Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4015 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet taż-żgħażagħ — Talbiet għal għajnuna

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3633, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi pubbliċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont ta' fondi pubbliċi li ngħataw lill-għaqdiet li rċevew għajnuna finanzjarja kien ta' Lm5,600.
Leg 9 PQ #4030 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Karnival — Workshops

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb li jkomplu fuq il-linji tal-gvern preċedenti li jkun hawn workshops adattati għal dawk li jaħdmu l-floats tal-karnival, partikolarment minflok Sant'Iermu li jista' jintuża aħjar għat-turiżmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħsieb li jinbnew workshops adattati għal dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-Karnival ilu ħafna magħna u item f'dan is-sens kien diġa' deher fl-Estimi Ġenerali tal-1994 li kien jammonta għall-Lm50,000. Għaddejja ħidma neċessarja ma'l-Awtorita' ta' l-Ippjanr biex isir Brief u xogħol ieħor neċessarju ħalli jkun jista' joħroġ il-permess. Fl-Estimi ta' din is-sena hemm l-istess ammont li kien ġie provdut is-sena ta' qabel cioe' ta' Lm10,000.
Leg 9 PQ #4031 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Karnival — Sfilati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern hux se jimxi mal-pjan tal-Gvern preċedenti rigward ir-rotta ta' l-isfilata tal-Karnival ċioe' li ma tgħaddix min fuq l-art il-ġdida ta' Triq ir-Repubblika? Instab sit alternattiv għal enclosure? Jekk instab, fejn hu maħsub li jintrema'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ewwel parti tad-domanda hija fin-negattiv peress li ser tintuża l-istess rotta tas-soltu. Nixtieq ngħid li ttieħdu l-passi kollha neċessarji biex it-tractors kollha involuti jkollhom 'cover' minn taħt sabiex ma jqattru ebda żejt jew diesel fit-Triq ir-Repubblika u postijiet oħra. Il-Karnival ta' Malta 1999 ser jiġi ċċelebrat fil-Belt Valletta bl-enclosure armat f'Misraħ il-Ħelsien u bi sfilata li tgħaddi wkoll minn Triq ir-Repubblika.
Leg 9 PQ #4037 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Ġuże' D'Amato

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif l-istudenti ta' l-iskola Ġuże' D'Amato qed ikollhom tliet lezzjonijiet biss f'ġurnata skolastika? Kif jistgħu dawn it-tfal ilaħħqu ma' syllabus ta' suġġett jekk l-għalliema ma jidħlux jgħallmu jew qatt meta f'ċerti suġġetti qatt ma ngħataw tagħlim?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti ta' l-iskola Sekondarja Ġuże' Damato f'Raħal il-Ġdid ikollhom seba' lezzjonijiet kull ġurnata skolastika u l-għalliema jmorru jagħtu l-lezzjonijiet regolarment. Meta xi għalliem ikun marid jiġi sostitut b'għalliem ieħor.
Leg 9 PQ #4038 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Ġuże' D'Amato

Question

Jista' l-Ministru jara kif fl-iskola kollha ta' Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid għadhom bla għalliema tat-Technical Drawing and Technical Design? Għalfejn dawn l-għalliema huma nieqsa u meta hemm il-ħsieb li jkun hemm għalliema ta' dan is-suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Sekondarja Ġuże' Damato hemm żewġ għalliema tat-Technical Design u l-istudenti qiegħed ikollhom lezzjonijiet regolari.
Leg 9 PQ #4039 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jippermetti 30 tifla/tifel fi klassi waħda tal-Kindergarten, (Primary School), Raħal Ġdid? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn jirrikjedu ħafna attenzjoni u 30 tifel u tifla l-għalliema ma tlaħħaqx magħhom? Hemm xi ħsieb li dawn it-tfal jinqasmu fi klassi oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hemm ebda klassi tal-kindergarten fl-iskola ta' Raħal Ġdid fejn hemm Kindergarten Assistant waħda ma' 30 tifel u tifla. Hemm xi każi fejn hemm 30 tifla u tifel fi klassi waħda iżda ma' dawn hemm żewġ Kindergarten Assistants.
Leg 9 PQ #4041 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura - Skola primarja

