Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija — Riżenja ta' membri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm irriżenjaw membri tal-Korp tal-Pulizija matul is-sena 2006 u bejn Jannar 2007 u April 2007? Jista' jikkategorizza bejn rank u ieħor?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri tal-Korp li rriżenjaw matul is-sena 2006 u bejn Jannar u April ta’ l-2007 hu kif ġej:- PSPCWPC 2006184 2007-31

Korp tal-Pulizija — Għoti ta' warrant

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni biex jassigura li s-surġenti tal-Korp tal-Pulizija li ggradwaw b'dottorat tal-liġi u li ngħataw il-warrantbiex jipprattikaw bħala avukati fil-Qrati jingħataw il-grad ta' spettur mingħajr żieda fl-irbit kuntrattwali aktar minn dak li kienu oriġinarjament marbutin bih meta kienu ssieħbu fil-kors tal-liġi snin ilu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sejħa li kienet ħarġet fl-2000, kif ukoll f'dawk preċedenti, sabiex membri tal-Korp jiġu sponsorjati sabiex isegwu kors fil-Fakulta' tal-Liġi, qatt ma kien speċifikat li wara li wieħed jiggradwa, ikun awtomatikament intitolat għal xi promozzjoni. Il-kors ta' l-Ispetturi huwa strutturalment differenti minn dak li wieħed isegwi sabiex jikseb grad akkademiku mill-Fakulta' tal-Liġi. Dan il-kors jinkludi fih suġġetti oħra importanti fosthom, l-investigazzjonijiet tar-reati, proċedura amministrattiva relatata max-xogħol ta' spettur, leadership skills, prevenzjoni ta' kriminalita', kif ukoll it-tmexxija effettiva ta' l-għases u branki tal-korp. Għaldaqstant, u bħal ma sar fis-snin l-imgħoddija ma' applikanti li kienu ggradwaw mill-Fakulta' tal-Liġi, fosthom ukoll wieħed b'Dottorat, f'dan il-każ irid isir ukoll l-irbit kuntrattwali skond ma' kif tispeċifika s-sejħa għal applikazzjonijiet relattiva.

Korp tal-Pulizija — Postijiet vakanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju jinsab il-proċess tas-sejħa biex jimtlew postijiet vakanti għal rank ta' spettur fil-Korp tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li issa li għalqu l-applikazzjonijiet għas-sejħa ta' postijiet sabiex jimtlew vakanzi fil-grad ta' Spettur tal-Pulizija, l-applikazzjonijiet qegħdin jiġu eżaminati minn Bord ta' l-Għażla sabiex jiġi determinat li l-applikanti jissodisfaw il-kriterji mitluba fis-sejħa li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern Nru: 18,053 ta' l-20 ta' Marzu, 2007. Sussegwentament, wara dan il-proċess, mistenni jingħata bidu fil-futur qarib għall-eżami tal-Effiċjenza Fiżika.

Pulizija — Rapporti ta' suwiċidji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru suwiċidji mill-bidu ta' l-2007 sal-lum u kemm kellhom eta' il-persuni nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Marzu ta' din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija 7 każi ta' suwiċidju. L-eta' ta' dawk involuti kienet bejn l-40 u t-68 sena.

Golf Course

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jiġri dwar il-qbiela tar-raba' u żewġt idjar fil-Manikata, Għajn Tuffieħa u x-Xagħra l-Ħamra li sena u nofs ilu ġiet itterminata lill-bdiewa biex jagħmlu wisa' għall-korsa tal-golf li kellha ssir fl-inħawi u mhux se ssir iżjed? X'se jsir mill-bdiewa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm il-kirja ġiet itterminata, sa issa, il-bdiewa la ġew imwaqqfa milli jaħdmu r-raba' u lanqas ma ġew mitluba joħorġu mid-djar tagħhom.

