Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4472 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dingli — Skola - Żbroff ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li l-main tad-drenaġġ li ħiereġ mill-iskola ta' Ħad-Dingli fi Triq Santa Marija u li żbroffa xi tliet xhur ilu jitranġa minħabba li fl-istat li qiegħed qed jikkawża inkonvenjent kbir?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #4484 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club — President's Cup

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Marsa Racing Club staqsewx lil stazzjonijiet oħra dwar ix-xandir tat-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhijiex il-Policy tal-Kumitat tal-Malta Racing Club li javviċina lil stazzjonijiet televiżivi biex jara jekk humiex interessati fit-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup. Madankollu l-Kumitat dejjem lest li jikkonsidra t-talbiet kollha li jsirulu jekk ikun il-każ.
Leg 9 PQ #4528 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Primarji — Attendenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jattendu tfal fl-iskejjel Primarji tat-tieni distrett sena b'sena minn kindergarten sa Year 6?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #4568 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Basilika ta' Sant'Elena — Restawr

Question

Rigward il-mistoqsija parlamentari numru 4439, jista' l-Ministru jara li l-impjegati tiegħu jingħataw id-danger money bħall-ħaddieħor u jassigura li s-sigurta' tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol hija assigurata bl-apparat neċessarju?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi biex jindaga l-kwestjoni kollha tar-restawr tal-post imsemmi ordnat mill-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 9 PQ #4594 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Teatru Manoel — Palazzo Bonici

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni reċenti tal-qrati Maltin li ddikjarat li Palazzo Bonici li jifforma parti integrali tat-Teatru Manoel għandu jiġi rritornat lis-sidien oriġinali tiegħu, jista' l-Ministru jgħid kif se tolqot l-operazzjoni tat-Teatru Manoel u x-xogħol aniċillari li jmur miegħu? Dan il-bini diġa' ġie rritornat? Jekk fin-negattiv, meta se jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minħabba l-fatt illi l-Uffiċju ta' l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza msemmija, hu prematur wieħed jgħid x'ser isir mill-post imsemmi.
Leg 9 PQ #4595 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Teatru Manoel — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tat-twaħħil ta' estensjoni tal-palk tat-Teatru Manoel (orchestral pit) li kien beda jaħdem fuqu l-gvern preċedenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dwar l-estensjoni tal-palk permezz ta' "elevetor platform" l-offerti tat-tender jinsabu quddiem id-Direttur tal-Kuntratti.
Leg 9 PQ #4596 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Propretajiet — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jindika liema proprjetajiet statali ġew restawrati sena b'sena mill-1995 sa l-1998 (inkluża)?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li t-tagħrif mitlub jibda jinġabar u tweġiba tkun tista' tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #4604 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Health Care — Ħinijiet tal-librerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-librerija fl-Institute of Health Care? F'liema ġranet u perijodu ta' żmien tkun magħluqa l-librerija fl-IHC?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħinijiet tal-Pubbliku fil-Librerija ta' l-Institute of Health Care huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa bej id-9:00a.m. u l-5:15p.m. u s-Sibt bejn id-9:00a.m. u n-12:30p.m. Il-Librerija tkun miftuħa wkoll bejn il-5:15p.m. u s-7:00p.m. kull nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ġimgħa. Matul is-Sajf, bejn is-16 ta' Ġunju u t-30 ta' Settembru, il-Librerija tkun miftuħa għall-pubbliku bejn id-9:00a.m. u s-1:30p.m. b'overtime nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ġimgħa sal-5:00p.m. Il-Librerija tkun magħluqa fil-Ħdud u l-Btajjel Pubbliċi, kif ukoll fl-ewwel ħmistax ta' Awissu għal stock-taking.
Leg 9 PQ #4605 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Health Care — Librerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-gradi tal-persuni li jaħdmu fil-librerija ta' l-Institute of Health Care? Kemm minnhom jaħdmu fuq roster basis? X'inhuma l-ħinijiet li jaħdmu f'kull każ? Dawn il-ħinijiet jinkludu l-weekends u festi pubbliċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Librerija ta' l-Institute of Health Care hija mmexxija minn Assistant Librarian, mgħejjun minn Health Assistant li hija preżentement sekondata minn mad-Dipartiment tas-Saħħa. Iż-Żewġ impjegati jaħdmu u jalternaw biss fuq roster fil-ħinijiet ta' l-overtime, jiġifieri nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ġimgħa bejn il-5:15p.m. u s-7:15p.m, kif ukoll nhar ta' Sibt bejn id-9:00a.m. u n-12:30p.m. Matul in-nofs ta' nhari tas-sajf, il-ħinijiet ta' l-overtime tat-Tlieta u l-Ġimgħa jkunu mis-1:30p.m. sal-5:00p.m. Il-ħinijiet ta' dawn l-impjegati huwa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-7:45a.m. u l-5:15p.m., (sajf 7:30a.m. - 1:30p.m.) u ħinijiet oħra ta' overtime kif stipulat fil-paragrafu preċedenti. Il-Librerija ma tkunx miftuħa fil-Festi Pubbliċi, fil-Ħdud, u fl-ewwel ħmistax ta' Awissu għal stock-taking.

