Jista’ l-Ministru jgħid kif jikkompara l-ammont ta' sussidju li se jingħata lil dawk li jkabbru t-tadam skont l-agreement il-ġdid, mal-ammont ta' sussidju kull kilo inkluż l-entitlement għal kull tomna raba’ li kien jingħata fi żmien il-Gvern preċedenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mhuwiex possibbli li wieħed jikkompara l-iskemi msemmija ma' xulxin peress li dawn mhumiex finanzjati taħt jew għandhom bażi komparabbli. Filwaqt li il-finanzjament ibbażat fuq il-kilogrammi prodotti tħallas taħt l-iskema tat-Trattat tal-Adeżjoni minn Fondi Nazzjonali bejn l-2004 u l-2014, kemm taħt gvern preċedenti kif ukoll taħt dan il-Gvern, dawn intemmu fl-2014 skont it-Trattat. Fl-istess waqt l-għajnuna diretta fuq it-tadam li tħallset bejn l-2008 u l-2014 kemm taħt gvern preċedenti kif ukoll taħt dan il-Gvern, ma kinitx titħallas skont produzzjoni jew kilos iżda biss fuq raba' eleġibbli, u nfakkru li ma kienx hemm rabta mal-produzzjoni tat-tadam. Infurmat ukoll li taħt il-Voluntary coupled support, l-għajnuna tingħata skont ir-raba’ eleġibbli li hu maħdum bit-tadam u b'rabta ma' li jintlaqħu l-perċentwali maqbula fil-kuntratt mal-proċessuri.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus f'sussidju (inkluż l-entitlement għal kull tomna raba' fejn applikabli), sena b'sena, il-bdiewa li jkabbru t-tadam mill-bidu tas-sena 2005 sal-aħħar tas-sena 2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li t-total tal-flus li ngħataw f'sussidju nazzjonali kif ukoll bħala għajnuna diretta mil-fondi ta l-Unjoni Ewropea, għall-bdiewa li jkabbru t-tadam għall-ipproċċessar mill-2005 sal-aħħar tal-2014, hekk kif irraportat lil Kummisjoni Ewropea qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Peress li s-settur tat-tkabbir tat-tadam huwa settur delikat ħafna, jista’ l-Ministru jgħid kif il-bdiewa nvoluti f' dan is-settur jistgħu jgawdu minn fondi nazzjonali kif ukoll minn Fondi Ewropej biex ikunu jistgħu jinvestu fis-settur relatat mat-tkabbir tat-tadam?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li bdiewa involuti f’dan is-settur, kif ukoll f’setturi oħrajn, ma jistgħux jingħataw għajnuna minn Fondi Nazzjonali minħabba regolamenti tal-UE dwar State Aid. Fil-fatt għajnuna għall-bdiewa involuti tista’ tingħata biss taħt ir-regolament tal-Politika Agrikola Komuni. Ninsab infurmat ukoll li fejn jirrigwardja għajnuniet għall-investiment, il-bdiewa konċernati jistgħu japplikaw għall-fondi taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2017.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – karozzi tal-kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri fid-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, sena b’sena u dipartiment b'dipartiment mill-2013 sal-2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sussidju fuq il-produzzjoni tat-tadam hekk kif miftiehma minn dan il-Gvern, intrabtet li tkun yield per hectare u mhux ma' kull kilo tadam prodott kif kien il-ftehim magħmul mill-Gvern preċedenti mmexxi mill-Partit Nazzjonalista?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li r-regoli li jiggvernaw din l-iskema ta’ ħlas ta’ Fondi Ewropej huma dawk li jinsabu fir-regolament tal-Kunsill nru 1307/2013 u mhux f'xi ftehim. Dan ir-regolament ġie negozjat bejn l-aħħar tal-2011 u Ġunju tal-2013. Filwaqt li l-iskema ta' voluntary coupled support tħallik tħallas setturi sensittivi biex jinżamm il-livell ta' produzzjoni, dan mhuwiex b'rabta mal-kilogrammi prodotti f'ebda stat membru, u dan skont dak li ġie diskuss u maqbul fil-Kunsill inkluż fi żmien gvern preċedenti, u kif konfermat f'taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea. Ninsab infurmat li għaldaqstant mhux korrett li wieħed jindika li kien hemm xi bidla f'xi ftehim bejn amministrazjoni u oħra.
Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji– liċenzja ta’ żoo
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk inħargitx liċenzja ta’ żoo skont ir-regolamenti dwar iż-żoos mid-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji għal żoo li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija liċenzja?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi ma nħarġet l-ebda liċenzja mid-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji għal dan l-istabbiliment imsemmi.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ żoos li huma preżentement liċenzjati skont l-Avviż Legali 265 tat-2003?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi sal-ġurnata tal-lum hawn ħames stabbilmenti żooloġiċi li huma liċenzjati skont l-avviż legali 265 tal-2003 kif emendata bl-avviż legali 426 of 2007. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza meta persuna tkun trid taddotta annimal? Hemm sistema ta’ booking u l-pubbliku qed jingħata rċevuta bil-miktub li tikkonferma li annimal partikolari ġie ibbukkjat għall-adozzjoni minn persuna li tkun tixtieq taddottah?
Response (BRINCAT, LEO)
Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23450 li għalissa m’hemmx x’inżidu magħha.
Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – informazzjoni dwar annimali miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pubbliku, kif ukoll l-NGOs mhux qed jingħataw informazzjoni dwar l-annimali miġbura mid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u dwar x’qed jiġri minnhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mhux minnu li ma tingħatax l-informazzjoni inkwistjoni anke jekk mhux dejjem tkun tista’ tingħata mill-ewwel.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — direct order
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u/jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tiegħu, il-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant biex ma tingħatax informazzjoni doppja għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u Marzu 2013, ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari simili. Min-naħa l-oħra, ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li f’dak li jirrigwardja l-perjodu 2004-2007, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma ta l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija. Inżid, fl-aħħar nett, li bejn l-2004 u Marzu 2013, il-kumpanija Wasteserv Malta Ltd. ukoll ma tat l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija.
Boarding Establishment – lista ta’ operaturi — liċenzja
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ operaturi li nħarġitilhom liċenzja biex joperaw Boarding Establishment?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 15381 u 21675. Apparti minn hekk, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat ukoll li minn dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda applikazzjoni.
Boarding Establishment – liċenzi li għadhom pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefgħu applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ Boarding Establishment u kemm hemm minnhom li għadhom pendenti? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitlhomx liċenzja, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi fit-23 ta’ Frar 2016 ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet għall-boarding establishments li huma tal-istess persuna. Il-bqija m’hemmx applikazzjoni pendenti aktar.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ Santwarji tal-Annimali li nħarġitilhom liċenzja?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi sad-data tal-lum m’hemm l-ebda santwarju tal-annimali li nħarġitlu liċenzja.
Liċenzji ta’ santwarji tal-annimali — applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefgħu applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ Santwarju tal-Annimali u kemm hemm minnhom li għadhom pendenti? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitilhomx liċenzja, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21674. Apparti minn hekk, ninsab infurmat ukoll mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li minn dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda applikazzjoni.
Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – adozzjoni ta’ qattus
Question
B’referenza għall-artiklu li deher f’The Sunday Times tal-31 ta’ Jannar 2016 bit-titlu “No information on strays from Animal Welfare Department” jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura addottata, u kif persuna li kienet imwiegħda minn uffiċjali mid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li kienu ser iċemplulha lura biex tadotta l-qattus imsemmi fl-artiklu, qatt ma ngħatat l-informazzjoni mitluba? Huwa minnu li l-qattus allegatament ingħata lil persuna oħra? Saret investigazzjoni interna dwar dan il-każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li bħalissa qed tkun imfassla policy ġdida dwar l-addozzjoni ta’ annimali mill-Animal Welfare Department. Sal-lum is-sistema hi li wara li l-annimal, jekk ikun il-każ, jingħata l-kura neċessarja mid-Dipartiment u wara li jgħaddu sebat ijiem li fihom sid l-annimal ikun jista’ jitolbu lura taħt ċertu kontrolli, dan ikun jista’ jingħata lil min ikun irid jaddottah, fuq bażi ta’ first-come-first-served, wara li jiffirma d-dokumentazzjoni neċessarja. Ninsab infurmat ukoll li f’kwalunkwe każ jekk ikun hemm NGO li trid l-annimal, l-ewwel preferenza jingħata lilha kif fil-fatt ġara fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Għal raġunijiet ovvji l-isem tal-NGO li tkun ingħatat l-annimal ma jingħatax u kien għalhekk li forsi f’dan il-każ kien hemm xi nuqqas ta’ ftehim mal-persuna li kienet qed titlob li taddotta l-annimal. Mhux il-każ li ssir xi investigazzjoni għaliex il-fatti huma dawk f’din ir-risposta.
B’referenza għall-artiklu li deher fil-ġurnal Illum fl-10 ta’ Frar bit-titlu “Sidien ta' żoo illegali fis-Siġġiewi jridu permess bl-iskuża tal-konservazzjoni tat-tigri” jista’ l-Ministru jispjega jekk hux qed jittieħdu passi kriminali kontra l-imsemmi kumpless fis-Siġġiewi li qed jitħalla jopera u jiftaħ għall-pubbliku mingħajr il-permessi kollha neċessarji?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi hemm kawża pendenti quddiem il-Qrati ta' Malta fil-konfront tas-sid ta' din il-kollezzjoni privata ta' annimali eżotiċi li tinsab fis-Siġġiewi
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-site plan tal-Park Naturali taż-Żonqor fil-limiti ta' Wied il-Għajn bil-konfini estiżi kif imħabbra mill-Ministeru?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-paġna 53 tad-dokument bl-isem ta’ ‘Il-Park Nazzjonali tal-Inwadar – Management Plan Brief’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – żamma ta’ mediċini tal-annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hi l-persuna responsabbli miż-żamma ta’ mediċini tal-annimali fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-persuna responsabbli miż-żamma tal-mediċini fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali huwa l-Veterinarju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva applikazzjonijiet mingħand applikanti biex jibbenefikaw mill-Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali matul is-sena 2015? Jista’ jindika kemm-il applikazzjoni ġiet milqugħa u kemm-il applikazzjoni ġiet irrifjutata?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-Kumitat responsabbli mill- Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali matul is-sena 2015 irċieva ħdax-il applikazzjoni fejn tmienja ġew milqugħa filwaqt li tlieta ġew irrifjutati.