PSC — Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – investigazzjoni fuq promozzjonijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm investigazzjonijiet fuq promozzjonijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) li jirrigwardaw il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bħalissa? Jista’ jelenka lista tagħhom bi skadenzi, suġġetti, ammont ta’ nies konċernati, rakkomandazzjonijiet, referenzi mill-Ombudsman u liema minnhom jikkonċernaw xi intervent mill-Grievancies Unit?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li m'hemmx investigazzjonijiet fuq promozzjonijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC).
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet futuri tal-Gvern b’rabta maż-żieda ta’ studenti fl-iskola Primarja tal-Mellieħa? Jista’ jikkonferma jekk il-Gvern hux se jżid sular ieħor bini fuq l-iskola eżistenti inkella hux se jkun hemm estensjoni mal-bini eżistenti fuq art biswit l-istess skola li tinsab bejn Triq il-Mitħna l-Ġdida u Triq Napuljun Caruana Dingli?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu ppjanat li ssir estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa fl-2018. Deċiżjonijiet teknici u applikazzjonijiet għandhom isiru għal ħabta ta’ nofs l-2017.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-play workers tas-summer school ma jingħatawx materjal bażiku, bħal kartonċin, biex iwettqu xogħolhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull ċentru li qed jopera matul il-perjodu ta’ Skolasajf 2016 ingħata r-riżorsi neċessarji biex il-Playworkers ikunu jistgħu jorganizzaw diversi attivitajiet mat-tfal hekk kif stabbilit fil-Programm li ġie mqassam lilhom mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES). Dawn ir-riżorsi nxtraw mill-koordinaturi ta’ kull ċentru, skont il-bżonnijiet ta’ kull ċentru. L-FES tħaddan policy li kemm hu possibbli tirriċikla l-karti u l-kartonċin u għalhekk ma jinxtarax kartonċin bla bżonn. Jinxtara biss l-ammont li jkun hemm bżonn fiċ-ċentru rispettiv.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se tibda tintuża l-wing il-ġdida tas-sixth form f'Għawdex u dan peress li din il-parti kellha tibda tintuża xhur ilu iżda sal-lum jidher li għadha ma bdietx tintuża? Jista' jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol kollu fuq din il-wing il-ġdida u liema kuntratturi għamlu dan ix-xogħol u kemm tħallas kull kuntrattur?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-wing il-ġdida tas-Sixth Form f'Għawdex tlestiet u diġà qed tintuża. Infurmat li x-xogħol li ġie ċċertifikat s'issa jammonta għal €1,959,520.69. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kuntratturi kif ukoll kemm tħallas kull kuntrattur li għamel xogħol fl-imsemmija skola.
Attachments:PQ 26697 - Ghawdex - Sixth Form - lista tal-kuntratturi u kemm thallas kull kuntrattur.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni b’diżabilità hux qed ikollhom problemi ta’ aċċessibilità meta jmorru Jobsplus? Jekk dan huwa minnu, jista’ jindika x’qed isir biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus qegħda topera mill-istess binja li kienet topera fiha l-ETC fl-amministrazzjoni preċedenti. Infurmat li Jobsplus ma kellha ebda ilment ta’ nuqqas ta’ aċċessibilità. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi ilmenti nitolbu jgħaddihomli biex niżgura li jiġu indirizzati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus u possibbilment b'liema fondi nbnew l-iSkills Centre u Trade Skills Centre fil-Jobsplus? Għal liema użu qegħdin dawn iċ-ċentri assenjati bħalissa, u jista' jindika dawk għall-futur? Jista' jagħti lista tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus toffri korsijiet skont id-domanda: (1) tal-industrija u (2) tal-parteċipanti, jiġifieri dawk il-persuni li juru interess fil-korsijiet offruti minn Jobsplus. Din is-sena Jobsplus ippjanat il-korsijiet li jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jobsplus ħa tibqa’ toffri dawn il-korsijiet flimkien ma’ korsijiet oħrajn ġodda skont il-ħtieġa tas-suq tax-xogħol u tal-klijenti tagħha.
Rigward il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għall-estensjoni tal-binja ġewwa t-Training Complex, infurmat li din l-estensjoni saret fl-2007 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).
