Jista' l-Ministru jara li r-rapport dwar il-kwalita' ta' l-arja jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati dwar il-kwalita' ta' l-arja, liema riżultati huma ppubblikati fuq il-website tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni, jew aħjar x'possibbilta' hemm li Triq it-Telleritu f'Ħal Għaxaq, jiġi mgħoddi minnha d-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li Triq it-Telleritu u t-toroq ta' biswit qegħdin f'livell baxx b'tali mod li s-sistema tad-drenaġġ, meta ssir, trid tiġi ppumpjata lejn in-naħat tal-Bypass.
Dan ix-xogħol jinkludi taħfir ta' main twil, bini ta' Pumping Station ġdida u taħfir għal rising main. Għalkemm stima eżatta għad ma nħadmitx, madankollu nifhem li noqorbu Lm100,000., minbarra l-pompi neċessarji, li hija parti sostanzjali mill-vot tagħna. Diġa' tlabna għal easement ta' l-art (WD221/97/1 miftuħ fit-28 ta' April 1998) u ġiet ippreparata l-pjanta għall-esproprjazzjoni ta' l-art fejn ġejja l-Pumping Station il-ġdida. Wara dan issir applikazzjoni l-Planning Authority għall-bini tal-Pumping Station f'din l-arja (li hija green area). Meta jkollna dawn f'idejna nkunu nistgħu nagħmlu t-tenders tal-katusi.
Minħabba dan kollu huwa diffiċli li dan ix-xogħol jibda din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta jiġi biex jiġu mpjegati n-nies għall-proġett ta' Casino Venezia fil-Kottonera humiex se jingħataw l-ewwel preferenza n-nies tal-Kottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-nies tal-Kottonera għandhom vantaġġ awtomatiku għax huma l-aktar li joqogħdu viċin dan il-post.
Issa li jidher li x-xogħol fuq il-kumpless sportiv tal-Kottonera beda, jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex trakkijiet mgħobbija bil-ħamrija u terrapin ma jibqgħux iħammġu t-toroq tal-Kottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-kuntrattur qed jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex ma jinħoloqx inkonvenjent fl-inħawi.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi urġenti peress li hemm ħsara fid-drainage pump f'Tal-Pieta' bil-konsegwenza li għal dawn l-aħħar ġimgħat kien qed ikun hemm sewage overflow fil-baħar fl-akwati ta' Sa Maison?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din il-pumping station kienet wieqfa minħabba xogħol ta' manutenzjoni li kien qiegħed isir fil-pumping station ta' l-Imsida u mhux għax il-pumping station tal-Pieta' kienet bil-ħsara.
Billi d-drenaġġ minn tal-Pieta' jmur lejn l-Imsida, dik ta' l-ewwel kellha bilfors tingħalaq sakemm ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet li kien hemm bżonn fl-Imsida.
Jien infurmat li l-pumping stations tal-Pieta' u ta' l-Imsida reġgħu ġew għan-normal.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kunsill konsultattiv dwar l-industrija tal-bini?
Kemm-il darba ltaqa' dan il-kunsill matul is-sena li għaddiet (2000)?
Min huma l-membri fuq is-sotto kumitat tal-BICC?
Kemm-il darba ltaqgħu dawn is-sotto-kumitati matul is-sena 2000?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema partijiet qed isir ix-xogħol fil-proġett tal-Kottonera?
Xi tlesta sa issa f'din is-sena u nofs?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant hija nfurmata illi x-xogħol li sar s'issa fuq il-proġett tal-Kottonera jikkonsisti f'sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp kollu, saru l-istudji fuq il-bini antik u tlestew ir-'Restoration Method Statements' relevanti, tlestew il-konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, qed isiru konsultazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali, sar studju biex jiddetermina l-istat tal-mollijiet eżistenti, saru diskussjonijiet twal mal-korporazzjonijiet tas-servizzi u diġa' nbdew xi xogħlijiet fuq il-provvista ta' l-istess servizzi, qiegħed isir Traffic Impact Assessment li mistenni jitlesta x-xahar d-dieħel, qed isir Environmental Impact Assessment u dan mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin, twaqqa' bini illi kien jinstab fi stat perikoluż u twaqqgħu ukoll bini oħrajn kif stipulat fil-permess ta' l-iżvilupp.
