Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3871 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum ta' Maria Reġina

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-istudenti ta' Form III tal-Junior Lyceum ta' Maria Reġina ilhom sitt ġimgħat mingħajr lezzjoni tal-Business Studies b'mod li dan in-nuqqas ta' lezzjonijiet se jpoġġi lill-istudenti f'sitwazzjoni diffiċli biex jkopru s-syllabus? Jikkonferma l-istess Ministru li għall-istess sena fl-istess skola, anke kellhom nuqqas ta' teacher tal-Ġeografija li jista' jwassal sabiex l-eżami tal-Half Yearly fl-istess suġġett ma jsirx?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba simili ngħatat għall-mistoqsija 3846. Informat li ntbgħat għalliem tal-Business Studies fil-Junior Lyceum Maria Reġina. Hemm nuqqas ta' għalliem tal-Ġeografija minħabba mard. Qed isiru sforzi biex is-syllabus jiġi kopert.
Leg 9 PQ #3918 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' Snajja'

Question

Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb il-parti l-oħra tal-mistoqsija parlamentari numru 3641, jiġifieri x'inhi l-eta' ta' dawn it-tfal? Jista' l-Ministru jgħid kemm jattendu għal-lezzjonijiet jew kemm tfal fallew skola minn Settembru 'l hawn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-eta' tvarja bejn il-faxxa ta' eta' għal skola sekondarja, u dik ta' apprendistat li ġieli tasal sa 18-il sena.
Leg 9 PQ #3948 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li ħarġu tqal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fl-iskejjel sekondarji li ħarġu tqal matul is-snin skolastiċi sena b'sena mill-1993 sa l-1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti fl-iskejjel sekondarji li ħarġu tqal u attendew l-iSchoolgirl Mother's Unit matul is-snin skolastiċi mill-1993 sal-1998. L-informazzjoni mitluba hija kif ser insemmi: SENA SKOLASTIKA NUMRU TA' STUDENTI 1993 - 1994 21 1994 - 1995 24 1995 - 1996 35 1996 - 1997 28 1997 - 1998 42
Leg 9 PQ #3337 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Course — Pont

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jqum il-pont tad-dħul fil-Marsa Racing Course? Ħarġu quotations jew tenders? Jekk iva, min ġie magħżul u għaliex? Jekk ma nħarġux sejħiet għall-quotations jew tenders, min intgħażel u xi ftehim sar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat tal-Marsa Racing Club kien alloka kuntratt għall-upgrading tal-korsa lil Polidano Group li l-ispiża tiegħu kienet tammonta għal Lm105,000. Din kienet l-aktar offerta vantaġġjuża meta komparata ma' dik ta' Bonniċi Bros li kienu kkwotaw is-somma ta' Lm140,000. Billi kien meħtieġ ukoll li jsiru paddocks u entratura u pont mit-triq għall-korsa ġie deċiż li Polidano Group jiġi fdat ukoll b'dan ix-xogħol. Dan ix-xogħol sewa Lm26,640.
Leg 9 PQ #3338 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsa tal-Marsa — Doping tests fuq iż-żwiemel