Attachments:PQ 26663 - Jobsplus - Skills Centre u Trade Skills Centre.doc
Marsascala Primary School – Non-Maltese Speaking Parents – Teaching Maltese Language to Adults
Question
With reference to the reply to the parliamentary question 26333, could the Minister kindly direct that the lessons to be held by the Directorate for Lifelong Learning be delivered, preferably, in the mornings? (Can this reply be also given in the English language)
Response (BARTOLO, EVARIST)
The Hon. Member may wish to note that the Directorate for Lifelong Learning offers morning courses in Maltese as Foreign Language at the Msida Lifelong Learning Centre. Other courses are also organised on demand as requested by various NGOs and Local Councils. Applications are open from 12 July to 7 August. The full course offer is available on www.lifelonglearning.gov.mt
Community Work Scheme – assenjazzjoni ta’ ħaddiema mal-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid taħt liema sistema qed jiġu assenjati l-ħaddiema tal-Fondazzjoni li qed tħaddem il-Community Work Scheme mal-kunsilli lokali u x’inhuma l-kriterji uffiċjali biex dan isir? Jista’ jindika kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-kunsilli lokali u ma’ liema? Jista’ jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-mod ta’ kif jiġu assenjati l-ħaddiema mal-Kunsilli Lokali. L-assenjazzjoni tal-parteċipanti kemm meta kienu fil-Community Work Scheme u kemm issa taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni, hija fid-deskrizzjoni ta’ Jobsplus. Rigward il-kumplament tal-informazzjoni mitluba, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 25228 u 25378.
Jista’ l-Ministru jgħid x’korsijiet qed isiru bħalissa mill-Jobsplus marbuta ma’ xogħol fl-injam, xjenza elettronika, plastering, tile laying u welding? Jista’ jindika minn min qed isiru dawn il-korsijiet, kemm ġew outsourced u kemm ġew ingaġġati b’direct order? Jista’ jagħti lista sħiħa tal-kumpaniji li ġew outsourced għal dawn il-korsijiet u fuq kemm-il sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li Jobsplus tikkonferma illi l-ebda mill-korsijiet tagħha, inklużi dawk indikati mill-Onor. Interpellant, ma ġew outsourced lil xi kumpanija.
Id-dettalji dwar il-korsijiet imsemmija huma kif muri fit-tabella t’hawn taħt:
Kors
Numru ta’ korsijiet pjanati
Numru ta’ korsijiet li tkomplew
Numru ta’ korsijiet li ġew kanċellati
Numru ta’ korsijiet li għadhom ma tlestewx
Electrician’s Assistant
2
1
1
0
Electrical Domestic Licence A
4
1
1
2
Tile Laying
1
0
1
0
Plastering
1
0
1
0
Carpentry & Joinery
0
0
0
0
Welding
0
0
0
0
Il-korsijiet offruti minn Jobsplus huma kollha mgħallma minn trainers ingaġġati ma’ Jobsplus fuq bażi part-time casual.
Jobsplus — persuni li jirreġistraw għax-xogħol ingaġġati fis-servizz ta’ sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol ġew effettivament ingaġġati fis-servizz ta’ sigurtà assenjati ma’ Jobsplus? Jista’ jindika meta nħarġu l-liċenzji tas-sigurtà tagħhom? Jista’ jindika jekk huwiex għaddej b’refresher courses għal dawk il-persuni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’April ta’ din is-sena ġew ingaġġati żewġ persuni fis-servizz ta’ sigurtà. Infurmat minn Jobsplus li t-tnejn li huma għandhom liċenzja valida. Bħalissa mhuwiex għaddej refresher course għal dawn il-persuni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19515 fejn juri ċ-ċifra ta' żieda fl-impjiegi full-time u part-time separatament fost il-ħaddiema b'nazzjonalità mhux Maltija, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn huma minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea u kemm minn dawn mhumiex mill-Unjoni Ewropea? Jista' għaż-żewġ kategoriji jelenka l-aktar ħames nazzjonalitajiet fl-Unjoni Ewropea fejn kien hemm l-akbar żieda fl-impjiegi f'pajjiżna, u l-aktar ħames nazzjonalitajiet li mhumiex fl-Unjoni Ewropea?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25877, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aġenda u x’pożizzjoni ġiet meħuda fin-19th Conference of Commonwealth Education Ministers li saret fil-Bahamas?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aġenda fid-19-il Konferenza tal-Ministri tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Commonwealth li saret f’Nassau, il-Bahamas bejn it-22 u s-26 ta’ Gunju 2015 ittrattat il-ftuħ ta’ fora bejn l-għalliema, żgħażagħ u stakeholders oħra, l-innovazzjoni, il-multi-stakeholding, għanijiet post-2015 fi ħdan l-edukazzjoni, il-bżonn li tiġi iktar avvanzata l-edukazzjoni għolja fil-Commonwealth, il-ħtieġa ta’ kwalità fl-edukazzjoni, il-ħtigijiet fl-edukazzjoni bażika, l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impjiegi, it-titjib fit-tagħlim u fit-taħriġ kontinwu tal-għalliema, l-integrazzjoni tal-ICT fl-edukazzjoni, fis-sistemi kollha tagħha u f’oqsma differenti, l-implikazzjonijiet tal-kwalità fl-edukazzjoni, u l-ispejjeż u l-iffinanzjar involuti, u l-għaxar snin li ġejjin.
