Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3580 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima?
B'riferenza għar-risposta li tani l-Ministru, jista' jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba tal-validita'?
Response (REFALO, MICHAEL)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li diġa' tajt fis-Seduta 88 għall-Mistoqsija Numru 4966.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3567 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima?
B'riferenza għar-rispsota li tani diġa' għal din il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba biex nagħti raġuni għaliex qed nitlob l-imsemmija informazzjoni?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-Onor. Membru ma ta ebda raġuni li ssostni l-importanza u validita' msemmija minnu, m'għandix xi nżid mat-tweġiba li tajtu qabel ħlief li jekk jitlob għalihom, dispost nagħtih il-faċilitajiet kollha biex jagħmel l-indaġini tiegħu personalment fil-Ministeru u d-dipartimenti u l-organizzazzjonijiet li politikament responsabbli minnhom.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferih għall-prassi kif spjegata fl-aħħar edizzjoni ta' l-'Erskine May'.
Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' PRO fil-Ministeru tiegħu? Meta ġie appuntat? X'inhu s-salarju tiegħu? Din il-persuna ddaħħlet b'kuntratt u għal kemm żmien?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-istruttura tas-segretarjati tal-Ministeri ma teżistix kariga ta' 'Public Relations Officer'. Għalhekk qed nippreżumi li l-Onor Membru qed jirreferi għal post ta' 'Communications Co-ordinator' fis-Segretarjat tiegħi.
Is-Sur Silvio Zammit ġie magħżul biex jaqdi d-dmirijiet ta' din il-kariga. Ilu jippresta s-servizzi tiegħu sa mill-5 ta' Frar 1999 u dan għalkemm il-kuntratt tiegħu għadu ma ġiex iffirmat. Meta u jekk dan jiġi ffirmat, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-remunerazzjoni jkunu bħal dawk ta' 'Communications Co-ordinators' f'Ministeri oħra skond l-iskeda stabbilita.
S'issa s-Sur Zammit ma rċeva l-ebda ħlas għas-servizz li ta.
In vista tal-fatt li fuq il-villaġġ tas-Sbejħa fi Triq Mongur, Għarb, Għawdex, kienu ħarġu żewġ enforcement orders numri 1343/96 u 236/97 mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u in vista tal-fatt ukoll li l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni diġa' ppronunzjat ruħha fuq din il-materja, jista' l-Ministru jispjega kif qegħdin jinħarġu l-liċenzji relattivi mill-HCEB għal kiri ta' l-istess appartamenti li ma nbnewx bħala maisonettes skond il-permess li kien inħareġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-permessi għall-'holiday furnished premises' maħruġa mill-Bord tal-Lukandi u Stabbilimenti li jservu l-Ikel f'tas-Sbejħa, Għarb, Għawdex jappartjenu għal dawk il-postijiet li huma koperti bil-permess tal-bini u li dwarhom kien sar qbil fil-Qorti t'Għawdex bejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-'Gozo Consolidated Building Limited' f'April 1997 kif jirriżulta mir-Rikors Numru 278/97 G3 li kopja tiegħu qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jidher li hemm ukoll għadd ta' appartamenti li dwarhom saret applikazzjoni għall-bini iżda li ma tistax tinħareġ liċenza għalihom qabel ma tingħata l-approvazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bars u restaurants f'Malta li għandhom permess li joħorġu mwejjed fuq barra quddiem il-ħwienet tagħhom? Kemm-il mejda jista' joħroġ kull ħanut? Kemm jitħallas ta' kull mejda?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nistieden lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta' l-Intern li hu l-Ministru responsabbli mitt-tħaddim tar-regolamenti u liċenzi li għandhom x'jaqsmu ma' din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat li fl-ITS s'issa għad m'hemmx lecturer tal-Housekeeping? Dawk l-istudenti li għandhom diploma fl-Accomodation Operations Management u li se jispiċċaw il-kors din is-sena, kif se jiġu effetwati?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-ITS ħareġ tlett applikazzjonijiet biex jimtela l-post vakant ta' 'Lecturer/Assistant Lecturer' fil-'Housekeeping'. F'kull każ ir-riżultat kien negattiv sew għaliex min applika ma kellux kwalifiki neċessarji kif ukoll għaliex is-salarju offrut ma kienx attrajenti biżżejjed.
