Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Pathways

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25002 u jgħid x’inhi r-raġuni li l-kors li kien qed jingħata fl-MCAST li jissejjaħ Pathways se jitwaqqaf? Kif kien jitħaddem dan il-kors u jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jidħol kors ieħor minfloku? X’alternattivi għandhom studenti li kienu qed jitħajru li jidħlu għal dan il-kors? Kemm kienu l-istudenti li attendew għal dan il-kors minn mindu beda sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-MCAST hemm studenti bi bżonnijiet speċjali li qed isegwu il-programmi ta’ l-MCAST f’diversi Istituti u f’diversi livelli. Informat li l-kors ta’ sena Pathway ġie pruvat fl-MCAST għal studenti li jkollhom diffikulta' intellettwali fit-tagħlim bl-iskop li jagħti xi taħriġ li permezz tiegħu l-istudent ikun jista’ jagħmel xi xogħol. Informat li l-MCAST irrizultalu li l- Pathway ma kienx qed jirenxxilu jizviluppa dawk l-elementi baziċi u ta’ taħriġ b’mod li l-parteċipanti jiksbu l-ħiliet meħtieġa għal ħajja ta’ xogħol kemm jista’ jkun indipendenti. L-istudenti kienu jattendu tliet darbiet fil-ġimgħa u fl-aħħar jingħataw ċertifikat ta’ attendenza u mhux ta' kompetenza f'xi linja li jipprovdu d-diversi korsijiet fl-MCAST. Bħalissa qed isir xogħol biex flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-MCAST u l-ETC jiġi provdut servizz ta’ taħriġ li jiffaċilità kisba ta’ ħiliet minn studenti li minħabba diffikultà fit-tagħlim ma jaslux biex jiksbu l-kwalifiki formali. Tajjeb jiġi emfasizzat li kull istituzzjoni pubblika ta’ edukazzjoni avvanzata jew ogħla tammetti fil-kors ta’ l-għażla ta’ l-istudent kull student bi bżonn speċjali li juri li jista’ jsegwi bi frott u jikseb il-kwalifiki b’appoġġ partikolari.

EUPU

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25001 u jgħid min huma l-persuni li qed imexxu l-EUPU? Liema huma l-programmi ta’ l-UE li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan il-unit u min huma l-kordinaturi ta’ kull programm? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm membri ta’ l-istaff fil-preżent u x’inhu x-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid matul dawn l-aħħar sentejn kemm kienu l-persuni li kienu jaħdmu ma’ dan il-unit u telqu? X’kienu r-raġunijiet għalfejn telqu dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid jekk fil-preżent jeżistix periklu li jintilfu xi fondi mill-UE minħabba nuqqas ta’ staff? Jista’ jagħti n-numru ta’ kemm ipparteċipaw persuni fid-diversi programmi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` ta’ l-EUPU separatament mis-sena 2004 sas-sena 2006, sena b’sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru ġew pubblikati Regolamenti li jikkonvertu l-EUPU f'Aġenzija skond il-policy tal-Kummissjoni Ewropea. Bħalissa qed tiġi proċessata applikazzjoni tal-PSC biex jinħatar il-Koordinatur Nazzjonali. Il-programmi ta’ l-UE li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-Aġenzija huma: Integrated Lifelong Learning Programm koordinati minn zewġ Programme Managers Youth in Action Programme koordinat minn Programm Manager Eurodesk immexxi minn Project Officer Euro-Med Youth Platform immexxi minn Project Officer Fil-prezent hemm 10 persuni jaħdmu fl-EUPU u x-xogħol tagħhom hu: 3 Programme Managers 4 Projects Officers 1 Principal 1 Clerk 1 Messaggier Matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm tmien (8) persuni li kienu jaħdmu ma’ dan il-unit u irrizenjaw biex jieħdu xogħol ma' enti oħra b'kundizzjonijiet aħjar. Il-Ministeru dejjem jaħdem sabiex jizgura li jintuzaw il-fondi kollha allokati. Tagħrif dwar il-parteċipazzjoni fid-diversi programmi ta' l-EUPU mis-sena 2004 sas-sena 2006, sena b'sena, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżami tas-SEC — Business studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jingħata xi tip ta' rimedju lil dawk l-istudenti li fl-eżami tas-SEC tal-Business Studies li sar fis-26 ta' April, 2007 ma ndunawx li f'paġna 4 ta' l-istess karta ta' l-eżami kien hemm mistoqsija numru 7? X'kienet ir-raġuni li dawk li għamlu jew fasslu l-karta tefgħu din il-mistoqsija fl-aħħar paġna meta jidher li kien hemm biżżejjed spazju f'paġna numru 3?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar ħames snin, Paper 1 ta' dan l-eżami dejjem kien fiha 7 jew 8 mistoqsijiet u l-kandidati riedu jweġbuhom kollha. Informat ukoll li peress li xi kandidati setgħu tqarqu minħabba l-ispazju vojt li kien hemm fl-aħħar ta' paġna 3, wara li jkunu mmarkati l-karti ser tittieħed azzjoni xierqa fl-istadju meta jkunu qed jiġu assenjati l-gradi lill-kandidati.