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk isirux doping tests fuq iż-żwiemel li jieħdu sehem fit-tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru fil-korsa tal-Marsa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa għadhom qatt ma saru doping tests fuq iż-żwiemel li jieħdu sehem fit-tiġrijiet. Informat ukoll li l-Kumitat tal-Marsa Racing Club qed jistudja l-possibilitajiet dwar x'jista' jsir.
Leg 9 PQ #3356 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Tekniku M.A. Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir dwar dawk l-istudenti ta' l-Istitut Tekniku M.A. Sapiano li għadhom ma bdewx il-kors ta' l-informatika minkejja li waslu biex jagħmlu l-eżami tas-City and Guilds li huwa importanti għall-futur tal-karriera tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors ta' l-Informatika beda mal-ftuħ tas-sena skolastika. Dan il-kors fih disa' suġġetti u hemm diffikulta' kbira biex jinstab għalliem biex tieħu wieħed mis-suġġetti - Organisation and application of I.T. Għadhom qed isiru tentattivi biex tinstab soluzzjoni fattibbli.
Leg 9 PQ #3359 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistenti kapijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-iskejjel li sas-7 ta' Jannar, 1999 kienu jinsabu mingħajr il-complement ta' assistenti kapijiet (primarji, sekondarji u total) minħabba d-dewmien fil-pubblikazzjoni tar-riżultat ta'l-intervisti? Kemm hu mistenni li jkun in-numru ta'vakanzi ta' assistent kap sa nofs is-sena skolastika? X'miżuri qed jittieħdu sabiex ir-riżultat ikun ippubblikat u l-vakanzi eżistenti jimtlew mill-aktar fis possibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' skejjel fejn jeżistu 'vacancies' ta' Assistenti kapijiet huma: Skejjel Sekondarji 7 Skejjel Primarji 4 Ħlief fil-każ ta' tliet skejjel primarji u skola sekondarja, dan in-nuqqas kien dovut għaż-żmien meħtieġ biex jiġu appuntati nies f'din il-kariga. In-numru ta' vakanzi ta' assistenti kap sa l-aħħar ta' Frar hu mistenni li jiżdied b'żewġ assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji u assistent kap fl-iskejjel sekondarji.
Leg 9 PQ #3361 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti ta' l-Inġinerija

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi urġenti biex l-istudenti universitarji ta' l-Inġinerija li waslu biex jagħmlu l-eżamijiet finali jkollhom dawn l-eżamijiet imqassma fuq tliet ġimgħat bħas-sena li għaddiet u mhux fuq 12-il ġurnata kif hemm maħsub għal din is-sena peress li din il-konġestjoni esaġerata toħloq tensjoni bla bżonn lill-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-istudenti kkonċernati kienu ressqu l-każ għall-konjizzjoni tiegħi u jien kont tlabt lill-Universita' biex tara jekk kienx hemm lok li t-talba ta' l-istudenti tkun milqugħa. Jien infurmat li t-talba ta' l-istudenti ġiet diskussa fit-tul fl-aħħar laqgħa tas-Senat u kien hemm konsensus li, l-aktar għal raġunijiet edukattivi, it-talba biex l-eżamijiet ikunu mqassma fuq tliet ġimgħat ma kellhiex tintlaqa'. B'danakollu s-Senat qabel li jikkonċedi li l-eżamijiet isiru fuq tnax-il ġurnata, minflok fuq disat ijiem kif inhu l-każ għall-bqija ta' l-istudenti fl-Universita'. Fost il-konsiderazzjonijiet li qies is-Senat biex wasal għal din id-deċiżjoni kien hemm li: 1. kull ġimgħa ta' eżamijiet tfisser ġimgħa anqas ta' tagħlim; 2. eżamijiet mifruxa fuq perjodu twil jitenta lill-istudenti jħallu l-istudju għall-aħħar ġranet qabel l-eżami, fattur li jwassal għal iffullar bl-ammont ta' l-istudju (cramming); 3. tminn jew disa' eżamijiet fuq tnax-il ġurnata ma ġewx meqjusa li għandhom joħolqu xi pressjoni żejda fuq l-istudenti. Nemmen li l-Onor. Interpellant jaqbel li l-Ministru m'għandux jagħmel pressjoni biex tinbidel deċiżjoni li s-Senat ikun ħa wara deliberazzjoni xierqa u għal raġunijiet edukattivi u akkademiċi.
Leg 9 PQ #3413 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Ground

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2241?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nhar it-Tnejn 14 ta' Diċembru 1998 tkompla x-xogħol tat-twaħħil tal-fencing wara li tqiegħdu l-pajpijiet meħtieġa. Ix-xogħol li fadal hu antiċipat li jdum tlett ġimgħat.
Leg 9 PQ #3415 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Isla — Ponta ta' l-Isla - Ground

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi għall-mistoqsija parlamentarui numru 2044?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment konċernat diġa' lesta t-tħejjijiet sabiex dawn ix-xogħlijiet jitlestew fil-ġranet li ġejjin.
Leg 9 PQ #3417 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Ġuże' Despott

Question

Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2236?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hemmx nuqqas ta' mwejjed fl-iskola Ġuże' Despott Junior Lyceum Verdala. Numru ta' siġġijiet intbgħatu fl-iskola biex jieħdu post is-siġġijiet li ġarrbu xi ħsarat mill-bidu tas-sena skolastika 'l hawn.