Ta' min wieħed isemmi illi xogħol fiżiku kien wieqaf għal xi żmien minħabba funzjoni importanti tal-Kavallieri ta' l-Ordni ta' San Ġwann illi saret fil-Forti ta' Sant'Anġlu.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda l-proġett ta' embellishment fil-Mall tal-Furjana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20787, nixtieq ninfurmah li l-perit inkarigat għandu jippreżenta l-proposti tiegħu sa nofs Frar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma vvotati flus għall-proġett tal-playingfields fil-Furjana? Jista' jingħata breakdown tax-xogħlijiet speċifiċi li se jsiru matul is-sena 2001?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġett li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa l-upgrading tal-ġnien King George V fil-Furjana.
Għal matul is-sena 2001 hu mistenni li jintefqu madwar Lm40,000 fuq dan il-proġett, mill-'Enhancement of Public Areas Vote'. Il-proġett mistenni li jitlesta fis-sena 2002, meta jiġu provduti l-kumplament tal-fondi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali tal-11 u 12 id-distrett Elettorali li għandhom kontijiet pendenti mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fuq xogħlijiet li d-Dipartiment wettaq f'dawn il-lokalitajiet rispettivament?
Għal kemm żmien/snin ilhom pendenti dawn il-kontijiet lokal, lokal u kemm huma l-ammont f'ċifra ta' flus li kull lokal separatament jrid iħallas skond dawn il-kontijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ma jħossxli l-miżuri tal-Gvern li ċerti ċnus li qed jintalbu jħallsu l-bdiewa għar-raba' li jikkultivaw fejn minn Lm 1 it-tomna għolew għal Lm125.00 t-tomna, huwiex inaċċettabbli u se jikkawżaw sitwazzjoni fejn ħafna bdiewa part-time se jkollhom jabbandunaw ir-raba' b'detriment li jiġi abbandunat l-ambjent rurali tal-gżejjer tagħna?
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jintervjeni mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Artijiet sabiex almenu dawn il-bdiewa jibdew iħallsu pagamenti ta' Lm 4 tomna, kif ġew stabiliti mill-istess awtoritajiet ċnus li għalqu f'partijiet oħra tal-Mellieħa stess?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Construction & Maintenance Department — Direct Labour
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-valur ta' xogħol li sar bid-direct labour mill-ħaddiema tad-dipartiment Construction and Maintenance liema xogħol ġie ikkreditar lill-proġetti kapitali matul dawn l-aħħar tnax il-xahar?
Il-valur ta' dan ix-xogħol ġie imnaqqas mill-vot tal-personal emoluments?
Jista' l-Ministru jagħti deskrizzjoni tax-xogħol li sar b'dan il-mod?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22255.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-pagamenti dovuti skond il-file W D 323/98 & W 99 / 98 jsiru fil-ġejjien qarib peress li l-persuna għadha ma tħalsitx minkejja li għamlet ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-files indikati mill-Onorevoli Interpellant ma jidhirx li hemm xi ħlasijiet li għad iridu jsiru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux testijiet regolari biex jiġi kkalkulat il-livell tal-lead toxins fl-arja? Isiru testijiet regolari biex jiġu stabbiliti l-livelli ta' tossiċi oħra ambjentali?
Jekk iva, fiż-żewġ każijiet, x'inhuma r-riżultati? U meta nkisbu? U l-frekwenza tat-testijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 21381 (Seduta 435) u 21815 (Seduta 445), nixtieq ninfurmah li testijiet fuq il-livelli ta' ċomb fl-arja sejrin jinbdew din is-sena.
Is-sena li għaddiet (2000) sar monitoraġġ ta' sulphur dioxide, nitrogen dioxide, ozone, carbon monoxide u trab fin (PM10) fl-arja. Dan il-monitoraġġ sar permezz ta' mobile station tul il-perjodu Jannar - Awissu. Dawn ir-riżultati kienu pproċessati u ppubblikati fuq il-website tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u fuq il-mezzi tax-xandir.
Ir-riżultati s'issa miksuba juru li b'xi eċċezzjoni, il-livelli misjuba jikkonformaw ma' standards ta' l-arja fl-Unjoni Ewropea. Il-livell ta' trab fin (PM10) iżda kien fil-maġġoranza tal-każi ogħla minn dak rakkomandat mill-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-valur ta' xogħol li sar bid-direct labour mill-ħaddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ u liema xogħol ġie ikkreditat lill-proġetti kapitali matul dan l-aħħar tnax-il xahar?