Question

Jaf il-Ministru li fl-iskola primarja tal-Fgura għandhom is-siġġiet kollha skaldi b'detriment li dawn qed iqattgħu ħwejjiġhom? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li dawn is-siġġiet jinbidlu jew jiġu rranġati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Fgura hemm żewġ skejjel Primarji. Mill-informazzjoni li ngħatat mill-Kap ta' l-Iskola Primarja A, m'hemm ebda siġġu bl-iskaldi jew f'kundizzjoni ħażina, għaliex kull siġġu li jinstab imkisser jiġi msewwi jew mibdul minnufih. Il-Kap ta' l-Iskola Primarja B mill-banda l-oħra qed tieħu l-passi meħtieġa biex jissewwew jew jinbidlu sittin siġġu. Il-bqija tal-ħames mitt siġġu li hemm fl-Iskola Primarja B huma f'kundizzjoni tajba.
Leg 9 PQ #4042 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 3078, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma il-kriterji li fuqha għaqda/soċjeta' tingħata għajnuna u assistenza finanzjarja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għajnuna u assistenza finanzjarja lil għaqdiet sportivi tingħata għall-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet Internazzjonali kemm f'Malta u barra, kif ukoll għall-bini u manutenzjoni ta' faċilitajiet. Talbiet għal għajnuniet mhux sostanzjali ta' natura oħra jistgħu jkunu kkunsidrati.
Leg 9 PQ #4062 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birkirkara — Xogħol fuq il-Bażilika - Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti risposta u jgħid jekk il-ħaddiema tad-dipartiment li qed jagħmlu xogħol ta' restawr fuq il-faċċat tal-Bażilika f'Birkirkara humiex jingħataw danger money u jekk le, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi din mhix materja tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #4078 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors BA Religious Studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istudenti li qed jagħmlu fil-kors BA Religious Studies fl-ewwel sena tħallew bla karta ta' l-eżami fil-History and Methods of Cathecetics nhar il-25 ta' Jannar, 1999 u kellhom joqogħdu jiktbu l-karta tal-mistoqsijiet li ġiet dettata lilhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nhar il-25 ta' Jannar, 1999 l-istudenti fil-kors tal-BA Religious Studies kellhom test ta' siegħa (mhux eżami) fil-History and Methods of Cathecetics. Id-distinzjoni prinċipali bejn test u eżami hi li test isir b'anqas formalita', iżda fl-istess serjeta' ta' eżami. Informat li ma hemm xejn straordinarju li l-lecturer iddetta tlett mistoqsijiet li minnhom l-istudenti kellhom jirrispondu tnejn.
Leg 9 PQ #4092 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dyslexia — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw tfal biex isirilhom t-test tad-Dyslexia minn mindu twaqqaf dan is-servizz? Kemm minn dawn it-tfal ġew eżaminati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Settembru 1997, minn mindu twaqqaf is-servizz għad-Dyslexia applikaw 354 tfal. Minn dawn ġew eżaminati 231.
Leg 9 PQ #4093 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Diploma fil-Probation Services

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti minn meta beda l-kors sal-lum li ħadu d-Diploma fil-Probation Services, li taqa' taħt il-Forensic Institute fl-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li ħadu d-Diploma fil-Probation Services minn meta beda huwa 21.
Leg 9 PQ #4155 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Roving Invigilator

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: Min hu Roving Invigilator li hemm l-Universita' għat-test week ta' Jannar 1999? Min ħatru? X'inhuma d-dmirijiet tiegħu u lil min jirrapporta? Kemm jitħallas? Liema kriterji jintużaw biex jintgħażel dan l-invigilator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-invigilators għall-eżamijiet u t-testijiet ta' l-Universita' jinħatru mill-uffiċju tar-Reġistratur minn fost dawk li juru nteress li jagħmlu dan ix-xogħol u li jkollhom il-kwalifiki u esperjenza meħtieġa. Il-lista ta' l-invigilators ilha tinbena matul is-snin u tkun miżjuda u/jew emendata skond il-ħtieġa. Ma hemm ħadd li hu maħtur speċifikament bħala "Roving Invigilator" iżda għal kull sessjoni u skond kemm-il eżami jkun hemm, xi invigilator/s, li fl-opinjoni ta' l-uffiċjal inkarigat ikollhom il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa, ikunu mitluba li jgħinu l-amministrazzjoni biex ikun assigurat li kollox miexi sew (per eżempju li f'kull kamra hemm invigilator/s biżżejjed, li ma jkunx hemm studenti jitħallew jitlajjaw fil-kurituri waqt l-eżamijiet) u li tittieħed azzjoni meħtieġa fejn ikun hemm xi problema. Dawn l-invigilators jitħallsu bl-istess rata ta' l-invigilators l-oħra i.e. LM4 għal kull sessjoni ta' l-eżami.
Leg 9 PQ #3494 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mdina/Rabat — Bini storiku - Restawr

