Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – ELC – soft area

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-ELC jieħdu ħsieb is-soft area li hemm ħdejn il-lights fid-daħla ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din iż-żona tagħmel parti mix-xogħol ta’ manutenzzjoni ta’ rutina u f’ din iż-żona wkoll qed jittieħdu l-passi meħtieġa skont il-programm ta’ xogħlijiet.

Siġġiewi – Triq Blat il-Qamar – wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tingħata wiċċ għall-ewwel darba it-Triq Ġdida fi Triq Blat il-Qamar (uffiċjalment imsemmija bħala Triq Nikola Azzopardi) fis-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq tinstab fuq il-lista ta’ toroq residenzjali li jridu jingħataw wiċċ asfalt għall-ewwel darba, minn Transport Malta. Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq isiru skont prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.

Transport Malta – taxxa fuq it-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta hux qed tikkunsidra taxxa fuq it-traffiku kif ġie rrapurtat f'sezzjoni tal-istampa? Billi Plan A u Plan B kienu mħabbra mill-istess Ministru, allura din it-taxxa se tkun Plan C?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif imħabbar fid-diskors tal-budget 2017, mhu ser tiġi ntrodotta l-ebda forma ta’ taxxa fuq it-traffiku.

Kunsilli Lokali – għajnuna għal ħasil ta’ toroq u promenades fis-sajf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li qed jibbenefikaw minn għajnuna ta’ ħasil ta’ toroq jew promenades matul dan is-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm mal-20 Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn ħasil ta’ toroq, żoni pedonali jew promenades matul dan is-sajf. Il-Kunsilli Lokali huma kif ġej : Mellieħa San Pawl il-baħar San Ġiljan Sliema Gżira Ta’ Xbiex Msida Pieta’ Floriana Valletta Bormla Isla Birgu Kalkara Xgħajra Marsascala Marsaxlokk Birżebbuġia Qrendi Mdina

Foss ta’ Ħaż-Żabbar — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsir tindif ulterjuri fil-parti ta’ isfel tal-Foss ta’ Ħaż-Żabbar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li proprju bħalissa qed isir it-tindif tal-parti ta’ isfel tal-Foss ta’ Ħaż-Żabbar. Hekk kif imwiegħed iktar kmieni matul din is-sena, ix-xogħol inbeda hekk kif waqaf l-operat massiċċ ta’ tindif tal-bajjiet wara x-xhur tas-sajf. Wara li iktar kmieni f’din il-legiżlatura sar it-tindif tal-parti ta’ fuq tal-Foss, issa qed isir xogħol ta’ tindif fil-parti ta’ isfel. Sal-lum diġa’ tneħħew madwar 500 tunellata ta’ skart. Dan hu addizzjonali mal-1700 tunellata ta’ skart li tneħħew mill-parti ta’ fuq tal-post imsemmi. Ix-xogħol mistenni jiġi komplut fil-ġranet li ġejjin.

Rimi illegali ta’ skart – żoni koperti minn CCTV cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żona ġiet koperta s’issa minn CCTV cameras li qed jiġu stallati f’postijiet li jattiraw rimi llegali ta’ skart?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba li ngħatat għall- Mistoqsija Parlamentari 525W.

Direttorat għat-Tindif – ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ skart li nġabar mid-Direttorat għat-Tindif matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Kif jikkompara din il-ħidma mas-snin preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena l-ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif ġabru 8,044 tunellata ta’ skart. Dan huwa 10% iktar paragunat mal-ewwel sitt xhur tas-sena 2015, kif ukoll 21% iktar paragunat mas-sena 2014. Huwa evidenti li qed isir sforz sabiex jitnaddfu diversi siti abbandunati f’pajjiżna apparti l-ħidma kontinwa ta’ kuljum. Ta’ min jinnota li dan l-ammont huwa biss l-ħidma ta’ qabel ix-xhur tas-sajf. Kollox jindika li ser terġa’ tkun sena oħra rekord ta’ ħidma mwettqa mill-ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif.