Mdina — Palazzo Falzon

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jikkonsidrax li Palazzo Falzon, ossia id-dar Normanna ġewwa fl-Imdina, tinfetaħ fuq bażi regolari?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Palazzo Falzon, magħruf ukoll bħala n-Normann House fl-Imdina, huwa propjeta' tal-Capt. O.F. Gollcher Art & Archaeological Foundation, li c-Chairman tagħha huwa dejjem ex officio d-Direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Jiena informat ukoll li hemm diffikultajiet dwar is-sigurta', u oħrajn ekonomiċi, li jagħmluha diffiċli biex Palazzo Falzon jinfetaħ għall-pubbliku fuq bażi regolari. Biss, ġejt mgħarraf li l-board ta' Fondazzjoni Gollcher qed tistudja pjan biex Palazzo Falzon jiġi ġestit b'mod li jaqdi l-ħtiġijiet tal-pubbliku b'mod iktar regolari.

Mdina — Palazz tal-Gran Mastri - Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' restawr wasal il-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina fejn hemm il-Mużew ta' l-Istorja Naturali u jekk tul is-sena d-dieħla huwiex se jkun lest il-proġett kollu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata ta' Misraħ il-Kunsill tlesta u restawr ieħor għandu jibda matul din is-sena. Dan ir-restawr jista' jdum ma jitlesta minħabba l-volum ta' xogħol illi jirrikjedi.
Leg 9 PQ #4069 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Rabat Ajax FC — Ground

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li r-Rabat Ajax Football Club ingħataw uffiċjalment il-ground tal-football li fil-mument jipprattikaw fih? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi qed jagħmel ħiltu biex dan il-ground, li huwa propjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar, jingħata uffiċjalment lir-Rabat Ajax Football Club. Fil-fatt diġa' hemm korrispondenza bejnu u l-Awtorita' tad-Djar u bejn l-istess Awtorita' u l-Club tar-Rabat Ajax bil-għan li jintlaħaq ftehim.
Leg 9 PQ #4070 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport tal-karozzi/muturi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'policy nazzjonali għandu l-gvern għall-isport tal-karozzi u muturi fil-gżejjer tagħna? Xi żviluppi se jsiru fil-faċilitajiet eżistenti u kemm hija n-nefqa vvotata għal dawn ix-xogħlijiet? Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-ASM tingħata uffiċjalment il-korsa ta' Ta'Qali li ilha torganizza l-attivitajiet nazzjonali tagħha sa mill-1986? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Gvern għadu fil-proċess li jifformula policy dwar l-isport tal-karozzi u muturi fl-isfond ta'dak li kien imwiegħed fil-Programm Elettorali. L-iżvilupp tal-faċilitajiet eżistenti jkun jista' jiġi kkunsidrat meta tiġi mfassla din il-policy. Il-Kunsill Malti għall-Isport kien diġa' beda didkussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fir-rigward ta' Ta' Qali Action Plan u l-faċilitajiet sportivi eżistenti ġewwa Ta' Qali. Dawn id-diskussjonijiet jitkomplew wara li jiġi maħtur il-Kunsill Malti għall-Isport.
Leg 9 PQ #4110 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