Birżebbuga — Sit preistoriku

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-proċess sabiex is-sit preistoriku f'Birżebbuga, magħruf bħala Borg in-Nadur, jiġi wżat aħjar u adattat bħala attrazzjoni turistika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm pjanijiet sabiex is-sit preistoriku ta' Borġ in-Nadur, kif ukoll il-villa Rumana ta' Kaċċatura, isiru aktar aċċessibli permezz ta' xogħol fuq il-mogħdijiet li ġa' jeżistu fl-inħawi. Dan huwa post idejali sabiex wieħed jibda jiżviluppa mogħdijiet għall-passiġġati b'interess kulturali, kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti. Diġa' saru xi diskussjonijiet dwar dan bejn il-Mużew ta' l-Arkejoloġija u t-Taqsima tax-Xogħlijiet, li hija responsabbli għall-proġett ta' titjib tal-bajjiet fin-Nofs in-nhar ta' Malta. Ser inpoġġi artiklu qasir dwar dan is-suġġatt fuq il-Mejda tal-Kamra.

Siti storiċi — Kumitat

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jiġi mwaqqaf kumitat ad hoc sabiex jistudja u jagħti l-pariri meħtieġa sabiex numru sew mis-siti storiċi tagħna jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-użu tat-teknoloġija moderna magħrufa bħala cd rom bħalma qed isir minn varji mużewijiet fosthom l-Louvre u n-National Gallery ta' Londra?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-fehma tiegħi s'issa ma nħossx li l-proposta ta' l-Onor. Kollega l-aħjar naslu għaliha bit-twaqqif ta' kumitat. Fil-qasam tal-wirt ta' siti storiċi ta' valur inestimabbli għad fadal ħafna u ħafna x'isir. Fl-aħħar snin l-istrutturi u l-organizzazzjoni fis-settur ġew analizzati u saru diversi rakkomandazzjonijiet. Jiena bdejt naħdem fuq dawn il-proposti biex fi żmien raġjonevoli inressaq ir-rakkomandazzjonijiet li jidhirli li jkunu fl-aqwa interess ta' pajjiżna għall-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti.