Informat li dan l-aħħar instabet persuna bil-kwalifiki neċessarji (Lecturer fl-Universita' ta' Malta) li aċċettat tgħallem fuq bażi 'part-time'. Il-lezzjonijiet skond il-programm ta' studju se jingħataw kollha u b'hekk jidher li l-istudenti mhumiex se jkunu effettwati negattivament.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti proposti u l-parametri proposti ta' sit tal-White Rocks Holiday Complex kif propost li jingħata lil privat mill-gvern? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar dak propost fil-proġett imsemmi? Jaf jew le l-Ministru li l-White Rocks Holiday Complex jagħmel parti mill-konfini tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif żgur jaf l-Onor. Membru d-'Development Brief' dwar il-'White Rocks Holiday Complex' jinsab għall-bejgħ mill-Ministeru u ma jidhirlix li jkun xieraq li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, għalhekk aċċessibbli mingħajr ħlas, waqt li ħaddieħor ikun ħallas qabel ma jagħlaq iż-żmien stabbilit għar-reġistrazzjoni ta' interess fil-proġett.
Naħseb li l-Onor. Membru jaf ukoll li din mhijiex l-ewwel darba li tnieda dan il-proġett u nikkonferma li peress li mill-'foot print' oriġinali, kif suġġerit mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, ma nbidel xejn mill-1995 sallum, il-Kunsill Lokali ta' Pembroke ma ġiex konsultat qabel is-sejħa li saret riċentement. Inżid ngħid li sallum la fil-Ministeru u l-anqas fid-Dipartiment tat-Turiżmu ma waslu kummenti ta' ebda xorta mill-Kunsill ta' Pembroke.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-ministeru, segretarjat parlamentari,meta jagħti l-każ, u mid-dipartimenti governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu żaret pajjiżi barra minn Malta minn Ottubru 1998 sal-lum? Minn min kienu magħmula d-delegazzjonijiet msemmija? Fuq liema xogħol attendiet kull delegazzjoni? Kemm swiet l-ispiża ta' kull delegazzjoni?
Response (REFALO, MICHAEL)
It-tagħrif mitlub għall-perijodu bejn Ottubru 1998 sad-data tal-Mistoqsija hu kif jidher hawn taħt:
Kompożizzjoni tad-Delegazzjoni Għan taż-Żjara Spiża
Ministru u C. Micallef St. John Żjara dwar Lm 962
proġetti ġodda
fl-Irlanda
Ministru, L. P. Naudi, C. Micallef Iffirmar ta' Protokoll Lm1,199
St. John u M. Portelli dwar it-Turiżmu mat-
Turkija u Fiera tat-
Turiżmu f'Istanbul
L. O. Borg Żjajjar f'lukandi fir- Lm 645
Renju Unit għal
'placement' ta'
studenti ta'
l-'Institute of Tourism
Studies'
J. Bonello, T. Camilleri, 'Monitoring' ta' Lm2,975
A. Borg u A. Calleja studenti ta' l-
'Institute of Tourism
Studies' f'lukandi fir-
Renju Unit
L. O. Borg, M. Pinchbeck u Ftehim mal-'Forte' u Lm2,998
S. Micallef 'Stakis Groups',
żjajjar f'lukandi fejn
se jsir 'placement' ta'
studenti ta' l-'Institute
of Tourism Studies' u
kollaborazzjoni mill-
qrib ma' diversi
universitajiet u
kulleġġi fir-Renju
Unit
T. Camilleri 'Euro Chrie Conference Lm 514
for Hospitality
Industry' fl-Isvizzera
L. P. Naudi, ċ-'Chief Executive, Laqgħat ma' u ffirmar Lm1,368
N.T.O.M.,' G. Micallef u T. ta' Protokoll dwar it-
Camilleri Turiżmu ma' l-awtoritajiet
Tuneżini
G. Micallef 'South meets North Lm 268
Conference and Workshop'
fl-Italja
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema Beach Cleaners qed jagħmlu xogħol jew għamlu xogħol ta' manutenzjoni tal-Ġnien Indipendenza, Sliema?