Rigward x’pożizzjoni ttieħdet, dawn huma l-iktar punti importanti li tqajjmu:
Il-Ministri għarfu r-rwol li l-edukazzjoni bikrija għandha bħala pedament għat-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll aspetti oħra relatati f’dar-rigward fosthom aspetti ekonomiċi u soċjali. Għalhekk il-bżonn ta’ investiment kontinwu kif jixraq f’dan l-istadju.
Inħasset ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-istituzzjonijiet pubbliċi, li jkun hemm sħubija mal-privat u s-soċjetà ċivili b’mod effettiv, pożittiv u kontabbli, sabiex il-komunità tkun moqdija aħjar.
Il-Ministri qablu li jkomplu jkabbru l-prattiċità fil-promozzjoni tal-gender mainstreaming ħalli jkun hemm ugwaljanza fil-ġeneri; dan jinkludi inqas ostakoli fejn tidħol l-edukazzjoni għall-bniet, kif ukoll iktar attenzjoni u impenn fejn jidħlu tfal li ma jkunux qed iġibu r-riżultati meħtieġa.
Il-Ministri ikkommettew irwieħhom li jagħmlu użu effettiv tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-ICT sabiex jiżguraw li l-edukazzjoni tkun ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u ekwitabbli. Kien hemm ukoll emfasi fuq l-online learning bħala għodda universali għall-edukazzjoni, u l-irwol tal-Commonwealth of Learning bħala mezz ta’ innovazzjoni u li jkun hemm:
· iktar appoġġ għall-iżvilupp tal-
lifelong learning
bħala fattur importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Commonwealth. Il-Ministri talbu sabiex ikun hemm iktar sforzi sabiex jintlaħqu iktar nies li ma komplewx l-iskola jew ma kellhomx aċċess għall-edukazzjoni bażika u li jixtiequ jkomplu l-iżvilupp professjonali tagħhom;
· iktar appoġġ għal boroż ta’ studju u
fellowships
mill-Commonwealth bħala mezz ta’ koperazzjoni u iktar mobilità bejn l-istati-membri, u kollaborazzjoni effettiva fir-riċerka;
· Commonwealth Education Ministers Action Group liema grupp ikollu wkoll rappreżentanza reġjonali.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25877, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aġenda u x’pożizzjoni ġiet meħuda fil-Unevoc-Delegazzjoni Ministerjali li saret fil-Ġermanja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aġenda kienet tinkludi laqgħa ma’ Dr Shymal Majundra, il-Kap tal-UNESCO UNEVOC. Matul din il-laqgħa ġie diskuss ix-xogħol tal-UNEVOC fid-diversi pajjiżi li hi rrappreżentata fihom. Fost oħrajn, ġew diskussi l-isfidi għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Id-delegazzjoni Maltija ppreżentat id-diversi inizzjattivi u programmi ġewwa Malta sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jingħata l-importanza mistħoqqa. Permezz ta’ din il-laqgħa, ġie milħuq ftehim sabiex terġa’ tiġi attivata s-sħubija ta’ Malta, permezz tal-MCAST, bħala membru fi ħdan l-UNEVOC.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25877, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aġenda u x’pożizzjoni ġew meħudin waqt il- Ministerial Meetings in Madrid Political Dialogue 5+5?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-konklużjonijiet li ħarġu minn din il-Konferenza Ministerjali. Bħala segwitu għal din il-laqgħa ministerjali, Malta kompliet ikollha rwol attiv fejn ġew nominati żewġ uffiċjali biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Grupp ta' Uffiċjali Għolja (Senior Officials) imwaqqfa minn din id-Dikjarazzjoni. Il-laqgħa li jmiss ta’ dan il-Grupp se ssir fil-11-12 ta' Ottubru 2016. Din se tkun l-aħħar laqgħa qabel il-Konferenza Ministerjali li jmiss tal-5+5 ppjanata għal Marzu 2017 fit-Tuneżija. Din il-Konferenza Ministerjali hija mistennija li tappoġġa l-prijorità tal-Presidenza tagħna fuq il-PRIMA.