British Cultural Association — Kompetizzjoni ta' essays

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-inizjattiva meħtieġa biex għas-sena li qegħdin fiha aktar studenti mill-iskejjel tal-gvern jieħdu sehem fil-kompetizzjoni tal-kitba ta' l-essays organizzata mill-British Cultural Associaton?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif kelli l-okkażjoni nirrimarka waqt il-preżentazzjoni tal-premjijiet tal-kompetizzjoni organizzata mill-British Cultural Association indagajt ir-raġuni għall-assenza ta' kompetituri minn fost studenti ta' skejjel statali. Irriżultali li t-tagħrif meħtieġ, biex toħroġ iċ-ċirkolari fl-iskejjel ta' l-Istat li ssejjaħ studenti interessati jieħdu sehem f'din il-kompetizzjoni, ma wasalx fl-uffiċċju tal-Youth Service Organisation. Kif wegħedt fl-okkażjoni msemmija qed nieħu passi biex f'kompetizzjoni oħra l-istudenti ta' l-Iskejjel Statali jkunu rappreżentati.
Leg 9 PQ #4114 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Adoloxxenti jaħdmu illegalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema skejjel ġejjin t-33 adoloxxenti taħt is-16-il sena li matul l-1998 inqabdu jaħdmu illegalment?

Response (GALEA, LOUIS)

L-iskejjel li minnhom ġejjin l-istudenti huma dawn: SUBIEN BNIET St Joseph Boys St Andrew's Girls J/L 1 J/L (Corradino) 1 Rabat Girl's Sec. 2 Marsa Boys Trade 1 Agius de Soldanis, N. Cremona Complex Girls Secondary 1 (Gozo) 1 Cospicual Girls Sec. 2 Żebbuġ Boys Sec. 1 Mosta Girls Sec. 1 Qormi Boys Sec. 2 Blata l-Bajda Girls J/L 1 Marsa Boys Sec. 1 Marsa Girls Centre 1 Paola Boys Sec 1 M'Assumpta Girls Sec. 1 Naxxar Trade School 4 Mrieħel Girls J/L 1 Umberto Calosso Trade School 2 B'Kara Boys Sec. 1 Gżira Boys Sec. 3 Bighi Trade School 1 Fuq 3 mill-istudenti l-iskola minn fejn ġejjin mhix magħrufa għaliex l-informazzjoni li kienet waslet fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mill-E.T.C. mhix suffiċjenti.
Leg 9 PQ #4439 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bażilika ta' Sant'Elena — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-impjegati li hemm jaħdmu fuq ir-restawr tal-faċċata tal-Bażilika ta' Sant'Elena humiex impjegati tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u jekk iva, taħt liema terms of reference qegħdin hemm u b'liema kondizzjonijiet ta' xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Nikkonferma li l-impjegati huma mill-iskola Gerolamo Cassar li tagħmel parti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Jiena informat illi sena u nofs ilu dawn il-ħaddiema kienu ingħataw struzzjonijiet verbali mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jaħdmu fuq restawr tal-faċċata tal-Bażilika ta' Sant Elena u ma kienu ingħataw l-ebda terms of reference jew kondizzjonijiet speċifiċi.
Leg 9 PQ #3314 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Rigali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx rigali lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998? Jekk ingħataw, jista' l-Ministru jgħid lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni ta' l-għażla ta' dawn l-individwi? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża totali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ebda rigal ma ġie mixtri għall-okkażjoni tal-Milied 1998.

