Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #18028 Sitting 372 2006-03-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Buġibba — Perched Beach

Question

B'riferenza għal perched beach li se jsir f'Buġibba, jista' il-Ministru jgħid il-latrina proposta hux se timblokka l-boathouses eżistenti? X'se jsir mill-ilma tax-xita li jiġi mill-katusi kbar li hemm biex jieħdu l-ilma tat-toroq tal-madwar? Id-drenaġġ tal-latrina se jmur fil-fossa? Jekk fl-affermattiv, din il-fossa hi kbira biżżejjed? Il-fossa ġiet iċċekkjata li ma tillijkjax? Kemm hu stmat li se jqum dan il-proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-latrina proposta fl-iżvilupp tal-perched beach f’Buġibba mhijiex ser timblokka ebda boathouse eżistenti. Fil-fatt ingħatat attenzjoni biex dan ma jsirx. Qabel ma beda jiġi ddisinjat il-proġett, sar survey fir-rigward ta’ l-ilma tax-xita li bħalissa joħroġ minn bankini u toqob fil-ħajt. Ġie maħsub li dan l-ilma jinġabar f’culverts apposta u jiġi ddevjat lejn il-baħar f’post li jaqbeż il-proġett tal-perched beach. Id-drenaġġ li ser ikun iġġenerat mill-latrina l-ġdida ser ikun miġbur fi sewage sump ġdid li ser ikun mibni bħala parti mill-proġett. Dan id-drenaġġ ser ikun ippumpjat fis-sistema ta’ drenaġġ eżistenti fit-triq ewlenija. Id-drenaġġ li jiġi ġġenerat mill-boathouses ma jaqax fl-iskop tal-proġett u l-manutenzjoni ta’ xi fossa tibqa’ r-responsabbiltà tal-Ministeru kkonċernat. Huwa stmat li l-proġett ġej jiswa madwar Lm 500,000.
Leg 10 PQ #18066 Sitting 372 2006-03-29 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Kumpanniji ta' l-Assigurazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni li tagħmel użu minnhom l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni li tagħmel użu minnhom l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta huma: · Laferla Insurance Agency f’isem Middlesea Insurance plc; · Citadel Insurance plc; · Certain Underwriters at Lloyd’s rappreżentata minn Millennium Insurance Agency; u · Atlas Healthcare Insurance Agency Ltd.
Leg 10 PQ #17795 Sitting 371 2006-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Segment Leaders

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk mindu daħlu fis-seħħ il-kuntratti l-ġodda tas-segment leaders fl-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu jekk il-miri li għandhom humiex qed jintlaħqu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-kuntratti tas-segment heads bdew iseħħu mill-1 ta' Jannar 2006. Naħseb illi għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk il-miri humiex qed jintlaħqu. Jidher li l-ewwel xahrejn ta' din is-sena kellna xi tnaqqis overall. L-indikazzjonijiet fuq is-suq juru li dan it-tnaqqis għandu jiġi rkuprat fix-xhur li ġejjin.
Leg 10 PQ #17797 Sitting 371 2006-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Host Families

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm host families iħallsu l-permess meħtieġ lill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu biex iżommu lill-istudenti magħhom f'Jannar 2004, Jannar 2005 u Jannar 2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

In-numru ta’ host families liċenżati mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fis-snin mitluba mill-Onor. Interpellant huma dawk li jidhru hawn taħt:- SENA Numru ta’ Liċenzi 2003 – sa Diċembru 2004 – sa Diċembru 2005 – sa Diċembru 2006 – sa Marzu 1,258 1,691 2,013 378 Ta’ min iżid li l-maġġoranza l-kbira tal-familji japplikaw għal-liċenzi hekk kif ikun qed joqrob is-sajf.
Leg 10 PQ #17941 Sitting 370 2006-03-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Konsulenti barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati studji minn konsulenti barranin u/jew lokali mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu fl-2004/5? Liema kienu dawn l-istudji, min kien il-konsulent u x'kien il-ħlas għalih?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #17966 Sitting 370 2006-03-27 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għajn Tuffieħa — Banji Rumani