Bajjiet – stallazzjoni ta’ slielem u infrastrutturi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ slielem u nfrastruttura oħra li ġew installati fuq il-bajjiet tagħna matul is-sajf ta’ din is-sena? Kemm hu l-ammont ta’ slielem li żdiedu fuq il-bajjiet tul is-snin 2014, 2015 u 2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-slielem kollha li jitwaħħlu tul il-kosta ta’ pajjiżna jammonta għal 274 sellum. Fis-sena 2014 kien hemm żieda ta’ 22 sellum. Fis-sena 2015 kien hemm żieda ta’ 34 sellum Fis-sena 2016 kien hemm żieda ta’ 42 sellum Din iż-żieda fl-ammont ta’ slielem tfisser aċċessibilita’ aħjar għall-familji meta jżuru x-xtajtiet.

Bajjiet – kontenituri tal-Iskart

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hu l-ammont ta’ kontenituri tal-iskart li ġew impoġġija fuq il-bajjiet matul ix-xhur tas-sajf ta’ din is-sena? Hemm xi pjanijiet li dawn se jiżdiedu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ kontenituri tal-iskart li tpoġġew fuq il-bajjiet matul is-sajf tas-sena 2015 kien ta’ 900 kontenitur. Matul dan is-sajf dan in-numru żdied b’220, jiġifieri matul dan is-sajf kellna 1120 kontenitur tal-iskart impoġġija fuq il-bajjiet. Hemm il-ħsieb li dawn it-tip ta’ kontenituri jkomplu jiżdiedu sabiex il-pubbliku jkollu iktar faċilitajiet fejn jiddisponi mill-iskart tiegħu.

Santa Luċija – toroq li se jiġu asfaltati minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f’Santa Luċija li se jiġu asfaltati minn Transport Malta fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.

Il-Ħamrun – toroq li se jiġu asfaltati minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fil-Ħamrun li se jiġu asfaltati minn Transport Malta fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 27370.

L-Imqabba – toroq li se jiġu asfaltati minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fl-Imqabba li se jiġu asfaltati minn Transport Malta fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 27370.

Iż-Żurrieq – toroq li se jiġu asfaltati minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fiż-Żurrieq li se jiġu asfaltati minn Transport Malta fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 27370.

Ħal Safi – toroq li se jiġu asfaltati minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f’Ħal Safi li se jiġu asfaltati minn Transport Malta fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 27370.

Tas-Sliema – toroq li se jiġu asfaltati minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f’Tas-Sliema li se jiġu asfaltati minn Transport Malta fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 27370.

Transport Malta — sound barriers

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta qattx għamlet studji dwar il-possibilità li jitqiegħdu sound barriers matul it-toroq tagħna, partikolarment bypasses? Jekk iva, fejn ġie identifikat? Meta saru l-istudji kkonċernati? Jista' jgħid, speċifikament għal bypass ta' San Pawl il-Baħar jieħu l-passi neċessarji biex tali studju jiġi kkummissjonat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi tali studji saru fid-detall fl-inħawi tal-Kappara Junction u l-inħawi ta’ bejn il-mini ta’ Sta.Venera u r-roundabout li tagħti għal Triq Salvu Psaila, Sta. Venera. Fiż-żewġ każijiet, ġie identifikat li sound barriers jkunu effettivi biex innaqqsu il-ħsejjes tat-traffiku. S’issa ma sarux studji dettaljati għall-bypass ta’ San Pawl. Dawn it-tip ta’ studji, u eventwalment proġetti, jiddependu mill-prioritajiet u l-fondi disponibbli speċjalment minħabba l-ispejjeż kapitali konsiderevoli li jinvolvu.