Kalkara — Bieb is-Salvatur - Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk sarx studju jew rapport min-naħa tal-kultura rigward l-ispejjeż involuti fir-restawr tal-Bieb is-Salvatur ġewwa l-Kalkara?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li ma jirriżultali l-ebda studji propju fuq is-suġġett, tlabt l-awtorita' kompetenti tagħtini opinjoni informata fuqu.
Leg 9 PQ #4106 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Supply kindergarten assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn intbagħtu jaħdmu t-48 supply kindergarten assistants li bdew ix-xogħol fuqhom fil-25 ta' Jannar, 1999? Kemm tfal bi bżonnijiet speċjali qed jilħqu dawn it-48? Għad fadal tfal bi bżonnijiet speċjali li għadhom ma bdewx l-iskola din is-sena għax m'għandhomx assistenza?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn 48 supply kindergarten assistants li ntbagħtu mat-tfal bi bżonnijiet speċjali fil-25 ta' Jannar 1999: 8 irrifjutaw ix-xogħol 1 waiting list 39 l'oħra ġew ippustjati f'dawn l-iskejjel: B'Bugia 'A' Primary School B'Kara 'A' Primary School B'Kara 'B' Primary School Dingli Primary School Fgura 'A' Primary School Gżira Primary School Ħamrun School Street Primary School Ħamrun Vincenzo Buġeja 'A' Primary School Kirkop Primary School Lija Primary School Mosta 'A' Primary School Mqabba Primary School Msida Primary School Paola 'A' Primary School Paola 'B' Primary School Pembroke primary School Pieta' Primary School Qormi St Goerge 'A' Primary School Qrendi Primary School Rabat 'A' Primary School Safi Primary School San Ġwann 'A' Primary School San Ġwann 'B' Primary School St Julian's Primary School St Paul's Bay Primary School St Venera 'A' Primary School Tarxien 'A' Primary School Xgħajra Primary School Cospicua Girls' Secondary School Paola Boys' Secondary School Qrendi Visually Impaired Dawn is-supply kindergarten assistant qed jieħdu ħsieb 44 tfal. Minn dawk it-tfal li sa issa irċevejna rapport mill-iStatementing Board hemm tifel wieħed (KG) li għad ma jistax jidħol l-iskola għax is-supply Kindergarten Assistant li ntbgħatet biex tgħin li dan it-tifel irrifjutat ix-xogħol u ma hemm ħadd iżjed li jista' jintbgħat. Id-Diviżjoni bdiet il-proċess biex toħroġ sejħa għal supply kindergarten assistants.
Leg 9 PQ #4108 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li matul l-1999 se jkunu qed jimpenjaw ir-riżorsi umani u finanzjarji tad-dipartiment tal-mużewijiet? X'se tkun in-nefqa f'kull proġett? F'liema stadju ta' twettiq jinsabu dawn il-proġetti u f'liema stadju se jkunu waslu sa l-aħħar ta' l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġetti huma dawn li se nsemmi: 1. National Museum of Archeology Lm115,603 2. Hypogeum Lm 16,292 3. Maritime Museum Lm 960 4. Għar Dalam Lm 24,886 5. Fine Arts Lm 11,000 6. Ħaġar Qim u Mnajdra Lm 17,000 7. Ethnography Museum Lm 16,300 8. War Museum Lm 10,000 9. Caravaggio Project Lm 8,000 10. Bighi Restoration Centre Lm180,000 11. Ticketing System Lm100,000 Il-proġetti bin-numri 3, 5, 7, 8 u 11 jinsabu fl-istadju tal-bidu, in-numri 1, 6 u 10 qgħedin f'nofs il-proġett, filwaqt li n-numri 2,4 u 9 jinsabu fi stadju avvanzat. Sa l-aħħar ta' l-1999 il-proġetti bin-numri 3, 5, 6, 7 u 8 ser ikun għad baqalhom xogħol konsiderevoli xi jsir, in-numri 1, 4, 10 u 11 ser ikunu fi stat avvanzat filwaqt li l-proġetti bin-numri 2 u 9 għadhom ser ikunu lesti. Ta' min wieħed isemmi li l-maġġor parti tal-proġetti m'humiex intenzjonati li jitlestew fl-1999 għaliex huwa ppjanat li jitwettqu fuq numru ta' snin.