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx proġettat li l-Banji Rumani f'Għajn Tuffieħa jiġux restawrati u jekk hemmx xi fondi ta' l-Unjoni Ewropea li jistgħu jkopru dawn l-ispejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Heritage Malta diġà żvillupat bażi għal proġett għal dan is-sit storiku. Il proġett huwa fl-istadji inizjali u bħalissa qed issir konsultazzjoni ma’ diversi aġenziji sabiex il-proġett li issir fil-futur ikun wieħed ħolistiku. Heritage Malta għadha kemm rebħet fondi mill-UNESCO sabiex tagħmel rapport intensiv fuq il-qagħda tal-konservazzjoni tal-mosaiċi kollha ta’ Malta li ftit minnhom jinsabu wkoll fuq dan is-sit Ruman. Barra minn dan, l-Aġenzija f’Settembru 2005 issottomettiet proġett għal riabilitazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu madwar is-sit arkeoloġiku taħt il-programm ta’ l-Unjoni Ewropea INTERREG MEDOCC, u ssottometiet proġett ieħor għal żvilupp ta’ ċentru għal viżitaturi taħt il-programm tal-EEA/Norwegian Transition Fund. Ir-riżultati ta’ dawn l-applikazzjonijiet għadhom mhumiex magħrufa

Turiżmu u Kultura — Rigali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' oġġetti mixtrija mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, il-prezzijiet u minn fejn inxtraw, sena b'sena mill-2003 sa l-2006, u li ngħataw bħala rigali. Ma jagħmilx sens li jingħataw id-dettalji l-oħra mitluba, anki mil-lat ta' dinjita' ta' pajjiżna sakemm dejjem l-Onor interpellant m'għandux xi mistoqsija speċifika ħafna li jixtieq jagħmel.
Leg 10 PQ #17747 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

OPCs

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex jinqatgħu l-abbużi ta' l-OPCs (Outside Promotion Contact) li jbiegħu t-timeshare f'Buġibba peress li sempliċi spezzjonijiet u elevar ta' identification tags mhumiex qed ikunu biżżejjed u qed ikomplu jdejqu lit-turisti u jagħtu isem ħażin lill-pajjiżna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern se jieħu l-passi kollha meħtieġa, jekk hemm bżonn anke f'emendi obbligi, biex jikkontrolla din is-sitwazzjoni ta' abbuż sfrenat min-nies irresponsabbli.
Leg 10 PQ #17694 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Blue Lagoon

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi inizjattiva mill-ministeru jew mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu biex it-turisti li jittieħdu l-Blue Lagoon f"Kemmuna jkollhom faċilitajiet ferm aħjar milli għandhom meta jitniżżlu minn fuq id-dgħajjes?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tat-Turiżmu għamlet evalwazzjoni preliminari ta' bżonnijiet turistiċi ġewwa Kemmuna fl-aħħar tas-sajf 2005. Qiegħda ssir evalwazzjoni aktar dettaljata tal-bżonnijiet sabiex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa bil-possibilta' ta' interventi adekwati mill-awtoritajiet konċernati. B'hekk ikun hemm faċiltiajiet aħjar meta jitniżżlu t-turisti minn fuq id-dgħajjes.
Leg 10 PQ #14313 Sitting 367 2006-03-20 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm daħlet flus Heritage Malta minn kiri ta' postijiet storiċi għall-attivitajiet privati s'issa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bejn Jannar 2004 u Awissu 2005 Heritage Malta daħlet Lm 12,175 minn kiri ta' postijiet storiċi għall-attivitajiet privati.
Leg 10 PQ #14314 Sitting 367 2006-03-20 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il darba din is-sena u s-sena l-oħra ġew mikrija postijiet storiċi minn Heriage Malta għall-attivitajiet privati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li matul l-2004 Heritage Malta kriet postijiet storiċi għall-attivitajiet privati għal 19-il darba, filwaqt li bejn Jannar u Awissu 2005 ġew mikrija postijiet storiċi għal 20 darba.
Leg 10 PQ #17895 Sitting 367 2006-03-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għawdex — Diskoteki

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17638, li kienet saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Intern, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għal diskoteki ġewwa Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jindika lil min ingħataw u d-data? Jista' jgħid x'kundizzjonijiet ġew imposti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sentejn ma nħarġux liċenzi ġodda għal diskoteki f'Għawdex.
Leg 10 PQ #14302 Sitting 366 2006-03-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Tourists areas

