Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ għall-housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma oħrajn simili.

Talba ta' persuna

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra t-talba tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jixtieq li jingħata żewġt ikmamar li hemm maġenbu biex itejjeb l-qagħda tad-dar żgħira li għandu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Bord dwar l-Korriment Fuq ix-Xogħol

Question

Tista' l-Ministru tara li l-Bord dwar l-Korriment fuq ix-Xogħol jara jekk il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separament, hiex intitolat għal xi benefiċċju wara li weġgħet fuq ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jirriżultax li fl-indirizz indikat toqgħod persuna bl-isem li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Għalhekk nitolbu jivverifika d-dettalji u jgħaddihomli, anki b’mod kunfidenzjali, biex inkun nista’ ninvestiga.

Bord dwar il-Korriment fuq ix-Xogħol

Question

Tista' l-Ministru tara li l-Bord dwar il-Korriment fuq ix-Xogħol jistħarreġ l-każ tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali.

Karta r-roża

Question

Billi l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma toħroġx mid-dar tista' l-Ministru tara li jintbagħat xi ħadd mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali ħalli jara jekk din il-persuna hijiex intitolat għall-SKA u l-karta r-roża u jgħinna tapplika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt id-dettalji lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali biex jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Ħal Qormi — Appartament tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tiċċekkja dwar il-manutenzjoni tal-bieb prinċipali ta' Block 5, Triq id-Deheb Fin, Ħal Qormi minħabba li ġratlu xi ħsara u mhux qed jingħalaq, b'inkonvenjent għar-residenti ta' dan il-blokk?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Bormla — Installazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tara li l-binja li tinsab Bormla, isirilha lift minħabba li jgħixu fiha persuni anzjani u b'diżabilita'? Meta hi mistennija li ssir spezzjoni għat-talba tar-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn riċerka li għamlet l-Awtorita' tad-Djar ma rriżultax li għandha applikazzjoni pendenti għal stallar ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant. Għalhekk l-inkwilini tal-blokk għandhom jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti u wara jissottomettu l-applikazzjoni meħtieġa lill-Awtorita'.

Bormla — Stair lift

Question

Tista' l-Ministru tara x'qed iżomm lill-Awtorita' tad-Djar biex tinstalla stair lift fil-binja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tistenna li l-applikant jipproduċi dokument biex tkun tista’ tkompli tipproċessa l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ talbet dan id-dokument permezz ta’ tliet ittri li jġibu d-data tas-17 ta’ Jannar, 8 ta’ Frar u 26 ta’ Frar 2007.

Skema ta' care and repair — Kamra tal-banju

Question

Tista' l-Ministru tara li l-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separtament, li għandu aktar minn tmenin sena, tinbidillu l-kamra tal-banju u ssirlu waħda għall-ħtiġijiet tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar diġa' approvat proviżorjament l-għotja għal stallar ta' kamra tal-banju adattata għall-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' qed tistenna lil din il-persuna tagħti l-awtorizazzjoni tagħha biex isiru r-riċerki meħtieġa biex tkun tista' tkompli tipproċessa l-applikazzjoni.

Bormla — Xogħol fil-parti komuni ta' binja

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir aġġornar tal-parti komuni ta' binja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Bulebel — Childcare centre

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hux veru li qiegħed jinbena childcare centre fil-qasam industrijali ta' Bulebel? Tista' tgħid min se jmexxi dan ic-childcare centre?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali ġie mitlub mill-Malta Industrial Parks Ltd biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar pjanti għall-bini ta’ Child Care Centre fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel. Ninsab infurmata wkoll li, skond din it-talba, dan iċ-ċentru kellu jinbena mill-kumpannija msemmija u bil-ħsieb li jitmexxa minn assoċjazzjoni tal-kerreja f’dan il-Qasam.

Servizz tad-drenaġġ — Anzjani

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi rranġata l-problema tad-drenaġġ ta' taħt il-bankina ta' żewġ anzjani, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, minħabba li numru ta' inġenji kissru dan is-servizz? Tista' tara li dan jiġi rranġat minħabba tbatija li dawn l-anzjani qed ibatu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga.

