Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel tal-gvern li għandhom gym armat fil-bini tagħhom? Hemm minn dawn li jintużaw ukoll wara l-ħin ta' l-iskola mill-pubbliku u/jew minn xi għaqda?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskejjel tal-gvern li għandhom gym armat fil-bini tagħhom huma kif indikat hawn taħt:
Skejjel Gym Użu wara l-ħin
Mellieħa Iva Le
San Ġwann A Iva Le
San Ġwann B Iva Le
St Julian's Iva Le
Luigi Preziosi - St. Andrews GSS Iva Le
Santa Tereża - Mrieħel GJL Iva Le
Furtu Selvatico - Naxxar BS Iva Iva
M A Vassalli - Ħandaq BJL Iva Iva
Dun Ġ Żammit - Ħamrun BJL Iva Iva
M'Assumpta - Ħamrun GSS Iva Le
Vinċenzo Buġeja - Sta Venera BSS Iva Le
Maria Reġina - Blata l-Bajda GJL Iva Iva
Danny Cremona School of Agriculture Iva Le
Lorenzo Manche' - Floriana BS Iva Le
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dixxiplini sportivi li jiġu mħajjra jilagħbu kemm is-subien kif ukoll il-bniet fl-iskejjel ta' l-istat fuq bażi regolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dixxiplini sportivi li l-istudenti fl-iskejjel ta' l-istat huma mħajra jilagħbu jvarjaw minn skola għal oħra skond il-faċilitajiet ta' l-iskola u l-motivazzjonijiet ta' l-istudenti. It-Taqsima ta' l-Edukazzjoni Fiżika u Sport fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni torganizza Festivals ta' Sports f'diversi dixxiplini biex tħajjar dejjem iżjed il-parteċipazzjoni ta' l-istudenti. Għadd ġmielu ta' skejjel jipparteċipaw fl-Atletika, Ġinnastika (l-iktar bniet), Cross Country, Football, Netball, Hockey, Basketball, Volleyball, Handball, Table Tennis u Għawm. Il-parteċipazzjoni ssir wara li l-istudenti jagħmlu taħriġ fl-iskola, kemm waqt il-lezzjonijiet kif ukoll waqt mid-day break activities.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi dixxiplinarji ttieħdu fil-konfront ta' kindergarten assistant, li isimha qiegħed nibgħat separatament, dwar kliem dispreġjattiv u kliem ieħor li qalet fil-konfront ta’ l-assistant head, li isimha wkoll qed nibgħat separatament, fi skola f'Ħaż –Żebbuġ, liema każ seħħ fis-6 ta' Marzu li għadda u rapport dwaru sar l-għada lid-Director of Operations fid-diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ ġie trattat skond Regolament 18 tar-regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina).
Jista' il-Ministru jgħid għaliex mid-disgħa persuni li ġew rapportati f'Mejju ta' din is-sena b'nuqqasijiet waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom fl-iskola primarja ta' Ħal-Lija, tnejn biss weħlu ċ-charge?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ li għalih jirreferi l-Onor. Membru jirrigwarda 7 u mhux 9 persuni. Passi ittieħdu fil-konfront ta' sebgħa kollha kemm huma.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jammontaw ir-Raps/Reps li hawn jaħdmu f'Malta, Għawdex u Kemmuna?
Jista' jgħid kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista jgħid ta' liema nazzjonalita huma? Jista' jgħid min qiegħed jimpjegahom?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' l-Onor. Membru jagħti spjegazzjoni ta' x'inhuma Raps jew Reps?
ETC — Persuni ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu b'mod illegali
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 672 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u cioe' f'kummentarju fuq Capital Radio fl-4 ta' Ġunju, fis-2.15 ta' wara nofsinhar intqal li hemm kuntratturi li qed iħaddmu ħaddiema barranin illegalment u jħallsuhom bi 80c fis-siegħa u dan anke fuq proġetti tal-gvern. Jista’ il-Ministru jinvestiga u jara jekk dan l-abbuż hux qed isir jew le? Jekk jinstab li dan hu minnu, jista’ jagħti dettalji dwar fuq liema xogħol kienu qed jitħaddmu u min kienu l-kuntratturi in kwestjoni u fuq kollox jittiehdu l-passi meħtieġa skond il-liġi??