Question

Jista’ il-Ministru jgħid liema huma l-main tourist areas, secondary tourist areas u/jew non-tourist areas f'Malta u Għawdex, kif indikat fit-tweġiba għall-interpellanza 6115?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern kien identifika sitt żoni turistiċi li qed jingħataw prijorità f’xogħol ta’ tisbiħ. Dawn is-sitt żoni huma: il-belt Valletta u ż-żona tal-Port il-Kbir; tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville; Buġibba, l-Qawra, l-Mellieħa, Golden Bay u l-Marfa; l-Imdina, r-Rabat, Ħad-Dingli, Ta’ Qali u l-Buskett; Għawdex; u l-ibħra kostali.
Leg 10 PQ #17634 Sitting 366 2006-03-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' karozzi mikrija matul l-2005 mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-enti u dipartimenti li jaqgħu taħtu kien ta' 38 u li l-ispiża totali għal dawn il-kirjiet kienet ta' Lm 80,045.58.

Turiżmu u Kultura — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Leg 10 PQ #17651 Sitting 365 2006-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Applikazzjoni tal-MEPA P03058/04

Question

Meta l-awtorita' Maltija tat-turiżmu se toħroġ il-permess meħtieġ biex l-applikazzjoni f'Buġibba li ġġib il-permess tal-MEPA P03058/04 jintlaqa' u l-operatur ikun jista' jibda jaħdem?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-ħanut tax-xorb Pantheon Bar li jinsab fi Triq il-Ħġejjeġ, San Pawl il-Baħar, li għaliha qed jirreferi l-Onor. interpellant ma tistax tkompli tiġi proċessata mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu. Għalkemm l-applikazzjoni biex tinħareġ ġiet sottomessa lill-Awtorita' fit-8 ta' Ottubru tal-2004 l-applikant naqas li jipproduċi d-dokumenti meħtieġa. Il-proċess ikun jista' jitkompla darba l-applikant jissottometti d-dokumenti meħtieġa.
Leg 10 PQ #17556 Sitting 364 2006-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm irriżenjaw persuni mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu matul l-2005 u Jannar u Frar 2006? Jista' jgħid x'kienu r-raġunijiet għal dawn ir-riżenji?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li rriżenjaw mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu matul 2005 u Jannar u Frar 2006 kien ta' dsatax (19). Ir-raġunijiet għal dawn ir-riżenji kienu kif ġej: Wieħed (1) minn dawn il-persuni laħaq l-eta' tal-pensjoni; Seba' (7) persuni aċċettaw l-offerta li saret lilhom permezz ta' skema ta' riżenja volontarja minħabba r-ristrutturar li sar fl-Awtorita'. Ħdax (11) -il persuna sabu xogħol alternattiv.
Leg 10 PQ #17670 Sitting 364 2006-03-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bormla — Pjazza Santa Margherita

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' Pjazza S Margherita, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-inforfazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #17672 Sitting 364 2006-03-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Mużewijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm turisti żaru l-mużewijiet li għandna f'pajjiżna, maqsuma skond il-post, tul is-sena 2005?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru globali ta' viżitaturi li żaru l-mużewijiet f'pajjiżna matul l-2005. Statistika speċifika ta' kemm minnhom kienu turisti ma teżistix.

Private staff tal-Ministeru

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16048 u jgħid kemm siefru bejn l-2004 u l-2005 l-membri tal-private staff tiegħu? Fejn marru? X'kienet ir-raġuni u kemm ħadu flus/ingħataw flus għal kull safra? Jikkonferma jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li siefer first jew business class?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fis-sena 2004 l-Assistent Segretarju Privat tiegħi tela’ tliet darbiet l-Italja in konnessjoni ma’ wirja dwar Malta li ttelgħet f’Cervia. L-ispejjeż, inkluż il-biljetti ta’ l-ajru, ta’ tnejn minn dawn iż-żjarat kienu mħallsa mill-Comune di Cervia. Fl-istess sena l-Kap tas-Segretarjat tiegħi attenda l- European Tourism Forum fl-Ungerija u l-laqgħa mad-Dipartiment tal-Media, Kultura u Sports u l- Commonwealth fl-Ingilterra. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni għas-sena 2005. Ta’ min igħid ukoll li meta nkun barra minn Malta fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern, jien inkun akkumpanjat minn membru tas-Segretarjat tiegħi.