Sussidju fuq kera

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' sussidju fuq post tal-kiri tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għax jinħass il-bżonn ta' dan is-sussidju peress li din il-persuna applikat għal post tal-gvern imma qatt ma kellha risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tistenna li l-applikanti tipproduċi dokument biex tkun tista’ tkompli tipproċessa l-applikazzjoni li rrefera għaliha mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ talbet bil-miktub lill-persuna konċernata biex tipproduċi dan id-dokument.

Boarded out

Question

Tista' l-Ministra tara kif persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ġiet boarded out ħadet benefiċċju darba u ma rċevietx aktar? Tista' tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' ma jaqbilx mad-dettalji tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Għalhekk nitolbu jivverifika n-numru ta' l-identita' u d-dettalji msemmija u jgħaddihomli, anki b'mod kunfidenzjali, biex il-każ ikun jista jiġi nvestigat.

Applikazzjoni għal-lift

Question

Tista' l-Ministru tara jekk hemm xi applikazzjoni għall-lift ġewwa binja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li fih hemm numru ta' anzjani u ċerta persuna b'diżabilita'? Jista' jagħti l-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn riċerka li għamlet l-Awtorita’ tad-Djar ma rriżultax li għandha applikazzjoni pendenti għal stallar ta’ lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant. Għalhekk l-inkwilini tal-blokk għandhom jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti u wara jissottomettu l-applikazzjoni meħtieġa lill-Awtorita’.

Shared ownership scheme

Question

Tista' l-Ministru tara jekk is-shared ownership scheme tistax tiġi estiża minn first-time buyers għal xerrejja oħra speċjalment dawk li jkollhom ċertu żmien fl-eta'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar ħarġa taħt l-iskema tax-Shared Ownership kienet miftuha għal applikanti li, bejn id-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż u d-data tan-notifika ta’ l-allokazzjoni tal-fond, ma kellhomx proprjeta’ adekwata. Il-kategoriji ta’ persuni li setgħu japplikaw kienu: Kategorija A Miżżewġin li għalqu l-eta’ ta’ 20 sena sal-31 ta’ Diċembru 2006; Ġenitur wieħed ’l fuq minn 20 sena bit-tfal mhux miżżewġa. Kategorija B Għarajjes li t-tnejn ikunu għalqu l-20 sena sal-31 ta’ Diċembru 2006. Kategorija Ċ Ġuvintur jew xebbiet, persuni separati u romol bla tfal li jkunu għalqu t-30 sena sal-31 ta’ Diċembru 2006; Ġuvintur jew xebbiet li jkunu għexu xi żmien f’istituzzjoni jew dar tat-tfal u li jkunu għalqu 18-il sena sal-31 ta’ Diċembru 2006; Ġuvintur jew xebbiet u persuni separati li jkollhom xi diżabilita’ u jkunu għalqu 18-il sena sal-31 ta’ Diċembru 2006. Kategorija Ċ 1 Persuni separati legalment jew de facto li ma jkollhomx il-kustodja tat-tfal iżda t-tfal jgħaddu xi ġranet fil-ġimgħa jgħixu magħhom.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Riżenji ta' chairmen

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilha jservi fil-kariga ministerjali preżenti kemm kien hemm chairmen ta' kumitati, korporazzjonijiet, enti, awtoritajiet, aġenziji u korpi parastatali li jaqgħu taħtha li rriżenjaw jew talbu espressament li ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga li kienu qegħdin jokkupaw? Min kienu u fejn kienu qegħdin iservu? Tista' tagħti d-dati ta' kull każ applikabbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separtament, għandhiex applikazzjoni għal housing alternattiv jew le? Jekk fl-affermattiv huwa possibbli li tinstabilha dar żgħira bil-kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-persuna ndikata m'għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' single mother li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għal akkomodazzjon soċjali peress li biex ikollha saqaf fuq rasha u ż-żewġ uliedha toqgħod mal-familja tal-ġenituri tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant m'għandiex applikazzjoni attiva mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lil din il-persuna biex tmur it-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment.

Reviżjoni tal-kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta saret l-aħħar reviżjoni tal-kera u meta se ssir ir-reviżjoni li jmiss ta' familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi s-sussidju fuq il-kera tal-persuna ndikata nħadem l-aħħar fl-2005 u issa jerġa jiġi rivedut din is-sena.