Wied il-Għajn — Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24999 u jghid x’kienet ir-rata ta’ assenteiżmu mhux ġustifikat fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn fis-sena skolastika 2005 / 2006 u matul din is-sena skolastika? Jista’ jgħid jekk itteħditx azzjoni legali skond l-Att dwar l-Edukazzjoni kontra dawk il-ġenituri li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola? Kien hemm każi mistharrġa minn social workers? X’deċizjonijiet ittieħdu mis-social workers sabiex dawn l-abbuzi jieqfu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull xahar l-iskejjel jirrapportaw lil din is-Sezzjoni, Servizz Ħidma Soċjali fl-Iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, dawk il-ġenituri li ma jkunux bagħtu lil uliedhom l-iskola, mingħajr raġuni valida. Informat ukoll li matul is-sena skolastika 2005-2006, l-iskola Primarja ta' Wied il-Għajn bagħtu 35 rapport ta' assenteiżmu. Minn dawn din is-Sezzjoni ħadet azzjoni legali skond l-Att ta' l-Edukazzjoni, fi 23 każ. Matul is-sena skolastika 2006-2007, kien hemm 2 rapporti ta' assenteiżmu mill-iskola u minnhim ħadd ma ttella l-qorti.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Dħul ta' l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati fid-dipartimenti jew dekasteri li jaqgħu taħtu li matul is-sena 2006 qalgħu bejn paga/allowance/bonus/overtime minn a) 8,000 sa 9,000 b) 9,000 sa 10,000 c) 10,000 sa 12,000 d) aktar minn 12,000 e) anqas minn 5,000?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Junior Lyceum — Option ta' l-Għarbi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-option ta' l-Għarbi mhux qed tingħata fil-Junior Lyceum Dun Ġużepp Zammit Brighella tal-Hamrun meta kien hemm tlett studenti li għażlu l-Għarbi mill-form 2 għall-form 3 u dan meta fi skejjel oħra anke għal numru inqas ta' studenti jkun hemm għalliem/a disponibbli għax imorru f'dawn l-iskejjel rispettivi? Jista' jgħid ukoll għaliex f'din l-istess skola meta kien hemm promotionfis-suġġetti li jistgħu jiġu magħżula, il-lingwa Għarbija ma ġietx mogħtija l-istess trattament ta' suġġetti oħrajn minkejja li kien hemm min offra li jagħmel dan, u dan fi żmien fejn qed naraw li għandna nuqqas ta' persuni kapaċi fil-lingwa Għarbija meta pajjiżna għandu kuntatti ma' numru ta' pajjiżi Għarab?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta jkun il-każ illi numru żgħir biss ta' studenti jagħżlu suġġett partikolari, l-istudenti jintalbu jagħżlu suġġett ieħor mill-lista ta' opzjonijiet. Kien hemm żewġ studenti biss li għażlu l-Għarbi fil-Liċeo konċernat u dawn ntalbu jagħżlu suġġett ieħor.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Pagi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25005, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa r-rendikont tal-pagi mogħti lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għas-snin 2005 u 2006 separatament? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx terminu ta' żmien għal dan il-ftehim?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li tħallas mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni skond il-ftehim għas-sena 2005 kien ta' Lm373,707.00 u għas-sena 2006 kien ta' Lm386,566.94. Informat li skond Klawżola 8 tal-ftehim bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Eden Foundation il-ftehim jibqa' fis-seħħ sakemm wieħed mill-partijiet jinforma bil-miktub tlett xhur bil-quddiem li l-ftehim ġie terminat.

Health and safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema liġi/legal noticejirriżulta l-għoli ta' lqugħ (opramorta) fir-rigward ta' health and safety 1) fuq il-post tax-xogħol, 2) fuq skavazzjonijiet ta' fondi, 3) fuq apparat għoli bħal cranes eċċ., 4) fuq slielem?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor Membru jkun aktar speċifiku fit-talba tiegħu għal informazzjoni mitluba, stante li ma l-ebda referenza jekk hux jirreferi għal legislazzjoni għal waqt id-disinn ta' bini, li ma jaqawx taħt il-liġijiet ta' l-Awtorita' għas Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol, jew humiex miżuri temporanji li jridu jittieħdu waqt xogħolijiet ta' kustruzzjoni.

Health and safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema liġi jirriżulta l-għoli ta' lqugħ (opramorta) 1) fuq galleriji 2) fuq bjut 3) fejn wieħed jista' jaqa' minn għoli ta' aktar minn żewġ metri 4) fuq taraġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 25871.

