Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni u jgħid għaliex is-sensiela televiżiva ta' "Fredu l-Fra" li ġiet iffilmjata kollha għal TVM twaqqfet milli tiġi mxandra? Il-Ministru kien responsabbli għal din id-deċiżjoni? Din id-deċiżjoni kienet deċiżjoni politika fi sfera għal kollox kulturali? Jaħseb il-Ministru li l-pubbliku għandu jkun imgħarraf biż-żamma ta' din is-sensiela peress li l-istess spettatur kien ġie aċċertat uffiċjalment permezz ta' "Il-Gwida" nhar l-20 ta' Settembru, 1998 li din is-sensiela kellha tkun fl-iskeda ta' Jannar, 1999? Jaqbel il-Ministru li t-telespettatur Malti għandu jiġi rispettat u mogħti spjegazzjoni ta' deċiżjoni, meta għadu sal-lum jistaqsi jekk is-sensiela ta' "Fredu l-Fra" hijiex se tintwera minn TVM fil-futur qarib?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministru lanqas biss kien jaf li jeżisti "Fredu l-Fra" aħseb u ara kemm seta' jindaħal f'xi deċiżjoni kif bi tmasħin qed jallega l-Onor. Ħabib tiegħi.
Informat li s-sensiela Fredu l-Fra ġiet iffilmjata kollha. Tul l-aħħar xhur tas-sena li għaddiet kien hemm għadd kbir ta' produzzjonijiet lokali li ħolqu prijoritajiet differenti għad-diriġenti tal-PBS u għalhekk iddeċidew li s-sensiela ma tiġix editjata għalissa. Ix-xogħol ta' post-produzzjoni tressaq b'ċertu żmien biex il-kwalita' tkun l-aħjar possibbli.
Ix-xogħol fuqha qed jiġi ppjanat u s-sensiela tixxandar aktar 'il quddiem. "Fredu l-Fra" jieħu gost tassew li qabel biss wiċċu xiref fost il-poplu tagħna diġa' sab minn fost ir-Rappreżentanti tiegħu min iħarislu l-ġiejjieni tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Mikielang Sapiano Technical Institute, l-istudenti fl-apprenticeship course tal-Micro Computer Technology fit-tieni sena, wara tliet xhur tal-course kienu mingħajr teacher fil-Micro Computer? Ma jaħsibx il-Ministru li trid issir xi ħaġa mmedjata meta l-istudenti waslu għall-eżamijiet peress li dan qed jikkawża li jtellfu l-interess fl-istudenti fil-qasam indikat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa mill-bidu tas-sena skolastika 1998-1999 is-suġġett 'Microcomputer Technology' ġie assenjat lil għalliem Part-Time li huwa mpjegat ma' kumpanija parastatali. Dan l-arranġament ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar snin. Sfortunatament, fil-bidu tas-sena skolastika, kien hemm diffikulta' dwar ir-'release' ta' dan u ta' persuni oħrajn mill-kumpanija tagħhom. Sakemm twittew id-diffikultajiet għaddew xi ġimgħat. Ninsab infurmat ukoll li dan l-għalliem kellu bżonn jattendi għal xi konferenzi u d-dipartiment ħaseb u ra li biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet li kien hemm, sar ftehim biex dan l-għalliem jagħti xi lezzjonijiet, anki waqt il-vaganzi tal-Milied. Huwa maħsub li safejn huwa possibbli jiġu mogħtija lezzjonijiet iżjed biex jikkumpensaw għan-nuqqasijiet li kien hemm u li dwarhom id-dipartiment ma kellu ebda kontroll.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern kompliex bl-inizjattiva tal-Gvern Laburista preċedenti li jkun hemm kumitat awtonomu li jorganizza l-Karnival minflok kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Festi Nazzjonali biex titnaqqas il-burokrazija?