Jista' l-Ministru jgħid min ordna dan ix-xogħol?
Jista' l-Ministru jgħid min ta l-ordni biex dawn il-ħaddiema jagħmlu dan it-tip ta' xogħol?
Jista' l-Ministru jgħid min se jħallas għal dan ix-xogħol u lil min se jsir il-ħlas?
Jaf jew le l-Ministru li dawn il-ħaddiema huma Group B/General Hand u għalhekk mhux suppost li tqabdu jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-Ministeru tat-Turiżmu ta' spiss jirċievi talbiet minn Kunsilli Lokali biex isir xogħol ta' manutenzjoni fuq postijiet pubbliċi bħal ġonna jew postijiet turistiċi. Il-Kunsill tas-Sliema għamel talba simili biex isir xogħol ta' manutenzjoni fuq il-Ġnien ta' l-Indipendenza.
Id-Dipartiment tat-Turiżmu laqa' din it-talba u sar xogħol ta' żebgħa ta' bankijiet, railings madwar il-Ġnien u xogħol ieħor simili. Iż-żebgħa u materjal ieħor ġie provdut mill-Kunsill Lokali u d-dipartiment ma daħal għal ebda spiża żejda.
Dan ix-xogħol hu skond il-politika tal-Ministeru li jsebbaħ il-prodott turistiku madwar Malta kollha. Xogħol simili sar fl-inħawi tal-Forti ta' Sant Anġlu u fl-inħawi ta' Għar Ħasan.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ftehim proġettat ma' l-Accord li jieħdu f'idejhom l-MCC li kien nieda Gvern Laburista biex din tieqaf finanzjarjament fuq saqajha?
Kemm hemm ħaddiema bħalissa mal-MCC? X'inhuma l-pjanijiet dwar dawn il-ħaddiema? Kemm kien it-telf/profitt tal-MCC sena b'sena mill-1994 sal-1998 (it-tnejn inklużi)?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni bħala l-Ministru responsabbli mill-'Mediterranean Conference Centre'.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu fir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu minn allowance għad-degree jew diploma li għandhom? X'inhuma s-suġġetti li huma ċċertifikati fihom? X'inhuwa x-xogħol li qegħdin jagħmlu bħalissa?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħi hemm ħames impjegati li jgawdu minn 'qualification allowance'. Tnejn minnhom huma 'substantive teachers' u għandhom kull wieħed Lm120 fis-sena skond ftehim bejn il-Gvern u l-'Malta Union of Teachers' dwar responsabbiltajiet speċjali. It-tnejn jaqdu d-dmirijiet tagħhom fl-'Institute of Tourism Studies'.
Ninsab infurmat ukoll li hemm 'lecturer' ieħor fl-'Institute of Tourism Studies' li minbarra l-Lm120 fis-sena jieħu wkoll Lm200 għax gradwat 'Bachelor of Arts'.
Fl-aħħarnett hemm żewġ 'Senior Principals', it-tnejn ma' l-'Hotels and Catering Establishments Board', wieħed li għandu 'Diploma in Public Administration' u l-ieħor li għandu 'Diploma in Labour Studies'. It-tnejn għandhom Lm150 fis-sena kull wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ingħatat somma ta' flus bħala sponsorships lil promoturi li organizzaw iż-żjara tal-Juventus f'Malta?
Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawn il-promoturi?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tammonta s-somma mogħtija u mil-liema fond ġiet mogħtija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret, ma' min saret u fejn saret qabel ġie deċiż, li jingħata dan l-isponsorship?
Jista' jgħid x'forma ta' ftehim ġie milħuq u meta ġie milħuq u min innegozjah?
Jista' jgħid jekk sarx ftehim bil-miktub u jekk sar ipoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-logħba bejn it-tim tal-Juventus u selezzjoni Maltija ġiet meqjusa bħala opportunita' biex il-gżejjer tagħna jingħataw pubbliċita' estensiva barra minn Malta.
Fil-fatt, minbarra li l-logħba intweriet fuq l-istazzjon Taljan 'Rai Tre', din ixxandret ukoll fuq l-istazzjon tal-'cable' ġewwa Franza, l-'AB Sports', l-'Egypt TV' ta' l-Eġittu, kif ukoll il-'JCS' ta' l-Iżrael.