Kooperattiva tat-Tjur Limitata

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-proċess ta' likwidazzjoni tal-Kooperattiva tat-Tjur Limitata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-likwidatur maħtur kiteb lill-aħħar kumitat tat-tmexxija biex jagħddulu kull informazzjoni li jista jkollhom, speċjalment dik li tirrigwardja l-finanzi sabiex ikun jista jagħlaq s-snin li fihom ma sarux l-accounts. Barra minnhekk hemm numru ta' kawżi l-qorti mressqa mill-istess membri tal-koperattiva kontra l-kredituri u kontra l-istess koperattiva li l-likwidatur daħal fihom ukoll.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Ilmenti minn ġenituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni rċevitx xi lmenti minn ġenituri dwar għalliema li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti f'din is-sena skolastika? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji relevanti dwar x'kienu l-każi? X'passi ttieħdu jekk l-ilment ġie ppruvat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sezzjoni mhux statali rċeviet ilment wieħed bil-miktub minn għand iċ-Child Safety Service. Uffiċjali tad-Dipartiment talbu rapport mill-kap ta' l-iskola u l-għalliema u dawn ir-rapporti għaddew għand iċ-Child Safety Services.

Tneħħija ta' surcharge

Question

Jista' l-Ministru bħala Ministru responsabbli mill-isport jipproponi biex jitnaqqas is-surcharge fuq attivitajiet sportivi u dan biex ikompli jinkoraġixxi liż-żgħażagħ tagħna jieħu sehem fl-isport fil-għaxijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Meta jkun il-waqt ngħarraf lill-Kamra u l-pubbliku bi proposti ta' policy jew miżuri li jolqtu d-dekasteru tiegħi.

Kunsill Nazzjonali taz-Zgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx analiżi mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jew mill-Ministeru jew mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ dwar xi twettaq mill-politika nazzjonali taż-żgħażagħ li kellna f'dawn l-aħħar tlett snin u li skadiet fil-bidu ta' din is-sena? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi din l-analiżi fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk din l-analiżi għadha ma saritx jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din issir? Jista' jgħid meta ser tiġi updated il-politika taż-żgħażagħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ qed titwettaq f'kull ħidma tal-Gvern fid-diversi oqsma.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Telefonati minn linji fissi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq telefonati minn linji fissi fil-ministeru, dekasteru u entitiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 globalment?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kindergarten studies diploma courses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-gvern jintroduċi kindergarten studies diploma courses u jekk iva, meta mistenni jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors li jwassal għall-MCAST BTEC National Diploma in Early Years ilu jiġi offrut mill-2003 b'kollaborazzjoni sħiħa mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni.

Skejjel ta' l-Istat — General hand

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex policy aċċettabbli li general handfi skola tal-gvern jintlab jagħmel xogħol li normalment isir minn nies tas-sengħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond il-job description tagħhom General Hands governattivi għandhom id-dover li : jippreparaw materjal jew is-sit tax-xogħol inaddfu s-sit wara li jitlesta x-xogħol iħejju għal xogħol ta' plastering jgħinu fi tqegħid ta' madum jizbgħu għamara jagħmlu xogħol ta' tiswija u manutenzjoni jieħdu ħsieb pjanti, siġar, arbuxelli, eċċ Jistgħu jitqabbdu jaħdmu wkoll u jieħdu ħsieb makkinarju taħt id-direzzjoni ta' Senior Operative jew Tradesman u jagħmlu tiswijiet u manutenzjoni normali ta' bini. General Hands jistgħu jitqabbdu jagħmlu wkoll xogħol ġenerali ta' tindif, bħal ħasil ta' art, tindif ta' twieqi u għamara u tindif ta' toilets, kċejjen u canteen areas, jaraw li jkun hemm il-ħtiġijiet fil-kċejjen, iservu refreshments lill-istaff u vizitaturi u jagħmlu xi qadi.

Skejjel ta' l-Istat — Servizz ta' ġardinara

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema loġika ġiet stabbilita s-sistema li meta skola tal-gvern tuża s-servizzi tal-ġardinara tal-ministeru ta' l-edukazzjoni, apparti milli jkollha tħallas għad-diesel ikkunsmat mid-dipartiment konċernat ikollha wkoll tieħu ħsieb tnaddaf il-fdalijiet tas-siġar li jinżabru fil-grounds ta' l-iskola, għaliex il-ġardinara tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni mhumiex attrezzati biex jagħmlu dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sistema li tapplika d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni dwar s-Sezzjoni tal-Ġardinara titlob lill-iskola konċernata l-ħlas lura tad-diesel ikkunsmat mill-inġenji uzati mis-Sezzjoni fis-servizzi li tkun tagħat lill-iskola. L-iskola tintalab ukoll tħallas għall-kiri ta' skip biex tiddisponi mit-tindif tal-biċċiet tal-pjanti li jkunu ġabru l-istess ġardinara. Informat ukoll li n-nefqa biex isir dan, isir mill-Maintenance Grant li tingħata lil kull skola mill-istess Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kull sena.

Luxol Ground

Question

Jista' l-Ministru iwieġeb mistoqsija parlamentari 24850 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjenti u li issa ġiet riferuta lilu, peress li l-ground tal-Luxol qed joħloq inkonvenjent ta' ħsejjes għar-residenti ġirien tiegħu f'Pembroke jistgħu jiġu rikkmandati li jittieħdu passi li jnaqqsu jew itaffu dawn il-ħsejjes?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ground tas-St. Andrews huwa amministrat mill-kumitat tal-klabb tas-St. Andrews Luxol, għaqda mhux governattiva u dettalji dwar l-ilmenti tal-ġirien għandhom jiġu diretti lill-klabb ikkonċernat.