Response (GALEA, LOUIS)
Ser nitlob lill-awtoritajiet kompetenti skond il-liġi jinvestigaw l-abbuż allegat fil-Mistoqsija u jieħdu l-passi stabbiliti fejn jirriżulta.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 617 u cioe' jista' jgħid jekk ingħatawx il-kuntratti kollha tax-xogħol u manutenzjoni li se jsiru fis-sajf fl-iskejjel ta’ l-Istat? Dawn kollha ngħataw wara sejħa pubblika? Lil min ingħataw il-kuntratti? Għal-liema skola? Kemm se jiswa x-xogħol f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-biċċa l-kbira tat-tenders għal xogħlijiet li ser isiru fl-iskejjel ta' l-Istat matul is-sajf, ġew pubblikati u l-kuntratt ingħata jew wasal biex jingħata. Għad baqa' numru ta' tenders li ser jiġu pubblikati fi żmien qasir.
Hemm xi xogħlijiet ta' natura żgħira li ma jirrikjedux sejħiet pubbliċi imma ikunu jistgħu isiru hekk kif jippermettu r-regolamenti tal-Gvern.
Lista tal-kuntratti, fejn ser jinħadmu u b'liema prezz, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F'xi każi l-prezz mhux qed jidher għalissa għaliex l-offerti jkunu għadhom mhux aġġudikati jew il-kuntratt ikun għadu ma ngħatax.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt li l-bini fejn isiru l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC huwa kollu addattat għal dan il-għan? Hemm xi pjan biex dawn l-eżamijiet isiru f'bini aktar modern u fejn ma jkunx hemm ħsejjes żejda ta' traffiku bħal f'ċerti ċentri fil-Belt Valletta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet jagħmel użu minn għaxar skejjel ta' l-Istat u waħda tal-Knisja biex jorganizza l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC. Il-faċilitajiet huma l-istess faċilitajiet użati mill-istudenti li jattendu dawn l-iskejjel.
Barra dawn iċ-Ċentri, id-Dipartiment jagħmel użu mill-erba' Ċentri tiegħu, tlieta f'Malta u wieħed f'Għawdex biex ikun jista' jakkomoda n-numru kbir ta' studenti li joqgħodu għal dawn l-eżamijiet matul ix-xahar ta' Mejju.
Id-Dipartiment qiegħed iwettaq pjan ta' ħidma biex jimmodernizza u jtejjeb l-ambjent fiċ-Ċentri tiegħu. Tant li bejn is-sena 1999 u 2003 intefqet is-somma ta' Lm127,615 f'restawr u titjib fl-ewwel sala taċ-Ċentru ta' Sant'Iermu, fiċ-Ċentru t'Għawdex kif ukoll fir-raba' sular ta' l-iskola Primarja tal-Belt Valletta fejn ġie installat lift għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Id-Dipartiment ukoll ikkunsidra diversi postijiet oħra barra l-Belt Valletta sabiex ikun jista' jorganizza l-eżamijiet il-bogħod miċ-ċentru iżda ma sabx li dawn kienu addattati biex isiru fihom.
Id-Dipartiment huwa kommess li jkompli jaħdem u jirsisti sabiex bir-riżorsi disponibbli jorganizza l-eżamijiet f'postijiet moderni skond il-ħtiġijiet tal-lum.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li joħorġu r-riżultati tas-SEC u MATSEC? Meta huwa ppjanat li jsiru r-resits? Jista' jagħti t-timetable għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa maħsub li r-riżultati tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola joħorġu fit-tielet ġimgħa ta' Lulju, bħalma ġara fi snin oħra.
Tagħrif dwar it-timetables ta' l-eżamijiet supplementary ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kemm kien hemm student li qagħdu u li jew mistennija joqogħdu għall-eżamijiet tal-European Computer Driving Licence?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ma ħareġ l-ebda sejħa biex jilqa' applikazzjonijiet minn studenti li jixtiequ joqogħdu għall-eżamijiet tal-European Computer Driving Licence.
Id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni din is-sena nieda korsijiet wara l-ħin ta' l-iskola għal 5th Formers biex dawn ikunu jistgħu jilħqu l-livell ta' l-ECDL. Għal dawn il-korsijiet qed jattendu 1574 student.