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' restawr fuq bini storiku fl-Imdina u r-Rabat, Malta? Jekk iva, liema huma dawk ix-xogħlijiet ta'restawr proġettati li jsiru fit-tliet snin li ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet f'dan l-istadju m'għandux proġetti li se jwettaq fil-futur immedjat. Il-Mistoqsija għandha tiġi mressqa wkoll lid-Diviżjoni għax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent.
Leg 9 PQ #3495 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rabat

Question

B'riferenza għal bżonn ta' bini ta' hall/sala f'waħda mill-iskejjel tar-Rabat, Malta, liema neċessita' ilha pendenti s-snin, jista'l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinbena fil-futur? Jekk iva, meta u x'daqs?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm bħala parti mill-iSchools Building Programme tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm maħsub il-bini ta' sala fl-iskola sekondarja tar-Rabat, s'issa ma ttieħdet ebda deċiżjoni konkreta li tista' tindika d-daqs u t-tkomplija ta'din is-sala.
Leg 9 PQ #3717 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Wara li neħħa xi nies li xogħlhom kien li jduru l-lantijiet tax-xogħol biex jaraw li l-kuntratturi jagħtu livell tajjeb ta' xogħol fl-iskejjel, x'arranġamenti ġodda qed isiru issa biex jiġi żgurat li l-kuntratturi qed jagħtu value for money fix-xogħol tagħhom peress li qed jasluli rapporti li f'diversi skejjel ix-xogħol mhux qed isir kif mistenni?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma jirriżulta bl-ebda mod li tneħħew xi nies kif semma' l-Onor. Kollega, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni s'issa għadha qed tuża l-istess struttura u l-istess nies li kien hemm qabel inbidel il-Gvern f'Settembru 1998. B'danakollu jirriżultali li hemm djugħfija sew fl-istruttura kif ukoll fil-kwalita' u l-kompetenza tan-nies meħtieġa. Dan hu wieħed mis-suġġetti li qed niddiskuti ma' l-awtorita' kompetenti.
Leg 9 PQ #3718 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Wara li l-kapijiet ta' l-iskejjel ntalbu jgħidu x'inhuma l-ħtiġijiet ta' l-iskejjel li jmexxu biex ikunu jistgħu jidħlu fil-programm ta' xogħol fl-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid x'talbu l-kapijiet, skola bi skola, u xi pjan hemm biex dawn it-talbiet jiġu milqugħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-talbiet li ntbagħtu mill-Kapijiet ta' l-Iskejjel għal xogħlijiet diversi fl-skejjel tagħhom fil-preżent qegħdin jiġu katalogati u evalwati skola bi skola, u fil-mument opportun, darba jsir dan il-proċess, kull skola tkun infurmata bl-ammont ta' xogħol li jkun jista' jitwettaq fl-1999.
Leg 9 PQ #3722 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum Maria Reġina - Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdumu l-istudenti ta' Form III u Form IV mingħajr għalliema tal-Business Studies fil-Junior Lyceum ta' Maria Regina? X'se jsir biex dawn l-istudenti jġibu lura dak li tilfu tul dan iż-żmien kollu mingħajr lezzjonijiet f'dan is-suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti tal-Form III u Form IV fil-Junior Lyceum ta' Maria Reġina issa għandhom għalliema tal-Business Studies. Saru arranġamenti biex l-istudenti jkunu jistgħu jgħaddu s-syllabus kollu.
Leg 9 PQ #3907 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club — Dħul/Ħruġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown item, item tad-dħul u l-ħruġ li sar mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum fil-Marsa Racing Club?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-dħul u l-ħruġ tal-Marsa Racing Club ma jinvolvux flus ivvutati mill-Estimi Ġenerali approvati minn dan il-Parlament. Għalhekk qed jiġi konsidrat hux il-każ li jintalbu dawn id-dettalji lill-Marsa Racing Club.
Leg 9 PQ #3910 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club — Flus maħruġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se joħroġ flus il-ministeru din is-sena lill-Marsa Racing Club? Jista' jgħid kemm hu maħsub li jiġġeneraw dħul il-Marsa Racing Club u minn xiex ġej dan id-dħul? Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex imħejji business plan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena l-Ministeru mhux se joħroġ flus lill-Marsa Racing Club. Dwar it-tieni parti tad-domanda nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 3907.