Minn min huma komposti l-Kumitat tal-Karnival u dak tal-KFN separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li s'issa ma kien hemm ebda tibdil fil-kompożizzjoni tal-kumitati msemmija minn kif ħalliehom l-Onor. Membru f'Settembru 1998, għadni ma tajt ebda ħsieb dwar x'inhu l-aħjar tibdil fl-organizazzjoni f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparazzjonijiet għall-imħażen biex fihom jibdew jinħadmu l-karrijiet tal-Karnival minflok Sant'Iermu li ħejja l-aħħar Gvern Laburista?
X'taħdidiet kellu l-ministeru/segretarjat biex jistgħu jinħarġu f'post adegwat dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-karnival f'Sant'Iermu u biex din il-fortizza tiġi riabilitata bħala attrazzjoni turistika?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4030.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet/taħdidiet li kienu bdew taħt Amministrazzjoni Laburista biex f'pajjiżna titwaqqaf is-sedia ta' Federazzjoni Internazzjonali għall-Karnivali fil-Mediterran? Il-gvern tal-ġurnata beħsiebu jsegwi din l-idea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Awissu 1998 delegazzjoni tal-Kumitat tal-Karnival komposta mis-sinjuri George Zahra, Vincent Scicluna u Joseph Sapiano marret Viareggio u Nizza sabiex isiru diskussjonijiet preliminari dwar it-twaqqif ta' tali Federazzjoni u din għamlet rapport fejn ġie rakkomandat li delegazzjoni minn dawn iż-żewġ kumitati jiġu Malta ħa jkomplu jiddiskutu.
Fid-dawl ta' dak li jgħid il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista u fid-dawl tad-diskriminazzjoni li kienet saret mill-gvern preċedenti, x'inhi l-pożizzjoni tal-bandisti ta' l-Orkestra Nazzjonali?
Wara Ottubru 1999, meta jiskadi l-kuntratt tagħhom dawn il-bandisti, x'se jsir minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħalissa qed nikkonsidra l-kwestjoni kollha ta' l-Orkestra Nazzjonali u nittama li fil-ġranet li ġejjin nibda npoġġi f'posthom miżuri li fuq firxa ta' żmien jagħtu bażi u qafas aħjar għal din l-Orkestra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4078, jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li ma kienx hemm karta ta'l-eżami, jista' ikun hemm xi abbuż, aktar u aktar wara li ħareġ ir-rapport dwar il-Matsec fejn ġie suġġerit titjib?
Min kien responsabbli għal dan il-kors u allura għal dan it-test?
X'passi ttieħdu sabiex ħaġa bħal din ma terġax tiġri u jekk hux se jkun hemm konsegwenzi għal min għamel dan it-test?
Response (GALEA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Membru jaf li l-lecturer responsabbli għal dan l-unita' ta' studju, u allura għal dan it-test, kien ir-Reverendu George Deguara. filwaqt li ma nistax nifhem x'abbuż jista' jimmaġina l-Onor. Interpellant, ir-rapport dwar il-Matsec m'għandu l-ebda rilevanza għal dan il-każ. Nerġa nirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija Nru 4078. Fil-każ ta' test l-Universita' issostni li m' hemm xejn straordinarju li lecturer jiddetta l-mistoqsija. Għalhekk jien infurmat li la ttieħdu passi u lanqas ma hemm il-ħsieb li jittieħdu passi sabiex ħaġa bħal din ma terġax tiġri, anzi mhux eskluż li darb'oħra xi test ieħor jingħata bl-istess mod. Dan peress li la hemm regolament li jipprojbixxi li dan isir u lanqas ma hemm lok li jkun hemm xi regolament jew provvediment ieħor li jipprojbixxi lil lecturer li jiddetta mistoqsija ta' test.
Jista' l-Ministru jikkonferma li t-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup li se ssir fl-14 ta' Frar, 1999 fil-Marsa Race Course, se jitilgħu fuq l-istazzjoni televiżi tal-PN?