Qed isiru taħdidiet bejn entitajiet differenti biex dawn l-eżamijiet jibdew isiru mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1083 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' fl-aħħar sitt xhur, xahar b'xahar, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew issensjati ħaddiema minħabba għeluq ta' kumpanniji jew riżultat ta' tnaqqis ta' ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta' ħaddiema li kienu ssensjati u ġew jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar sitt xhur ta' din is-sena (2003) kien ta' 253 f'Jannar, 168 fi Frar, 123 f'Marzu, 191 f'April, 199 f'Mejju u 204 f'Ġunju.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 756 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li kienu jaħdmu fil-lukandi fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002, sena b'sena? Jista' jgħid kemm minn dawn ħadmu f'Malta u kemm minnhom ħadmu f'Għawdex? Jista' jgħid x'kienet il-medja ta' l-eta' ta' dawn il-ħaddiema? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu fuq kuntratt definit, indefinit u part-timers?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta' ħaddiema 'full-time u part-time only' (nisa u rġiel Maltin u Għawdxin li kienu jaħdmu fis-settur tal-lukandi f'Diċembru 1999, 2000, 2001 u 2002. Il-medja ta' l-eta' tan-nisa u ta' l-irġiel li kienu jaħdmu full-time fil-lukandi u ristoranti f'Malta u Għawdex għal Diċembru 1999, 2000, 2001 u 2002.
Min iħaddem mhux obbligat jinforma lill-ETC jekk l-impjieg hux fuq bażi ta' kuntratt definit jew indefinit.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jinxtraw kotba ġodda għall-iskejjel ta’ l-Istat f'livell primarju u sekondarju separatament għall-użu fis-sena skolastika li jmiss? Liema huma dawn il-kotba? Kemm se jinxtraw minn kull ktieb?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kotba l-ġodda li ser ikunu introdotti fis-sena skolastika li jmiss u l-ammont tagħhom.
Ħruġ ta' offerti — Kotba ġodda - Skejjel primarji u sekondarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ħargu l-offerti biex jinxtraw kotba ġodda għall-iskejjel primarji u sekondarji ta’ l-Istat? Jista’ jgħid minn tefa’ offerta u kemm kienet kull waħda? Min rebaħ kull offerta?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fallew ġranet ta' skola t-tfal fl-iskejjel primarji statali matul is-sena skolastika 2001- 2002 fl-iskejjel ta' Bormla, Gżira, Żejtun, Żebbuġ, Mellieħa u Xewkija? Kif kienu mqassmin bejn dawk li kienu awtorizzati u dawk le skond il-livelli tal-klassijiet (Year 1 - Year 6)?
Minn dawk li kienu awtorizzati kemm minnhom kienu ċċertifikati minn tabib b'mard konness mas-sistema respiratorja? Kemm minn dawk li ma kenux awtorizzati ntbagħtilhom social worker biex isegwi jekk jeżistux problemi soċjali fil-familji tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm tfal qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum sena b'sena u kemm minnhom għaddew minn Malta kollha? Matul dawn l-aħħar ħames snin kemm tfal qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum sena b'sena u kemm minnhom għaddew mill-iskejjel primarji ta' Bormla, Gżira, Żejtun, Żebbuġ, Mellieħa u Xewkija?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif kollu mitlub mill-Onor. Membru.
Jista' il-Ministru jgħid minn liema bliet u rħula jridu jkunu l-istudenti sabiex imorru fil-Junior Lyceums tal-bniet u tas-subien separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Catchment Areas jiġu deċiżi finalment wara li jsir l-eżerċizzju biex jistabbilixxi kemm għaddew tfal minn kull belt jew raħal. Għadu kmieni biex tingħata r-risposta għal din id-domanda.
Skejjel — Tagħlim tal-kompjuter wara l-ħin ta' l-iskola
Question
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-programm tal-gvern biex joffri faċilitajiet ta' kompjuter lill-pubbliku fl-iskejjel wara l-ħin ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru ta' l-Edukazjoni f'koperazjoni sħiħa ma' l-E-Malta Commission fi ħdan il-Ministeru ta' l-Informatika u Investiment u b'partnership ma' kumpaniji privati qed jorganizza programm 'My Web' fejn adulti qed jiġu mħarrġa fl-ICT fil-Kompjuter Labs fl-iskejjel sekondarji ta' l-istat.
Jista' il-Ministru jgħid x'feedback kellu l-gvern dwar l-introduzzjoni ta' in-service development programmes fl-ICT għall-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-feedback kien tajjeb ħafna għax l-attendenza għal-Inset Courses fl-ICT dejjem tkun numeruża. Iżda barra mill-inset courses id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni jorganizza ħafna korsijiet fis-sajf u wara l-ħin ta' l-iskola li l-għalliema jistgħu jattendu b'mod volontarju. Matul din is-sena skolastika attendew ftit inqas minn elf għalliem għal dawn il-korsijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' mobile phones li juża l-ministeru tiegħu u d-dekasteri kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża tas-servizz u tat-telefonati fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kemm tħallset minn din l-ispiża fil-mument?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta' mobile phones u l-ispiża tas-servizz.