Affarijiet Rurali u Ambjent — Special Cleaners Limited
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qatt ma għamlu użu mis-servizzi ta’ Special Cleaners Limited.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22152 u cioe' jgħid x'ġara mill-wegħda ta' l-art/bini/fond li kellu jingħata lill-KIM (Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjal) mill-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li kienu saru diskussjonijiet mal-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjal (KIM) dwar razzett ġdid biex toperah il-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjal (KIM) fuq inizjattiva tagħha. Ġew eżaminati diversi possibiltajiet iżda l-inizjattiva dejjem kienet tal-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjal (KIM). Tant hu hekk li kienet hi stess li applikat għall-outline development application.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22139 u jinformana bl-investigazzjoni li saret mill-Ministeru dwar il-qagħda fl-industrija ta' għasir ta' l-għeneb għall-inbid lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-prezz ta’ l-għeneb jiġi ffissat kummerċjalment bejn l-għassar u l-bidwi individwali u għalhekk mhux f’pożizzjoni biex nagħti ċ-ċifri mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tjur miżmuma llum mid-dipartiment ta' l-ambjent wara li nġabru minħabba l-biża tal-bird flu? Issa li għadda kollox, meta se jerġgħu jintelqu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' tjur li qegħdin jinżammu ġewwa Fort Delimara huwa 313.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-workshops eżistenti u l-ħaddiema manwali tal-gvern li hemm f l-inħawi ta' Sta. Luċija u li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent se jiġu trasferiti lejn Ta' Qali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema manwali u l-workshops li hemm fl-inħawi ta' Santa Luċija ser jiġu trasferiti lejn Ta' Qali biex ix-xogħol tad-dipartiment ikun kollu ċentralizzat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21460, jista' jekk jogħġbu l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji mitluba fuq l-impatt dwar l-aspetti differenti ta' l-ambjent imsemmija, bħal tniġġis ta' l-arja, żieda fit-traffiku u vetturi ta' natura industrijali, ħsejjes, eċċ.?
Jista' il-Ministru jgħid jekk permess għat-trobbija tal-majjali jistax jiġi trasferiet minn persuna għal oħra u minn razzett għall-ieħor?
Jista' jgħid jekk il-kwoti tal-majjal spiċċawx?
Jista' jgħid għaliex is-sussidju ma ngħatax kollox, jiġifieri Lm120 fuq kull ras u ngħataw Lm30 fuq kull ras?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess tat-trobbija tal-majjal jista' jiġi ttrasferit minn fuq persuna għal oħra kif ukoll minn fuq razzett għal ieħor basta jkun hemm il-permessi kollha meħtieġa.
Rigward il-kwoti, kull bidwi għandu kwota għat-trobbija tal-majjal.
Fir-rigward tas-sussidji, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema sussidji qiegħed jirreferi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22045 u jgħid liema xogħol b'kuntratt sar fis-sit tal-Magħtab u jagħti lista sħiħa tal-kuntratti, kuntratturi u ħlasijiet li ħadu fis-sena 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħala xogħol li sar fuq is-sit tal-Magħtab l-antik fiż-żmien li qed jirreferi għalih kienu involuti l-kuntratti imsemmija fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22044 u jippreżenta l-lista ta' tenders li nħarġu bejn April 2005 u llum mill-Wasteserv? Min ħa dawn it-tenders u għal kemm kienu jammontaw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jingħata d-dritt ta' reconsideration u appell mill-MEPA f'każ ta' PC applications peress li dawn l-applikazzjonijiet ġieli jiġu rifjutati minħabba xi żball tekniku jew amministrattiv minn naħa tal-MEPA bil-konsegwenza li tinħoloq inġustizzja ma' l-applikant?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond il-liġi u skond ġurisprudenza tal-Qorti ta’ l-Appell u tal Bord ta’ l-Appell ma hemmx dritt ta’ appell minn Planning Control Application. Ħadt nota tas-suġġeriment ta’ l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid il-MEPA kemm tippermetti l-għoli massimu ta' ħajt ta' appoġġ bejn id-driveways ta' żewġ semi-detached villas, fl-ewwel għaxar piedi (front garden)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħajt ta' appoġġ bejn id-driveways ta' żewġ vilel semi-detached, fl-ewwel għaxar piedi (front garden), jitqies bħala parti mill-front garden u għaldaqstant l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) titlob li dan il-ħajt ma jaqbiżx l-għoli massimu ta' 1.4m kif stipulat fil-Policy and Design Guidance 2005, paragrafu 9.3.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22143 u jgħid kemm kien in-numru ta' annimali li nqatlu fil-biċċerija ta' l-emerġenza matul l-ewwel sitt xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' annimali li nqatlu b’emergenza fil-biċċerija tal-Marsa matul l-aħħar ħames snin huwa dan:
2006 – 502 (sa Settembru)
2005 - 1008
2004 - 855
2003 - 887
2002 - 897
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 22140 u 22139, jista' il-Ministru jinvestiga kemm kien fil-fatt il-prezz ta' l-għeneb għall-industrija ta' l-inbid lokali matul din is-sena? Jista' wkoll jagħti l-istess tagħrif għas-snin 2005, 2004 u 2003 separatament?
Jista' il-Minsitru jirrispondi mistoqsija parlamnetari 22142 u jgħid sena b'sena separatament, kemm kienet il-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel sitt xhur ta' l-2005, 2004, 2003 u 2002?
Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus abbażi tal-piż f'kull każ separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel sitt xhur kienet:
2003 - 2,696,372 tiġieġ b'piż ħaj (
liveweight
) ta' 6,291,630 kg - prezz medju ta' 65ċ/kg
2004 - 2,128,021 tiġieġ b'piż ħaj (
liveweight
) ta' 4,732,905 kg - prezz medju ta' 70ċ/kg
2005 - 1,401,914 tiġieġ b'piż ħaj (
liveweight
) ta' 3,085,106 kg - prezz medju ta' 69ċ/kg
Rekords ta' produzzjoni ta' tjur bdew jinżammu fuq in-
National Livestock Database
mill-2003 ‘il quddiem.
Il-prezzijiet indikati hawn fuq huma l-prezzijiet bl-ingrossa (
wholesale
) li l-proċessuri tat-tjur użaw matul dawn is-snin.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22141 u jgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel xhur ta' din is-sena? Kemm hu stmat f'ċifra ta' flus din il-produzzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel 9 xhur ta' din is-sena kienet ta' 1,915,271 tjur, b'pi¿ ħaj (liveweight) ta' 3,891,209 kg.
Il-prezz medju ta' din is-sena huwa ta' 69ċ/kg. Dan huwa l-prezz bl-ingrossa (
wholesale
) li l-proċessuri tat-tjur u¿aw matul din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mill-art/fond li kellu jingħata lill-KIM sabiex tiżviluppa farms għad-demm pur u multiplying unit?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq inizjattiva tagħha l-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjal (KIM) applikat għall-Outline Development Application biex tibni razzett.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li irziezet f'Malta u Għawdex jiġu konformi kollha mal-waste treatment facilities skond kif semma l-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura f'seduta parlamentari nru. 463?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 22137.
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk huwiex minnu li l-prezz ta' l-għeneb għall-għasir se jinżel b'medja ta' 20c fil-kilo għas-sena d-dieħla? Jekk huwa l-każ, liema huma dawk l-għassara li se jbaxxu l-prezz u x'inhuma r-raġunijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-prezz ta' l-għeneb jiġi ffissat kummerċjalment mill-għassar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel xhur ta' din is-sena? Kemm hu stmat f'ċifra ta' flus din il-produzzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.