Community service

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni illum illi weħlu xi forma ta' community service? X'kien ir-reat? X'forma ta' community service ingħataw u għal kemm? Min jimmonitorja li l-ħati effettivament "jaħdem" waqt iż-żmien tal-community service?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 22 persuna li weħlu xi forma ta’ xogħol fil-komunita. It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar dawn il-każijiet hu kif ġej:- Dawn il-każijiet jirrigwardaw ir-reati segwenti: · 2 dwar frodi · 4 dwar droga (persuni li jkunu ħarġu mill-vizzju) · 16 dwar serq Ix-xogħol fil-komunita seħħ f’10 NGO’s, 3 entitajiet tal-knisja u 9 Kunsilli Lokali. Il-ħatja ġew mogħtija dawn ix-xogħolijiet: · tindif u manutenzjoni: 17-il każ · assistenza lil facilitator: 3 każijiet · filing (computerised jew manual): 2 każijiet F’dawn il-każijiet ingħataw total ta’ 2,400 siegħa xogħol imqassma f’dan il-mod: · 2 każijiet ta’ 50 siegħa · 1 każ ta’ 70 siegħa · 13-il każ ta’ 100 siegħa · 2 każijiet ta’ 120 siegħa · 3 każijiet ta’ 150 siegħa · 1 każ ta 240 siegħa Il-ħati jiġi mmoniterjat mill-Uffiċċju tal-Probation, bil-kooperazzjoni ta’ l-entita li tipprovdi x-xogħol. Ix-xogħol isir mill-ħati fil-ħin liberu tiegħu.

Esperti tal-qorti

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 24167, jista' l-Ministru jgħid: Liema kriterji ntużaw fl-għażla ta' l-espert tal-qorti fir-rigward tad-DNA u drug testing? X'inhuma l-kwalifiki minimi meħtieġa? Huwa minnu li jintgħażlu nies bħala esperti tal-Qorti mingħajr ma dawn lanqas għandhom l-ewwel degree fix-xjenza? Min hu l-espert xjentifiku tal-qorti fuq id-DNA fil-qorti tal-familja u xi kwalifiki għandu? Fuq liema kriterju ssir l-għażla ta' l-esperti tal-qorti fuq id-DNA, dejjem fil-każ tal-qorti tal-familja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-kawżi ta' natura kriminali, l-għażla ta' l-esperti hija mħollija fid-diskrezzjoni tal-ġudikant. Għar-rigward il-Qorti tal-Familja, l-esperti li normalment jiġu nkarigati fuq materja ta' DNA huma s-Sur Christopher Farrugia u Dr Ronald Blundell. Hawn ukoll il-qorti teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fl-għażla ta' l-esperti għalkemm mhux l-ewwel darba li taċċetta nomina fejn il-partijiet fil-kawża jkunu qablu fuq persuna partikolari.

Appartament tal-Gvern — Trobbija ta' annimali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25401 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara jekk l-annimali li hemm fuq il-bejt f'appartament tal-gvern, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, humiex miżmuma skond il-liġi? Tista' tikkonsidra wkoll l-istat tal-kumplament ta' dan l-appartament minn ġewwa, ċioe' fit-taraġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ser jinvestiga l-ilment imqajjem mill-Onor. Interpellant.

Membri tal-Korp tal-Pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24674, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-kors ta' spetturi? Dawn kollha huma diġa' membri tal-Korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għal aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għall-postijiet ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija, li għalqet fit-13 ta' April 2007, kien hemm 63 applikazzjoni. Kien hemm 38 applikazzjoni minn membri tal-Korp u 25 applikazzjoni minn persuni li m'humiex membri tal-Korp tal-Pulizija.

Biċċa art miftuħa — Ħajt

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 25629, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li f'każ ta' artijiet maqbuda għand il-gvern se jkun l-istess gvern li jkun responsabbli biex itella' ħajt mal-periferija ta' l-art kif mitlub mill-Ministeru ta' l-Ambjent?

Response (BORG, TONIO)

Normalment artijiet li jiġu esproprjati jibqgħu jiġu okkupati mis-sidien jew inkwilini li jkunu qegħdin jaħdmuhom sa dik il-ġurnata li l-gvern jiddeċiedi li jidħol fuqhom sabiex iwettaq il-proġett li jkunu ġew esproprjati għalih. Fil-każ li jkun hemm il-bżonn li l-art tingħalaq b'ħajt, dan ix-xogħol huwa ir-responsabbilita' tad-dipartiment jew entita' tal-gvern li tkun talbet l-esproprju tal-art.