Il-valur ta' dan ix-xogħol ġie imnaqqas mill-vot tal-personal emoluments?
Jista' jagħti deskrizzjoni tax-xogħol li sar b'dan il-mod?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi mhux possibli illi nagħti l-valur tax-xogħol li sar bid-'direct labour' mill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Il-valur tax-xogħol bid-'direct labour' ġie kkreditat lill-proġetti lapitali bl-ammonti li jidhru fl-estimi ħdejn il-voti kapitali.
Dawk it-totali li jidhru fl-estimi taħt 'direct labour' kollha tnaqqsu mill-vot tal-'personal emoluments'. Din il-proċedura ilha ssir is-snin.
Ix-xogħol li jsir mid-'direct labour' tad-Dipartiment jikkonsisti prinċipalment f'tindif ta' mini, mains, pompi tad-drenaġġ u xogħol ieħor relatat.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jitwaqqa' l-bini antik u dilapidat li hemm bejn Triq il-Wied u Triq il-Kunċizzjoni, l-Imsida qrib il-knisja, billi dan qed jkun ta' inkonvenjent kbir għan-nies tal-area, minħabba ġrieden, trobbija ta' annimali eċċ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għad m'hemmx deċiżjoni dwar meta ser jitwaqqa' l-bini antik u dilapidat imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma x-xogħlijiet proposti li jsiru permezz tal-vot embellishment of tourist areas matul is-sena d-dieħla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol propost mill-vot 'embellishment of tourist areas' għal matul is-sena 2001 huwa:
Sliema - It-tieni fażi tax-xogħol fuq il-Promenade (minn fejn it-Torri sa
fejn Barracuda Restaurant).
San Ġiljan - Ser jinbeda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-Promenade ta' San
Ġiljan (minn fejn iċ-Chains sa fejn il-pitch tal-waterpolo ta' San
Ġiljan).
Paceville - Qed jiġi ppjanat li jinbeda x-xogħol fuq it-tisbiħ ta' Triq Santu
Wistin.
Marsascala - Xogħol ta' tisbiħ fil-bajja ta' San Tumas.
- Tkomplija tax-xogħol fuq il-Promenade (minn ħdejn Spigola
Restaurant sa St. George's Street).
- It-tielet u r-raba' fażi ta' xogħol ta' restawr fuq it-Torri ta' San
Tumas u r-'redoubt'.
Marsaxlokk - Xogħol ta' 'resurfacing' ta' parti minn Triq il-Wilġa.
- Għarik tal-pavimentar tal-qawwi f'Misraħ il-Parroċċa.
B'Buġia - Tlestija tax-xogħol fil-Bajja s-Sabiħa.
Buġibba/Qawra - Hu ppjanat li jinbeda xi xogħol fl-inħawi tax-Xemxija in
kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u
l-Ministeru tat-Trasport.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mad-Dipartiment tal-Waste Management u kif inhuma maqsuma fuq ix-xogħol li jagħmlu?
Kif se jiġu affettwati l-ħaddiema bil-proposta għall-privatizzazzjoni tal-Waste Managment f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li preżentament hemm 704 ħaddiem mad-Dipartiment tal-Waste Management.
Dawn il-ħaddiema huma mqassma kif ġej:
Deployment Number
Public Conveniences 182
Public Cleansing 268
Sant'Antnin 52
Landfills 26
Administration 18
Personnel at R.D.C. Centre (H.A.B. & other Trades) 98
Koperattiva Indafa Pubblika 53
On Loan to Other Departments 7
-----------
704
-----------
F'dan l-istadju mhux previst illi dawn il-ħaddiema jkunu effettwati bil-pjani tal-Gvern fuq l-immaniġġjar ta' l-iskart. Jekk 'il quddiem, ikun hemm proposti oħra li jolqtu lil dawn il-ħaddiema, dawn il-proposti jkunu diskussi skond proċeduri normali.
Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata tal-virements li saru matul dawn l-aħħar tnax-il xahar inkluż il-voti li saru minn fuqhom, liema xogħol u għal-liema raġuni, flimkien ma' l-ammont tal-virement?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Matul is-sena 2000 kien hemm bżonn li jsiru 'l fuq minn 400 virement (fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet), sabiex il-flus allokati jkunu jistgħu jiġu utilizzati aħjar.
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru tinvolvi ħafna xogħol, risposta tingħata f'seduta oħra.