Din it-tip ta' promozzjoni għal Malta kienet tassew 'cost effective' meta wieħed iqis li huwa stmat li madwar ħmistax il-miljun telespettatur raw din il-logħba, kif ukoll l-'ispots' pubbliċitarji dwar Malta, li ppreparat l-NTOM u li ntwerew fl-intervall tal-logħba.
Il-promozzjoni ta' dan l-avveniment ġiet ikkoordinata mill-'Head Office' ta' l-NTOM u l-uffiċċji tagħna f'Milan u Pariġi, flimkien mal-Juventus F.C.
L-ispiża totali ta' din l-inizzjattiva għall-NTOM ġiet tammonta għall-Lm11,000.
Kienet il-kumpanija 'Robert Arrigo & Sons Ltd' li ressqet il-proposta oriġinali u, kif ingħad qabel, l-avveniment tqis sew mid-diriġenza tal-'N.T.O.M.' kif ukoll minni li kien ta' siwi promozzjonali għal Malta. Il-ftehim dwar il-partita sar mill-promoturi u l-Juventus u għaldaqstant mhuwiex propjeta' pubblika. Iżda ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala kontro-partita għall-isponsorizzazzjoni Malta kisbet il-vantaġġi u d-drittijiet pubbliċitarji, fosthom dak li ssemma aktar 'l fuq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 3567 fis-Seduta 67 tat-23 ta' Frar 1999.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kien hemm gwidi liċenzjati fil-lingwa Franċiża, Taljana u Tedeska tul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm nisa?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-pożizzjoni fis-snin imsemmija kienet kif jidher hawn taħt:
SENA LINGWA IRĠIEL NISA
1994 Franċiża 27 47
Taljana 49 143
Tedeska 37 83
1995 Franċiża 30 47
Taljana 46 155
Tedeska 45 98
1996 Franċiża 32 45
Taljana 50 155
Tedeska 43 97
1997 Franċiża 32 42
Taljana 51 157
Tedeska 43 102
1998 Franċiża 30 42
Taljana 50 157
Tedeska 43 103
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment, linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' linji diretti tat-'telephones' li m'humiex 'zero barred' huwa kif jidher hawn taħt:
Ministeru 6
'National Tourism Organisation - Malta' 16
'Hotels and Catering Establishments Board' 1
'Institute of Tourism Studies' 2
'White Rocks Holiday Complex' 1
Jista' l-Ministru jgħid bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u t-28 ta' Frar, 1999: (i) x'kienu l-kuntratti li ngħataw mill-ministeru tiegħu; (ii) min għamel l-ispecifications; (iii) min għamel l-award; (iv)intalbu quotations; (v) kemm kienet kull quotation; (vi) min rebaħ kull kuntratt; u (vii) ingħataw extensions?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-pożizzjoni għadha kif kienet fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 2166.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 3567 fis-Seduta 67 tat-23 ta' Frar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 2649. Minn dakinhar 'il hawn ma ntefqu ebda spejjeż oħra għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm gwidi liċenzjati matul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm huma rġiel u kemm nisa?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' gwidi liċenzati bejn is-snin 1994 u 1998 kien:
Irġiel Nisa Total
1994 146 302 448
1995 158 334 492
1996 153 338 491
1997 159 357 516
1998 157 368 525
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm gwidi liċenzjati fil-lingwa Ġappuniża, Ċiniża, Russa u Fjamminga tul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm hemm irġiel u kemm nisa?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' gwidi liċenzati fil-lingwa Ġappuniża, Ċiniża, Russa u Fjamminga fis-snin 1994 sal-1998, maqsumin bejn irġiel u nisa, kien kif jidher hawn taħt:
SENA LINGWA IRĠIEL NISA
1994 Russu 5 3
1995 Russu 5 5
Fjamminga 1 -
1996 Ġappuniż - 1
Russu 4 5
Fjamminga 1 -
1997 Ġappuniż - 2
Russu 5 11
Fjamminga 2 -
1998 Ġappuniż - 2
Russu 5 11
Fjamminga 2 -