Fuq liema kriterju ġie magħżul dan l-istazzjon u min kien responsabbli għal din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Marsa Racing Club iddeċieda li jagħti d-dritt tat-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup lin-NET TV minħabba li dan hu l-uniku stazzjon televiżiv li qiegħed jagħti trasmissjonijiet diretti tal-programmi tat-tiġrijiet. Informat ukoll li dan kien l-uniku stazzjon li għamel talba biex ixandar dawn il-poloz diretti.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk saritx xi forma ta' inkjesta dwar il-qagħda fil-G. Despott Boys Junior Lyceum fil-Cottonera? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, tista' l-Kamra tkun taf x'sar minn dak ir-rapport u jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jinforma lill-Kamra x'azzjoni ttieħdet jew qed tittieħed mill-ministeru u/jew mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni bħala riżultat ta' dak ir-rapport biex tiġi rranġata l-qagħda f'dik l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dwar il-qagħda fil-G. Despott Boys Junior Lyceum fil-Kottonera jiena tlabt li jsir rapport dwar is-sitwazzjoni f'dik l-iskola minn persuni esterni għad-Diviżjoni. Ġew imqabbda il-Management Efficiency Unit ta' l-OPM, li ppreżentaw rapport ftit ġimgħat ilu. Tajt ukoll struzzjonijiet lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex teżegwixxi dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex titjieb is-sitwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy sabiex studenti jiġu exempted mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li applikazzjonijiet biex studenti jiġu exempted mill-iskola jiġu kkonsidrati fuq dawn il-kriterji: li l-istudent ikun qorob biex jagħlaq is-sittax-il sena; jew, li l-istudent ikun lesta l-kors provdut mill-iskola; jew, li jkun hemm raġunijiet umanitarji serji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-sena d-dieħla jkun hemm klassi tar-repeaters tal-Year 6 (jekk ikun il-każ) fl-iskola primarja ta' Bormla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-faċilita' li jirrepetu l-Year 6 tingħata lit-tfal ta' l-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex. Id-Diviżjoni tara li jkun aktar ta' benefiċċju li tfal i jirrepetu jkunu fi klassijiet għalihom billi l-ħtiġijiet tagħhom ma jkunux l-istess bħal ta' dawk li ser jagħmlu l-eżami għall-ewwel darba. Għalhekk, sa fejn hu prattikabbli, fejn ma jkunx hemm biżżejjed repeaters f'lokalita' waħda biex tifforma klassi dawn jingħaqdu ma' repeaters oħra fi skola viċin.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iddaħħal f'kirjiet l-Universita' ta' Malta? Jista' jgħid f'kull każ kemm hu l-ammont ta' kirjiet li ddaħħal u fiex tikkonsisti kull waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rati ta' kirjiet li ddaħħal l-Universita' għas-sala Sir Temi Żammit u għas-swali l-oħra fi ħdan is-Centre for Communicatons Technology (CCT) huma elenkati fl-iskeda li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport rigward l-possibbilta' tal-ftuħ taċ-Ċimiterju tal-Lhud ġewwa l-Kalkara għal pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-Ċimiterju tal-Kalkara huwa monument storiku tas-seklu tmintax u li llum m'għadux jintuża bħala post tad-dfin.
Għaldaqstant m'hemm ebda oġġezzjoni għal-ftuħ ta' dan is-sit għall-pubbliku sakemm in-natura sensittiva ta' dan il-post tiġi rispettata. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet m'għandu ebda studju speċifiku rigward il-ftuħ ta' dan is-sit għall-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport rigward il-possibbilta' tal-ftuħ ta' l-hekk imsejjaħ Ċimiterju tat-Torok ġewwa l-Marsa għal pubblika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-Ċimiterju Iżlamiku ġewwa l-Marsa (magħruf bħala ċ-Ċimiterju tat-Torok) huwa monument storiku tas-seklu dsatax u għadu qed jiġi użat attivament bħala post tad-dfin mill-komunita' Iżlamika ta' Malta.
Għaldaqstant mogħti l-parir li dan il-post m'huwiex addatat għall-ftuħ għall-pubbliku ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport rigward il-possibbilta' tal-ftuħ taċ-Ċimiterju tal-Lhud ġewwa l-Marsa għal pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li -Ċimiterju tal-Lhud ġewwa l-Marsa huwa monument storiku li nbena fis-Seklu dsatax. Dan iċ-Ċimiterju għadu qiegħed jintuża attivament bħala post ta' dfin mill-komunita' Ebrajka ta' Malta.