ETC – proċess ta’ rebranding – tenders, direct order jew assignments
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26318, jista’ l-Ministru jindika għalfejn hemm numru ikbar ta’ direct orders milli calls for tender għar-rigward ta’ Jobs+?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mitluba kienu urġenti u ta’ valur żgħir għal kull biċċa xogħol. Kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26318, xogħlijiet li huma akbar fil-valur u li l-konsum tagħhom huwa rikurrenti, ġew ikkummissjonati permezz ta’ sejħiet għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-kumpanija li qed tamministra l-iskema tal-Community Work hijiex reġistrata fuq Fondazzjoni partikolari reġistrata l-Ħamrun? Jista’ jikkonferma li fi Frar 2016 kien hemm 600 ruħ li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol li ġew effettivament trasferiti mal-Fondazzjoni? Jista’ jinforma lill-Kamra bil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-impjegati? Jista’ jqiegħed lista ta’ placements f’entitajiet speċifiċi tal-ħaddiema ingaġġati mill-Fondazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema kollha ġew ingaġġati. Rigward il-kumplament tal-informazzjoni mitluba, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 25228, 25274 u 25378.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25877, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aġenda u x’pożizzjoni ġiet meħuda fil-laqgħa Drop Out Prevention Programme li saret fil-Lussemburgu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aġenda tal-konferenza li pparteċipajt fiha kellha t-titlu ta’ “European Partners against early leaving school” bit-tema ‘Recognize, Remedy, Re-Engage’.
Il-pożizzjoni li ttieħdet hija dik kif elaborata fl-istrateġija tal-early school leaving li l-Ministeru ppubblika: “A Strategic Plan for the Prevention of Early School Leaving 2014”.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-NCFHE hux qed issib diffikultà li takkredita korsijiet li:
a. parzjalment jew kompletament huma
distance learning
;
b. jsiru
online
; u
c. jinkludu suġġetti li lokalment ftit hawn esperti fuqhom?
Jekk iva, x’qed tippjana l-NCFHE biex issolvi din iċ-ċirkustanza?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-NCFHE regolarment takkredita blended learning courses jew korsijiet li għandhom element ta’ distance learning.
L-NCFHE tirrikonoxxi li għandha esperjenza limitata fejn tidħol l-akkreditazzoni ta’ korsijiet
online
jew
distance learning courses
. Bħalissa qed twettaq proġett pilota biex toħloq standards u linji gwida sabiex tkun tista’ taċċetta iktar applikazzjonijiet għall-akkreditazzjoni ta’ dawn il-korsijiet.
F’numru ta’ okkażjonijiet l-NCFHE esperjenzat diffikultajiet sabiex issib esperti lokali li jkunu jistgħu jevalwaw korsijiet speċifiċi. Din id-diffikultà ġiet esperjenzata f’każijiet ta’ korsijiet speċjalizzati ħafna, uniċi jew ġodda. Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida l-NCFHE tikkuntattja b’mod regolari esperti barranin f’oqsma partikolari, sabiex jgħinuha fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-korsijiet. Barra minn hekk, matul din is-sena, l-NCFHE ħarġet ukoll sejħa pubblika għall-
evaluators
bl-għan li jinħoloq grupp iktar wiesa ta’
evaluators
li jkunu jistgħu jassistu fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-korsijiet. L-NCFHE bdiet toffri wkoll serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ lil dawn l-
evaluators
sabiex twassal messaġġ aktar ċar dwar x’inhu mistenni minnhom u jiġi assigurat li dawn jinżammu aġġornati mal-istandards u l-linji gwida li jirregolaw l-akkreditazzjoni kif spjegat fir-
R
eferencing Report 2016
.
Minħabba li l-popolazzjoni tal-istudenti tal-università hija kbira daqs villaġġ tipiku Malti, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx campus health clinic jew servizz mediku bi klinika fil-kampus tal-Università biex jaqdi l-bżonnijiet mediċi tal-istudenti, inkluż dawk ta’ pariri dwar ħajja sana, dieta tajba, kontraċezzjoni u prevenzjoni ta’ tixrid ta’ mard trasmess sesswalment eċċ.?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Università għandha żewġ defibrillators fuq il-Kampus u xi erbgħin impjegat li jafu jużawhom. Qiegħda wkoll fil-proċess li jinxtraw tmien defibrillators oħra. L-Università għandha korp ta’ madwar mitejn impjegat imħarrġin fil-first aid u għandha wkoll servizz ta’ Counselling iddedikat għall-istudenti u l-istaff.
Is-servizzi mediċi tal-isptar Mater Dei jinsabu fil-viċinanzi tal-Kampus, u l-Università ma tħossx il-bżonn li titwaqqaf Health Clinic fuq il-Kampus.