Art esproprjata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi ħsibijiet għandu l-gvern dwar art esproprjata snin ilu u li sal-lum baqgħet ma ntużatx għall-iskop li ġiet esproprjata għalih u li hija proprjeta' tas-sinjuri li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art esproprijata kif indikata mill-Onor. Interpellant, ġiet esproprijata fuq talba tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

ID Cards

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet minn persuni li għamlu bidla fis-sess biex ibiddlu l-karta ta' l-identita' minn raġel għal mara, mis-sena 2000, sena b'sena sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Minn naħa ta' l-Uffiċċju Elettorali ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li applikaw biex jibdlu l-ġeneru tas-sess fil-Karta ta' l-Identita' kien kif ġej:- Sena Numru 2002 1 2003 1 2005 3 2006 1 2007 1 Ninsab infurmat li dawn ta' hawn fuq mhux bilfors li kellhom bidla fis-sess, iżda jista' jkun li kien hemm żball fiċ-ċertifikat tat-twelid oriġinali. Mhux ta' min jeskludi li jista' jkun li persuni li għamlu bidla fis-sess ma applikawx biex jibdlu l-ġeneru tas-sess tagħhom fil-karta ta' l-Identita'.

Persuni li għerqu fit-territorju Malti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati li għerqu persuni fit-territorju Malti sena b'sena, mis-sena 2000 sal-lum? Jista' jgħid in-nazzjonalita' tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul il-perijodu mitlub sa l-aħħar ta' Marzu 2007 kien hemm 52 persuna li tilfu ħajjithom kawża ta' għarqa. Minnhom 32 kienu ta' nazzjonalita' barranija li kienu ġejjin mill-Awstrija, Renju Unit, Italja, Libja, Tuneżija, Olanda, Repubblika Ċeka, Eġittu u l-Ġermanja.

Qorti — Kaċċaturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu kaċċaturi l-qorti matul is-sena 2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija ressqet 419 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ, kif emendat; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali; ir-Regolamenti ta' l-2006 dwar il-Konservazzjoni ta' l-Għasafar Selvaġġi u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).

Pulizija — Clamping u towing ta' vetturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' clamping u towing matul is-sena 2006 skond il-lokalita'? Kemm inġabru flus minn dawn il-kontravenzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi billi l-informazzjoni miġbura għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Qrati — Ħlas ta' multi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern minn multi fil-Qrati ta' Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment ta' l-artijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali li fil-mument id-dipartiment ta' l-artijiet għandu jirrifondi lill-persuni/kumpanniji għall-valur tal-proprjeta' li ġiet esproprjata tul is-snin? Għal kemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont globali ta' kumpens għal art li d-Dipartiment ta' l-Artijiet għandu jirrifondi fil-mument huwa ta' Lm23,399,371. Dan l-ammont ma jinkludix żieda li jista' jkun hemm minħabba li f'ċerti każi jkun hemm il-ħtieġa illi ssir rivalutazzjoni tal-prezz ta' l-art u ukoll ma jinkludix l-imgħax dovut lis-sidien ta' l-art.

Qrati — Multi fuq tipjip

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni weħlu multa jew se jitressqu quddiem il-qorti għaliex inqabdu jpejpu f'postijiet projbiti għat-tipjip?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet għall-Pubbliku, sa l-aħħar ta' Marzu 2007, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 1,439 persuna. Dwar x'sentenzi weħlu, din l-informazzjoni ma tinżammx taħt forma ta' statistika.

Każi ta' suwiċidji

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 18677 jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti t-tweġiba fl-istess format li kien ta bħala tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37089 tad-19 ta' Novembru 2002, u ċioe' l-istatistika uffiċjali f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena separatament tal-kawża tal-mewt (method of suicide) f'kull każ individwali, inkluż is-sess u l-eta' tal-vittmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.