Għaldaqstant mogħti l-parir, li dan il-post m'huwiex addatat għall-ftuħ għall-pubbliku ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru żviluppi fuq ir-rapport ippreżentat mill-mibki Perit Joseph Huntingford rigward l-istat ta' l-imtieħen ġewwa Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, ser ikolli nwieġeb f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2993, Seduta Nru. 52?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista ta' l-iskejjel li f'Malta u Għawdex jestendu faċilitajiet ta' l-iskola wara l-ħin skolastiku ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Kunsilli ta' l-Iskola jiddeċiedu jekk l-iskejjel ikunux f'pożizzjoni li jilqgħu t-talbiet li jkollhom.
Peress li talbiet ta' l-Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi tas-sewqan tal-muturi u karozzi off hand sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jitħarġu u jipparteċipaw f'ċerti kategoriji ta' dixxiplina sportiva tas-sewqan li jorganizzaw l-istess organizzazzjonijiet sabiex jedukaw aħjar lil dawn l-atleti fis-sewqan, għandhom pendenti, jista' l-Ministr jikkonsidra mill-ġdid l-appell tiegħi li għamilt f'Seduta Nru. 44 ċioe' sabiex jitwaqqaf kumitat interministerjali bejn l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, ta' l-Intern, ta' l-ambjent u eċċ ħalli tiġi stabilita policy guidelines dwar dan l-isport hekk popolari fil-gżejjer tagħna?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwelnett għadni qed nistenna tagħrif dwar it-talbiet imsemmija stante li ninsab informat li mill-5 ta' Settembru 'l hawn id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma jidhirx li rċieva xi talba minn Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jitħarrġu u jipparteċipaw f'ċerti kategoriji ta' dixxiplini tas-sewqan.
Tlabt ukoll li ningħata parir dwar is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux riċevimenti jew ikliet mill-Ministeru tiegħu kif ukoll mis-Segretarju Parlamentari li jaqa' taħtu fl-okkażjoni tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-Sena?
Jekk saru, meta saru?
Fejn saru?
Min ipprovda l-ikel u x-xorb?
Kemm ġiet tiswa l-ispiża totali?
Inġabru kwotazzjonijiet għall-imsemmija riċevimenti jew ikla?
Jekk inġabru kwotazzjonijiet, mingħand min inġabru?
Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Mir-records ta' l-Accounts ta' l-Amministrazzjoni tal-Ministeru ma jirriżultax li saru xi riċevimenti jew ikliet li jaqgħu taħt l-okkażjoni tal-Milied 1998 jew ta' l-Ewwel tas-Sena.
Is-Segretarju Parlamentari għamel ikla għall-istaff fil-Meridien Phoenicia li l-ispiża tagħha ammontat għal Lm110.40 skond prezz u memu fissi miftiehma minn qabel.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li l-librerija ġewwa l-Auberge d'Angleterre, il-Birgu, tkun miftuha sas-7.00 p.m. matul il-ġimgħa u s-Sibt filgħodu sabiex tippermetti lil min jaħdem li jkun jista' jissellef kotba billi din tagħlaq mal-5.00 p.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħinijiet li qed tiftaħ il-Librerija tal-Birgu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, għalissa jidher li huma suffiċjenti. Dan hu bażat fuq l-ammont ta' self ta' kotba li jsir minn din il-librerija. Wieħed irid jinnota li l-ħinijiet ta' din il-librerija reġjonali huwa l-istess bħal-libreriji reġjonali l-oħra.
Qed isir arranġament biex il-librerija tal-Birġu tibda tiftaħ is-Sibt fil-għodu wkoll biex dawk il-persuni li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnha u ma jkunux jistgħu fil-jiem l-oħra minħabba xogħol, skola eċċ. ikunu jistgħu jinqed is-Sibt.