
Jista' il-Ministru jispjega kif senior architect tad-disinn strutturali nkarigat fi ħdan il-ministeru u mogħti deputising allowance ta' head mill-1995 sal-ġurnata tal-lum fl-istess taqsima, għadu ma ġiex mogħti promotion ta' head fl-istess imsemmija sezzjoni, u dan minkejja li dejjem ġiet fdata lilu din il-kariga u responsabbilta' mis-superjuri mmedjati tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-promozzjonijiet jingħataw meta jkun hemm vakanzi. Fil-każ imsemmi ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet u l-proċess ta’ l-għażla għadu sejjer.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru impjegati tal-gvern jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li huma fil-grad ta' executive officer jew grad inqas, jew li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004? Fejn marru? Min awtorizza l-imsemmija safra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jew xi entita' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi ma siefer ħadd fil-grad ta' Executive Officer jew grad anqas jew li għandhom salarju fi skala 14 jew anqas.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10178 u cioe' jista' jara li titnaddaf area ħdejn l-iskola primarja ta' Bormla li saret miżbla? Jista' jara li din il-ħofra li tħaffret snin ilu timtela' livell mal-ground ta' l-istess skola għal-livell oriġinali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija jien infurmat li t-tindif tal-area msemmija hija responsabilta' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla.
Dwar it-tieni parti jien infurmat li dawn ix-xogħlijiet ser jidħlu mal-proġetti ta' din is-sena, preferibilment fi żmien li tispiċċa l-iskola biex ma nkunux ta' nkonvenjent għall-istudenti.
Jista' il-Ministru jgħid liema xogħlijiet li qed isiru/iridu jsiru marbuta mal-proġett tal-Kottonera huma responsabbilta' tal-Ministeru tiegħu? X'inhu t-time-frame meta kull biċċa xogħol trid tibda u/jew titlesta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.