San Pawl il-Baħar – żieda jew bdil ta’ mains tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Water Services Corporation talbitx xi permessi minħabba xogħol li hu indikat li ser isir f'diversi toroq f'San Pawl il-Baħar, b'rabta ma’ bdil, jew żieda ta' mains tad-drenaġġ? Jekk iva, f'liema nħawi ntalbu l-permessi u liema minnhom ġew approvati? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn ix-xogħlijiet ma jħarbtux it-toroq kollha li ser isir ix-xogħol fihom, u jiġi assigurat li jingħata wiċċ ġdid (il-wisa’ tat-triq kollha) fejn tali xogħol ser ikun qed iseħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li kien hemm erba’ applikazzjonijiet min-naħa tal-Korporazzjoni tal-Ilma biex isir xi xogħol relatat ma’ bdil, jew żieda fis-sistema tad-drenaġġ, li minnhom inħarġu tnejn. Dawn iż-żewġ permessi jinstabu fiż-żona tal-Erba’ Mwieżeb, eżattament f’dawn it-toroq li ġejjin; Triq Ġulju, Triq Erba’ Mwieżeb, Triq il-Mosta. Dawn it-trinek jiġu asfaltati skont il-kundizzjonijiet maħruġa mill-perit tar-reġjun kif huma mniżżla fil-permessi. Il-Kunsill Lokali m’għamilx talba f’dawn il-permessi, fiż-żmien tal-konsultazzjoni, biex it-toroq jiġu mogħtija wiċċ ġdid.

San Pawl il-Baħar – xogħljiet mill-kumpanija GO

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet li ser isiru mill-kumpanija GO fl-inħawi kollha ta' San Pawl il-Baħar, intalbu permessi għalihom minn Transport Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex fejn dan ix-xogħol hu meħtieġ li jsir, fil-fatt jiġi assigurat li ma jħallix ħerba wara li jkun lest l-istess xogħol, kif ukoll jiġi assigurat li hekk kif ix-xogħol meħtieġ isir, jittieħdu wkoll passi biex fil-fatt, issir il-manutenzjoni neċessarja lit-toroq u lill-bankini li jkunu affettwati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ talbiet mill-kumpanija Go fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn il-permessi jiġu spezzjonati regolarment minn uffiċjali ta’ Transport Malta biex jiġi assigurat li t-toroq u l-bankini jitreġġgħu lura kif kienu qabel, ma jitħalliex periklu fit-toroq waqt li jkun għaddej ix-xogħol, kif ukoll li jitneħħa mit-triq kull materjal li seta’ nqala’ minħabba dan ix-xogħol.

Siġġiewi – Triq Mons. Mikiel Azzopardi – speed camera

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27898, jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun id-data li fiha ser jitlaqqa’ t-Traffic Management Committee sabiex jiddeċiedi dwar l-ispeed camera fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-talba għal Speed Camera fi Triq Mons Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi ġiet diskussa fil-Kumitat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fil-21 t'Ottubru 2016. Ġie nnutat li t-talba li ġiet sottomessa ma kienitx tinkludi l-istudji neċessarji hekk kif stipulati fl-iSpeed Management Policy. Għaldaqstant, tali studji ser jitħejjew mill-Awtorita’ tat-Transport sabiex il-kumitat ikun f'pożizzjoni li jieħu deċiżjoni bbażata fuq l-istudji stipulati skont il-polza.

Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – speed bumps

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27899, jista’ l-Ministru jitlob lil Transport Malta sabiex terga’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar l-istallazjoni ta’ speed bumps fi Triq Dun Manwel Zammit is-Siġġiewi, speċjalment wara l-inċident li wassal biex persuna tilfet ħajjitha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-talba tal-kunsill lokali għal Rubber Road Hump diġa ġiet ikkunsidrata iżda ma tistax tiġi approvata għaliex ma tikkwalifikax skont il-kriterji tal-Awtorita’. Peress li din it-triq taqa’ taħt il-kunsill lokali huwa ssuġġerit li l-kunsill lokali jikkunsidra miżuri addizzjonali biex jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv f’din it-triq.