Mużewijiet — Ħlas għad-dħul

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li fil-mużewijiet tagħna tidħol il-faċilta' moderna li turist iħallas għall-entratura tiegħu permezz ta' l-użu ta' l-hekk imsejħa credit cards?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti.
Leg 9 PQ #3698 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Teknoloġija Dentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta hijiex beħsiebha tibda l-kors dwar it-teknoloġija dentali fuq livell ta' diploma f'Ottubru ta' din is-sena peress li, għalkemm ir-rakkmandazzjoni sabiex jibda dan il-kors ilha li saret ħames snin, sal-lum għadu ma bediex minkejja l-fatt li ilhom isiru l-korsijiet tal-paramediċi tul dawn l-aħħar snin u wħud minnhom saħansitra qegħdin isiru llum fuq livell ta' degree u anke fuq livell ta' masters?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-diskussjonijiet fuq it-twaqqif ta' dan il-kors ilhom għaddejjin mill-1997. Id-Dekan tal-Fakulta' tad-Dentistrija indika li l-kors ikun jista' jibda hekk kif jinstabu riżorsi neċessarji kemm dawk ta' laboratorju kif ukoll dawk umani. F'dan ir-rigward qed ikomplu diskussjonijiet mad-Dipartiment tas-Saħħa bl-iskop li tinstab soluzzjoni.
Leg 9 PQ #3703 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Stipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema livell waslu d-diskussjonijiet fuq il-wegħda ta' l-istipendji sħaħ? Ma' min qed isiru dawn id-diskussjonijiet? X'inhi d-definition ta' stipendji sħaħ? Meta jaħseb li din il-wegħda se tiġi attwata?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kummissjoni ta' stħarriġ dwar l-iskemi ta' l-istipendji (Students Stipend Scheme Commission) ġiet imwaqqfa f'Ottubru 1998 u kellha l-laqgħa preliminari tagħha fis-16 ta' Ottubru 1998. Il-Kummissjoni kellha laqgħat ta' konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta' l-istudenti ta' l-Universita' (KSU) u ta' l-istituzzjonijiet post-sekondarji kollha, privati u ta' l-istat konċernati. Saru wkoll laqgħat ma' rappreżentanti ta' korpi interessati. Barra dan il-Kummissjoni stiednet lill-korpi kostitwiti u l-pubbliku in ġenerali sabiex jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub rigward proposti u kummenti li jħossu li l-Kummissjoni għandha tikkonsidra. Issa l-Kummissjoni ġabret u qed tikkonsidra r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti ta' l-istudenti ta' l-Universita', skejjel post-sekondarji u oħrajn li ntbagħtu kemm minn korpi kostitwiti kif ukoll minn xi persuni. Bħalissa l-Kummissjoni qed tiddelibera fuq l-istħarriġ li għamlet, skond it-termini li kienet ġiet mogħtija u li ġew ippubblikati. Il-Kummissjoni jonqosha tagħmel xi diskussjonijiet oħra inkluż ma' l-istudenti biex imbagħad tiffinalizza r-rapport tagħha.
Leg 9 PQ #3013 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Tekniku M.A. Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw fl-Istitut tekniku M.A. Sapiano biex joqogħdu għall-eżami Applied Information Technology tas-City & Guilds? Kemm hemm għalliema f'dan is-suġġett f'dan l-istitut? Mindu bdiet is-sena skolastika kemm kien hemm lezzjonijiet bla għalliema f'dan is-suġġett f'dan l-istitut?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 25 student mill-Istitut Tekniku Mikielanġ Sapiano li applikaw biex joqgħodu għall-eżami ta' l-ewwel sena ta' l-Applied Information Technoloġy. Hemm erba' għalliema li jgħallmu suġġetti direttament marbuta mal-kors, filwaqt li hemm ħamsa oħra li jgħallmu suġġetti anċillari f'dan il-kors. Hemm nuqqas ta' għalliem f'wieħed mis-suġġetti. Saru u għadhom isiru tentattivi biex tinstab persuna adatta biex tgħallem dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #3014 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tas-City & Guilds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw biex jagħmlu l-eżamijiet tas-City & Guilds fis-sessjoni li ġejja? F'liema suġġetti? Kemm kien hemm studenti f'kull suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-reġistrazzjoni għall-eżamijiet tas-City and Guilds Mejju/Ġunju 1999 kienet bejn it-30 ta' Novembru u l-14 ta' Diċembru 1998. Billi l-proċess kollu ta' reġistrazzjoni għadu mhux konkluż, L-informazzjoni mitluba tingħata hekk kif il-proċess kollu jkun intemm.
Leg 9 PQ #3015 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet f'Mejju/Ġunju li ġej: a) tas-SEC u tal-Matsec f'livell ordinarju, intermediate u avvanzat; b) ta' bordijiet barranin? Kemm minnhom huma subien u kemm bniet? Kemm minn dawn l-istudenti huma mill-iskejjel: i) ta' l-istat; ii) tal-Knisja; u iii) indipendenti? F'liema suġġetti saru l-applikazzjonijiet u kemm hemm studenti għal kull suġġett differenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-proċess ta' l-applikazzjonijiet għadu mhux komplet, it-tagħrif mitlub għadu ma jistax jiġi kompilat.
Leg 9 PQ #3019 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Inċidenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta' inċidenti rrapportati fl-iskejjel primarji u sekondarji li kienu nvoluti t-tfal/studenti li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat? X'natura ta' inċidenti kienu u kemm-il darba ssejħet l-assistenza tat-tobba u/jew l-ambulanza?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' inċidenti li fihom kienu nvoluti studenti u li kien jeħtieġu assistenza medika kienu 147. L-inċidenti jvarjaw minn tfekkik, 'fits', attakki ta' 'asthma' u ksur. Issejjħet l-assistenza ta' tabib 8 Issejjħet ambulanza 9 Issejjaħ tabib u ambulanza 9